Wadi Rum
Wadi Rum (bl-Għarbi: وادي رم Wādī Ramm), magħruf ukoll bħala Wied il-Qamar (bl-Għarbi: وادي القمر Wādī al-Qamar), huwa wied maqtugħ fil-blat ramli u fil-granit b’pajsaġġ ta’ deżert, li jinsab xi 60 kilometru fil-Lvant ta’ Aqaba, fin-Nofsinhar tal-Ġordan. Wadi Rum huwa l-ikbar wadi (wied ġebli) fil-Ġordan[1] u sar Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011.
Isem
[immodifika | immodifika s-sors]Isem Wadi Rum, li litteralment ifisser Wied ir-Ramel, wisq probabbli joriġina mill-isem bikri ta’ Iram tal-Pilastri, belt mitlufa li tissemma fil-Koran.[2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Wadi Rum ġie abitat minn bosta kulturi umani minn żminijiet preistoriċi. Ħafna kulturi, fosthom in-Nabatej, ħallew il-marka tagħhom permezz ta’ tinqix petroglifiku (tinqix fil-blat), iskrizzjonijiet u tempju. Fil-Punent, Wadi Rum forsi huwa magħruf l-iktar għall-konnessjoni tiegħu mal-kurunell Brittaniku Thomas Edward Lawrence, li għadda mill-wied diversi drabi matul ir-Rewwixta tal-Għarab tal-1917-1918.[3] Fis-snin 80 tas-seklu 20, waħda mill-formazzjonijiet tal-blat f’Wadi Rum, magħrufa oriġinarjament bħala Jabal al-Mazmar (il-Muntanja tal-Pesta), ingħatat l-isem “Is-Seba’ Pilastri tal-Għerf” wara l-ktieb ta’ Lawrence li kiteb wara l-gwerra, għalkemm is-seba’ pilastri msemmijin fil-ktieb ma għandhom l-ebda konnessjoni ma’ Wadi Rum.[4]
Lawrence ddeskriva l-wasla tiegħu f’Wadi Rum b’dan il-mod “L-għoljiet fuq il-lemin bdew isiru iktar għoljin u bi blat iktar aħrax, kontroparti ġusta tan-naħa l-oħra li saret watja ferm qisha sur ta’ ħmura. Iż-żewġ naħat baqgħu sejrin hekk sakemm tant qorbu lil xulxin, li kien hemm żewġ mili biss bejn naħa u oħra: u mbagħad, bil-mod il-mod inqatgħu sew mill-art u bdew jgħolew flimkien sakemm ġew qishom żewġ parapetti paralleli li x’aktarx kien ilaħħqu xi elf pied ’il fuq minna, u li kienu jibqgħu sejrin għal mili sħaħ. Il-blat wieqaf, mimli ksur ta’ ġebel, beda ġej għat-tond, b’lewn inqas aħmar jgħajjat mill-bqija tal-għoljiet; lewn pjuttost griż u mitfi. Dan il-blat ta l-aħħar irtokk lil dan il-post irreżistibbli li kien qisu x-xbieha ta’ arkitettura Biżantina: f’din il-mogħdija li kienet ferm ikbar mill-immaġinazzjoni”.[5]
Lawrence ddeskriva wkoll meta ra l-għajn imsejjaħ Ain Shalaaleh, “Fuq il-blata mqabbża ’l barra li kien hemm fuqna, kien hemm iskrizzjonijiet ċari tan-Nabatej imnaqqxin fil-blat, u roqgħa b’inċiżjonijiet ta’ monogramma jew simbolu. ’L hawn u ’l hinn kien hemm tħarbix bl-Għarbi, inkluż marki tat-tribujiet, li wħud minnhom kienu xhieda ta’ migrazzjonijiet minsija: iżda l-attenzjoni tiegħi marret biss fuq iċ-ċafċif tal-ilma jgelgel minn xaqq fil-blat taħt id-dell tal-blata ta’ fuqna. Ħarist ġol-għajn biex nipprova nara minn fejn kien ġej l-ilma, u rnexxieli nilmaħ toqba żgħira, mhux ikbar mill-polz tiegħi, li minnha l-ilma kien ħiereġ b’ċertu pressa minn ġo xaqq fil-blat, sa ma jaqa’ b’dak il-ħoss ċar ta’ ċafċif u jinġema’ f’għajn baxx bir-ragħwa, wara qisha tarġa li kienet isservi bħala daħla. Kien hemm felċi u ħaxix bl-ifjen lewn aħdar mad-dawra li ħolqu ġenna żgħira ta’ xi ħames piedi kwadri”.[5]
L-iskoperta tat-Tempju tan-Nabatej fl-1933 reġgħet xeħtet id-dawl fuq dan il-wied qisu deżert. Tim Franċiż ta’ arkeologi lestew l-iskavi fl-1997.
