Tomaso Albinoni

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Tomaso Albinoni
Albinoni.jpg
Ħajja
Isem propju Tomaso Giovanni Albinoni
Twelid Venezja, 8 Ġunju 1671
Nazzjonalità Repubblika ta' Venezja
Mewt Venezja, 17 Jannar 1751
Post tad-dfin Bażilika ta' San Mark
Manjiera tal-mewt kawżi naturali (dijabete mellitus)
Edukazzjoni
Lingwi Taljan
Għalliema Giovanni Legrenzi
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kompożitur
vjolinist
chef de chant
drammaturgu
kittieb
Moviment mużika Barokka
Moviment artistiku opra
sinfonija
Strument/i tal-mużika vjolin

Tomaso Giovanni Albinoni (8 ta' Ġunju 1671 - 17 ta' Jannar 1751) kien kompożitur tal-Barokk Taljan. Ix-xogħlijiet tiegħu jinkludu opri, kunċerti, sonati għal wieħed sa sitt strumenti, sinfoniji, u kantati għal wieħed.[1] Filwaqt li fi żmienu kien famuż bħala kompożitur tal-opra, illum il-ġurnata huwa aktar magħruf għall-mużika strumentali tiegħu, speċjalment il-kunċerti.[2] Ħafna jafuh ukoll għax-xogħol popolari tiegħu imsejjaħ "Adagio fis-Sol minuri", li waqt li hu attribwit lilu, jgħidu li kitbu Remo Giazotto, mużikologu u kompożitur tas-seklu 20, li kien katalogatur tax-xogħlijiet ta' Albinoni.[3]

Bijografija[immodifika | immodifika s-sors]

Twieled Venezja, ir-Repubblika ta’ Venezja, minn Antonio Albinoni, negozjant għani tal-karti u studja l-vjolin u l-kant. Nafu relattivament ftit dwar ħajtu, li huwa sorprendenti meta nqisu l-istatura kontemporanja tiegħu bħala kompożitur, u l-perjodu ddokumentat sewwa li għex fih. Fl-1694 iddedika l-Opus 1 tiegħu lill-Kardinal Pietro Ottoboni (neputi tal- Papa Alessandru VIII ), Venezjan bħalu. L-ewwel opra tiegħu, Zenobia, regina de Palmireni, ittellgħet Venezja fl-1694. Jista' jkun li Albinoni kien impjegat fl-1700 bħala vjolinist ma' Karlu IV, Duka ta' Mantova, li lilu ddedika l-ġabra Opus 2 tiegħu ta' mużika strumentali. Fl-1701 kiteb is-suites Opus 3, popolari ħafna, u ddedika dik il-kollezzjoni lil Ferdinando de'medici, il-Gran-Prinċep tat-Toskana.[2]

Fl-1705, iżżewweġ lil Margherita Rimondi; Antonino Biffi, il- maestro di cappella ta ’ San Marco kien xhud, u jidher ċar li kien ħabib ta’ Albinoni. Madankollu jidher li Albinoni ma kellu l-ebda rabta oħra ma' dik l-istituzjoni mużikali, l-aqwa waħda ta' Venezja, u kiseb il-fama bikrija tiegħu bħala kompożitur tal-opra f’ħafna bliet fl-Italja, fosthom Venezja, Ġenova, Bolonja, Mantova, Udine, Piacenza, u Napli. Matul dan iż-żmien, kien ukoll jikkomponi mużika strumentali bl-abbundanza: qabel l-1705, kien jikteb l-aktar sonati għal tlieta u kunċerti għall-vjolin, iżda bejn dak iż-żmien u l-1719 kiteb sonati għal wieħed u kunċerti għall-oboe.[2]

Kontra l-biċċa l-kbira tal-kompożituri kontemporanji, jidher li qatt ma fittex kariga fil-knisja u lanqas f'qorti nobbli, imma mbagħad kellu mezzi indipendenti u seta' jikkomponi l-mużika mingħajr ħlas. Fl-1722, Massimiljanu II Emanwel, l-Elettur tal-Bavarja, li lilu Albinoni kien iddedika sett ta' tnax-il kunċert, stiednu biex jidderieġi tnejn mill-kunċerti tiegħu Munich.