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-żona hija ċċentrata fuq il-wied prinċipali ta’ Wadi Rum. L-ogħla elevazzjoni fil-Ġordan hija Jabal Umm ad Dami li tlaħħaq l-1,840 metru (id-data tal-SRTM tgħid li l-għoli huwa 1,854 metru), għolja/muntanja żgħira li tinsab xi 30 kilometru fin-Nofsinhar tal-villaġġ ta’ Wadi Rum. Din il-muntanja żgħira ġiet esplorata għall-ewwel darba minn Difallah Ateeg, Bedwin tat-tribù Żalabija minn Wadi Rum. F’jum bnazzi b’viżibbiltà tajba, wieħed jista’ jara l-Baħar l-Aħmar u l-fruntiera mal-Arabja Sawdija minn fuq nett.
Jabal Ram jew Jebel Rum (1,734 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar) hija t-tieni l-ogħla quċċata fil-Ġordan u l-ogħla quċċata fiż-żona ċentrali ta’ Wadi Rum[6], faċċata ta’ Jebel um Ishrin, li hija xi metru iktar baxxa.
Il-Kanjon Khaz'ali f’Wadi Rum huwa sit fejn hemm inċiżjonijiet petroglifiċi Tamudiċi fuq il-ħitan ta’ għar b’għamliet ta’ bnedmin u ta’ antilopi. Il-villaġġ ta’ Wadi Rum innifsu fih diversi mijiet ta’ abitanti Bedwini, li jgħixu fi djar tal-konkoż u f’tined bil-ġlud tal-mogħoż, u li jsuqu l-iktar vetturi li jingranaw fuq erba’ roti (4x4). Fil-villaġġ hemm skola għas-subien u oħra għall-bniet, ftit ħwienet, u l-kwartieri ġenerali tal-Uffiċjali tad-Deżert.[7]
Dan l-aħħar, Geoff Lawton kiseb suċċess billi stabbilixxa ekosistema ta’ permakultura f’Wadi Rum.[8]
Sit ta’ Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-żona protetta ta’ Wadi Rum, b’daqs ta’ 74,000 ettaru, ġiet iddeżinjata bħala Sit ta’ Wirt Dinji Mħallat (Kulturali u Naturali) tal-UNESCO fl-2011 għall-valur universali straordinjarju tagħha abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla: il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”, ladarba l-25,000 inċiżjoni petroglifika, l-20,000 iskrizzjoni, u l-154 sit arkeoloġiku f’Wadi Rum jipprovdu xhieda tal-litteriżmu mifrux fost is-soċjetajiet tar-rgħajja; il-kriterju (v) “Eżempju straordinarju ta’ insedjament uman tradizzjonali, ta’ użu tal-art jew ta’ użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta’ bidla irreversibbli”, ladarba f’Wadi Rum instabu diversi evidenzi tal-abitazzjoni u tal-użu tal-art kontinwi tul perjodu ta’ mill-inqas 12,000 sena; u l-kriterju (vii) “Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta’ ġmiel naturali u ta’ importanza estetika eċċezzjonali”, ladarba Wadi Rum huwa magħruf globalment bħala pajsaġġ tad-deżert ikoniku.[9]
Turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]L-industrija tat-turiżmu tal-Ġordan ingħatat spinta kbira mix-xeni tal-pajsaġġ tad-deżert ta’ Wadi Rum f’Lawrence of Arabia fl-1962.[10]
Wadi Rum huwa wieħed mill-iktar siti turistiċi popolari tal-Ġordan u jattira għadd ta’ turisti barranin. It-tribù Żalabija tgħix f’Wadi Rum u żviluppat is-servizzi u t-turiżmu avventuruż ekoloġiku fiż-żona protetta ta’ Wadi Rum. It-tribù tipprovdi tours, gwidi, akkomodazzjoni u faċilitajiet. Tieħu ħsieb ukoll xi ristoranti u ħwienet żgħar tal-ikel u tal-provvisti bażiċi għall-viżitaturi. Is-servizzi ta’ gwida tat-tribù jinkludu gwidi b’esperjenza fis-sewqan u fil-mixi qalb il-mogħdijiet muntanjużi. Permezz tas-servizzi li toffri, mhux talli taqla l-għajxien tagħha, iżda tiżgura li ż-żona protetta tibqa’ tiġi protetta fit-tul.
Fost l-attivitajiet popolari fil-pajsaġġ qisu deżert hemm tours b’vetturi 4x4, bil-mixi, biż-żwiemel, jew bl-iġmla, servizzi ta’ kampijiet biex wieħed jorqod taħt l-istilel, u tixbit mal-blat.
Dima u Lama Hattab, żewġ aħwa tewmin mill-Ġordan li kienu l-ewwel nisa fil-pajjiż li ġrew fl-ultramaratoni, jikkoordinaw maratona kull sena fir-reġjun imsejjaħ Jabal Ishrin.
Tixbit mal-blat
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Bedwini lokali xxabbtu mal-muntanji tal-blat ramli ta’ Wadi Rum għal bosta ġenerazzjonijiet. Ħafna mit-“Toroq tal-Bedwini” reġgħu ġew skoperti u ġew iddokumentati għax-xabbaturi moderni. Diversi minnhom huma inklużi fil-ktieb ta’ gwida ta’ Tony Howard, jew ittellgħu fuq l-internet minn Liên u Gilles Rappeneau.[11]
Fl-1949, ix-Xejikk Hamdan ħa grupp ta’ esperti biex jistħarrġu l-quċċata ta’ Jabal Ram. L-ewwel Ewropej li ġew iddokumentat li telgħu sal-quċċata ta’ Jabal Ram kienu Charmian Longstaff u Sylvia Branford f’Novembru 1952, iggwidati mix-Xejikk Hamdan. L-ewwel tixbit mal-blat li ġie ddokumentat kien fl-1984. L-ewwel grupp ta’ xabbaturi Ingliżi rrepeta ħafna mir-rotot tal-Bedwini. Fis-snin 80 tas-seklu 20, diversi xabbaturi rnexxielhom jixxabbtu f’rotot ġodda.[12]
Ir-rotta Guerre Sainte, li xi xabbaturi rnexxielhom jixxabbtu fis-sena 2000, kienet l-ewwel rotta f’Wadi Rum li hija mgħammra kollha bil-protezzjoni permezz ta’ boltijiet. Din ir-rotta, fuq il-faċċata tal-Lvant tal-muntanji tat-Tramuntana ta’ Jebel Nassarani, hija twila 450 metru, u hija kklassifikata li għandha diffikultà ta’ F7b jew F7aA0.[13]
Filmografija
[immodifika | immodifika s-sors]Wadi Rum intuża bħala xenarju u pajsaġġ f’diversi films. Il-produtturi tal-films jiġu attirati l-iktar minħabba l-lewn ħamrani tar-ramel li jixbaħ il-pajsaġġ tal-pjaneta Mars.[14]
Il-Location Managers Guild ta premju lill-Kummissjoni Rjali tal-Films fil-Ġordan fl-2017 għall-ħidma tal-Kummissjoni fil-ġbid tal-film Rogue One f’Wadi Rum. Il-Kummissjoni fl-imgħoddi ġiet nominata wkoll għall-ħidma tagħha fil-film The Martian.[15]
- Lawrence of Arabia – David Lean ġibed ħafna minn dan il-film tal-1962 f’Wadi Rum;[16]
- Red Planet – Wadi Rum intuża bħala s-superfiċe tal-pjaneta Mars f’dan il-film tas-sena 2000;
- Passion in the Desert – iż-żona ta’ Wadi Rum intużat ukoll għal xi xeni f’dan il-film tal-1998;
- The Face – il-film tal-BBC dwar it-tixbit mal-blat tax-xabbaturi pijunieri ta’ Wadi Rum Tony Howard u Di Taylor;
- Transformers: Revenge of the Fallen – Wadi Rum ġiet irrappreżentata taparsi l-Eġittu;
- The Frankincense Trail – xeni mill-ferrovija u xi ġbid mill-ajru wkoll;
- Prometheus – xeni għall-Pjaneta tal-Aljeni;[17]
- Krrish 3 – il-filmat tal-kanzunetta ta’ Bollywood Dil Tu Hi Bataa nġibed parzjalment f’Wadi Rum;
- May in the Summer – il-film ta’ Cherien Dabis kellu biċċiet twal fejn deher Wadi Rum;
- The Last Days on Mars – inġibdu xi xeni esterni biex tiġi rrappreżentata s-superfiċe tal-pjaneta Mars għal dan il-film tal-2013;[18][19]
- The Martian – il-ġbid tal-film ta’ Ridley Scott beda f’Marzu 2015 biex tiġi rrappreżentata s-superfiċe tal-pjaneta Mars;[20]
- Theeb – il-biċċa l-kbira tal-film inġibed f’Wadi Rum kif ukoll f’Wadi Araba[21];
- Rogue One: A Star Wars Story – inġibdu xi xeni f’Wadi Rum għar-rappreżentazzjoni ta’ Jedha;[22]
- Deserto de Revelação – inġibed filmat għall-album Brażiljan ta’ Diante do Trono fl-2017;
- Aladdin – inġibdu xi xeni għall-film tal-2019 ibbażat fuq il-cartoons tad-Disney tal-1992 bl-istess isem;
- Star Wars: The Rise of Skywalker – inġibdu xi xeni f’Wadi Rum għar-rappreżentazzjoni tal-pjaneta deżerta Pasaana;[23]
- Dune (2021) – inġibdu xi xeni f’Wadi Rum għar-rappreżentazzjoni tal-pjaneta deżerta Arrakis;[24]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Mannheim, Ivan (1 December 2000). Jordan Handbook. Footprint Travel Guides. p. 293. ISBN 978-1-900949-69-9.