Madwar l-1740, ġabra ta' sonati għall-vjolin ta' Albinoni ġiet ippubblikata fi Franza bħala xogħol postum, u l-istudjużi assumew għal ħafna żmien li dan kien ifisser li Albinoni kien miet sa dak iż-żmien. Madankollu, jidher li għex f'Venezja fl-oskurità; dokument fil-parroċċa ta' San Barnaba jindika li Tomaso Albinoni miet f’Venezja fl-1751, bid-dijabete mellitus.[4]

Il-mużika u l-influwenza[immodifika | immodifika s-sors]

Inċiżjoni tal-kompożituri Taljani Tomaso Albinoni, Domenico Gizzi (Egizio) u Giuseppe Colla minn Pietro Bettelini, fuq tpinġija ta' Luigi Scotti

Ħafna mix-xogħlijiet operistiċi tiegħu ntilfu, l-aktar minħabba li ma ġewx ippubblikati matul ħajtu. Madankollu, ġew ippubblikati disa' kollezzjonijiet ta' xogħlijiet strumentali. Dawn intlaqgħu b'suċċess konsiderevoli u reġgħu ġew stampati spiss. Allura llum aktar hu magħruf bħala kompożitur tal-mużika strumentali (99 sonata, 59 kunċert u 9 sinfoniji). F’ħajtu dawn ix-xogħlijiet tkienu meqjusin tal-istess livell bħal dawk ta’ Arcangelo Corelli u Antonio Vivaldi . Id-disa’ kollezzjonijiet tiegħu ppubblikati l-Italja, Amsterdam u Londra kienu ddedikati jew iffinanzjati minn lista impressjonanti ta’ nobbli tan-Nofsinhar tal-Ewropa. Albinoni kiteb mill-inqas ħamsin opra, li minnhom tmienja u għoxrin ittellgħu Venezja bejn l-1723 u l-1740. Albinoni nnifsu sostna li kiteb 81 opra (billi sejjaħ it-tieni opra mill-aħħar fil-librett tagħha, it-80 opra tiegħu). [5] [6] Minkejja l-produzzjoni operistika enormi tiegħu, illum huwa l-iktar magħruf għall-mużika strumentali tiegħu, speċjalment il-kunċerti għall-oboe (mill-ġabra 12 Concerti a cinque op. 7 u, l-iktar mill-ġabra famuża ħafna, 12 Concerti a cinque op. 9). Huwa l-ewwel Taljan li nafu li uża l-oboè bħala strument solo fil-kunċerti (c. 1715, fl-op. 7 tiegħu) u li ppubblika xogħlijiet bħal dawn.[7] Barra minn hekk Albinoni dan l-istrument użah spiss fix-xogħlijiet da camra u fl-opri tiegħu.

Il-mużika strumentali tiegħu ġibdet ħafna attenzjoni ta' Johann Sebastian Bach, li kiteb mill-inqas żewġ fugi fuq it-temi ta' Albinoni (Fuga fil-La maġġuri fuq tema ta' Tomaso Albinoni, BWV 950, u Fugue ifis-Si minuri fuq tema ta' Tomaso Albinoni, BWV 951) u spiss uża l-armoniji baxxi tiegħu għal eżerċizzji armoniċi tal-istudenti tiegħu. Parti mix-xogħol ta' Albinoni ntilfet fit-Tieni Gwerra Dinjija bil-qerda tal-Librerija Statali ta’ Dresden. Riżultat ta' dan, ftit li xejn huwa magħruf minn ħajtu u l-mużika tiegħu wara xi l-1710.

Xi nies jaħsbu li l-famuż Adagio fis-Sol minuri, is-suġġett ta' ħafna recordings moderni, kien ċajta mużikali komposta minn Remo Giazotto . Madankollu, sejba mill-mużikologu Muska Mangano, l-aħħar assistent ta’ Giazotto qabel mewtu, tefgħet xi dubju fuq dak it-twemmin. Fost id-dokumenti ta' Giazotto, Mangano skopra traskrizzjoni moderna miktuba bl-idejn imma indipendenti tal-baxx ċifrat, u sitt battuti frammentarji tal-ewwel vjolin, "li għandom fir-rokna ta' fuq tal-lemin timbru li jiddikjara b'mod ċert li ttieħed mill-oriġinal li kien Dresden". Dan jipprovdi appoġġ għar-rakkont ta' Giazotto li huwa kien ibbaża l-kompożizzjoni tiegħu fuq sors li kien jeżisti qabel.[8]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Norwich, John Julius (1990). Oxford Illustrated Encyclopedia Of The Arts. USA: Oxford University Press. pp. 11. ISBN 978-0198691372. [1]11
  2. ^ a b c Tomaso Giovanni Albinoni fl-Encyclopædia Britannica [2]
  3. ^ [3]
  4. ^ Giazotto, Remo (1945) Tomaso Albinoni: musico di violino dilettante veneto: (1671–1750) : con il catalogo tematico delle musiche per strumenti, 197 esempi musicali e 14 tavole fuori testo; Milano F.lli Bocca.
  5. ^ .Michael Talbot, "Tomaso Albinoni", Grove Music On-line. Oxford Music On-line, [4]
  6. ^ Baroque Composers and Musicians: Tomaso Albinoni
  7. ^ George J. Buelow, A history of baroque music, Indiana University Press, 2004, p. 467.
  8. ^ Nicola Schneider, "La tradizione delle opere di Tomaso Albinoni a Dresda", tesi di laurea specialistica (Cremona: Facoltà di musicologia dell'Università degli studi di Pavia, 2007): pp. 181–86.

Ħoloq esterni[immodifika | immodifika s-sors]