- ^ "(1998) L. THOLBECQ, The Nabataeo-Roman Site of Wadi Ramm (Iram): A New Appraisal". … of the Department of Antiquities of … (bl-Ingliż).
|isem=
nieqes|isem=
(għajnuna) - ^ Ham, Anthony; Greenway, Paul (2003). Jordan. Lonely Planet. p. 212. ISBN 978-1-74059-165-2.
- ^ "Wadi Rum". Rough Guides (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-07.
- ^ a b Lawrence, T.E. (1935). Seven Pillars of Wisdom. Garden City: Doubleday, Doran & Company, Inc. pp. 351.
- ^ Scheck, Frank Rainer (1997). Jordanien: Völker und Kulturen zwischen Jordan und Rotem Meer (in German). DuMont Reiseverlag. p. 12. ISBN 978-3-7701-3979-8.
- ^ Howard, Tony; Taylor, Di (May 1997). Treks and Climbs in Wadi Rum, Jordan. Cicerone Press Limited. p. 20. ISBN 978-1-85284-254-3.
- ^ "From Desert to Oasis in 4 Years (Jordan)". The Permaculture Research Institute (bl-Ingliż). 2014-02-01. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-06-19. Miġbur 2021-03-07.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Wadi Rum Protected Area". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-07.
- ^ "The Complete Guide to Lawrence's Arabia". The Independent (bl-Ingliż). 2011-10-10. Miġbur 2021-03-07.
- ^ Gilles, Rappeneau. "Les Voies Bedouin du Wadi Ramm".
- ^ "Extra". Cicerone Press (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-07.
- ^ "Camptocamp.org". www.camptocamp.org. Miġbur 2021-03-07.
- ^ Stevens, Dana (2015-10-01). "The Martian Is Pure Hokum of the Most Satisfying Kind". Slate Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-07.
- ^ "RFC bags 'Outstanding Film Commission' Award". Jordan Times (bl-Ingliż). 2017-04-10. Miġbur 2021-03-07.
- ^ "Jordan - Touristic Sites - South of Amman". www.kinghussein.gov.jo. Miġbur 2021-03-07.
- ^ "Return of the 'Alien' Mind". The Hollywood Reporter (bl-Ingliż). 2012-05-16. Miġbur 2021-03-07.
- ^ Forde2013-05-28T11:56:00+01:00, Leon. "Ruairi Robinson, The Last Days On Mars". Screen (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-07.
- ^ Cooper2012-07-19T09:00:00+01:00, Contributing Editor Sarah. "Last Days On Mars". Screen (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-07.
- ^ "Ridley Scott's The Martian moves to Jordan". www.kftv.com. Miġbur 2021-03-07.
- ^ "Naji Abu Nowar talks about exploring the Bedouin way of life in his first feature Theeb". The National (bl-Ingliż). 2014-08-25. Miġbur 2021-03-07.
- ^ "Rogue One: A Star Wars Story – The complete history, Part III". Empire. Miġbur 2021-03-07.
- ^ "Star Wars: We Now Know the Name of The Rise of Skywalker's Desert Planet". CBR (bl-Ingliż). 2019-05-22. Miġbur 2021-03-07.
- ^ "Dune: Josh Brolin Reveals Arrakis Shooting Location in New Video". ScreenRant (bl-Ingliż). 2019-04-08. Miġbur 2021-03-07.
- ^ "Prithviraj Sukumaran and 'Aadujeevitham' team to return to Kerala - Times of India". The Times of India (bl-Ingliż). Miġbur 2021-03-07.