Siti Arkeoloġiċi ta' Bat, Al-Khutm u Al-Ayn

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Wieħed mill-oqbra tas-Sit Arkeoloġiku ta' Bat

Is-Siti Arkeoloġiċi ta' Bat, Al-Khutm u Al-Ayn huma grupp ta' nekropoli mit-3000 Q.K. li jinsabu qrib oażi tas-siġar tal-palm fuq in-naħa ta' ġewwa tal-Oman.[1] Dawn it-tliet siti arkeoloġiċi tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[2]

Preistorja u storja[immodifika | immodifika s-sors]

Mill-istudji li saru f'dawn l-aħħar ħmistax-il sena, intweriet l-eżistenza ta' għadd ta' insedjamenti umani bejn il-Golf tal-Persja u l-Golf tal-Oman.

Sit Arkeoloġiku ta' Bat[immodifika | immodifika s-sors]

Eżempju ta' torri bħal dak tas-sit arkeoloġiku ta' Al-Khutm.

Is-sit arkeoloġiku ta' Bat jinsab fi ħdan oażi tas-siġar tal-palm. Għall-ħabta tat-3000 Q.K., kien hemm kummerċ intensiv tar-ram (estratt lokalment) u tal-ġebel (x'aktarx id-diorit) mas-Sumeri.[3] In-nekropoli tikkonsisti minn 100 qabar u binjiet ċirkolari, kull waħda b'dijametru ta' madwar 20 metru (66 pied). Dawn il-binjiet ma għandhom fetħiet ta' aċċess fuq barra, għaldaqstant apparti l-possibbiltà tal-funzjoni ritwalistika tagħhom, jaf intużaw ukoll bħala mħażen jew silos. Il-funzjoni preċiża għadha mhux magħrufa fiċ-ċert. Fl-1972, l-iskavi mwettqa minn tim Daniż immexxi minn Karen Frifelt urew li l-inħawi ilhom abitati b'mod kontinwu għal 4,000 sena.[4]

Dan is-sit arkeoloġiku jinsab qrib it-triq bejn Amlah u Ad Dreez fid-direzzjoni ta' Ibri u apparti l-oqbra fih ukoll diversi torrijiet fl-inħawi magħrufa bħala ta' Qasr A'Rojoom. Hemmhekk wieħed isib struttura b'għamla ta' niċċa fid-deżert li nbniet minn blokok monolitiċi tal-ġebel li tospita 13-il kompartiment żgħir u bir fiċ-ċentru tat-torri. Ħafna mill-oqbra huma biss fdalijiet fi stat ta' borġ ġebel iżda għad hemm uħud mill-oqbra li għadhom f'kundizzjoni tajba u s-saff ta' barra tagħhom huwa magħmul mill-ġebla tal-ġir. L-għamla tonda iżda pjuttost ċatta ta' dawn l-oqbra hija simili ħafna għall-oqbra fil-Park Arkeoloġiku ta' Hili f'Al Ain, Abu Dhabi, li huwa Sit ta' Wirt Dinji ieħor tal-UNESCO fl-Emirati Għarab Magħquda.[5]

Sit Arkeoloġiku ta' Al-Khutm[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit arkeoloġiku ta' Al-Khutm jikkonsisti mill-fdalijiet ta' forti tal-ġebel u ta' oqbra ċirkolari b'dijametru ta' 20 metru (66 pied). Il-fdalijiet jinsabu madwar żewġ kilometri (1.2 mili) fil-Punent tas-sit arkeoloġiku ta' Bat f'oażi tas-siġar tal-palm biswit il-villaġġ ta' Al Wahrah. L-iskavi f'dan is-sit għadhom għaddejjin u qed jinbena wkoll ċentru għall-viżitaturi.[4]

Sit Arkeoloġiku ta' Al-Ayn[immodifika | immodifika s-sors]

Al-Ayn

Is-sit arkeoloġiku ta' Al-Ayn huwa nekropoli żgħir iżda huwa l-iżjed wieħed ippreservat u f'kundizzjoni tajba mit-tliet siti arkeoloġiċi. Jinsab madwar 22 kilometru (14-il mil) fix-Xlokk tas-sit arkeoloġiku ta' Bat u wieħed jaċċessa s-sit tul it-triq sekondarja bejn Amlah u Wadi Al-Ayn li tofroq mill-awtostrada 21. Il-muntanja ta' Jebel Misht tagħmilha ta' sfond għal ringiela ta' 21 qabar b'għamla qisha ta' girna ta' Malta jew taċ-ċelel fil-quċċata ta' Skellig Michael, l-Irlanda.[6]

Il-blat ċatt miekul bl-erożjoni quddiem l-oqbra ntuża għall-kostruzzjoni ta' dawn l-istrutturi. Il-pożizzjoni prominenti tagħhom fil-quċċata ta' għolja tirrappreżenta l-importanza li kellhom għas-soċjetà tal-madwar. L-oqbra jmorru lura għat-3000-4000 Q.K. u kull qabar intuża għal perjodu ta' bosta deċennji u għal diversi individwi. Apparti l-funzjoni funebri, l-arkeologi għadhom qed jinvestigaw il-fdalijiet u joħorġu b'teoriji differenti dwar il-possibbiltà ta' funzjonijiet oħra li seta' kellhom iktar 'il quddiem. Fosthom hemm l-użu possibbli bħala markaturi territorjali, x'aktarx bħala punti fissi biex jiġi kkalkulat il-moviment tal-kwiekeb fis-sema meta mqabbel mal-markaturi, iżda anke bħala siti ta' pellegrinaġġ u postijiet ta' rifuġju għall-abitanti ta' insedjamenti fil-qrib. Barra minn hekk, il-prinċipju ta' struttura ċirkolari b'ħitan għoljin li jagħmluha diffiċli biex wieħed jixxabbat magħhom u jitla' fuqhom jaf ispira wkoll it-torrijiet ċirkolari fis-sit arkeoloġiku ta' Al-Khutm kif ukoll fil-biċċa l-kbira tal-fortijiet madwar Nizwa.[4]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Parti mir-ringiela ta' oqbra fis-sit arkeoloġiku ta' Al-Ayn bil-muntanja ta' Jebel Misht fl-isfond.

Is-Siti Arkeoloġiċi ta' Bat, Al-Khutm u Al-Ayn ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]

Konservazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Is-siti ma ġewx soġġetti għal wisq restawr jew tipi oħra ta' konservazzjoni qabel il-protezzjoni pprovduta mill-UNESCO, għaldaqstant l-unika protezzjoni li kellhom kienet bis-saħħa ta' kemm kienu iżolati. Wieħed mill-iżjed perikli għall-preservazzjoni u għall-konservazzjoni tas-sit ġej min-nies li jgħixu fl-inħawi u li xi kultant jieħdu ġebel mis-siti arkeoloġiċi bħala materjal għall-kostruzzjoni.

Żvilupp[immodifika | immodifika s-sors]

F'Settembru 2021 tlestiet awtostrada bejn l-Oman u l-Arabja Sawdija, li tgħaddi qrib il-villaġġi fl-inħawi ta' dawn is-siti arkeoloġiċi.[7][8][9]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Christopher P. Thornton; Charlotte M. Cable; Gregory L. Possehl (2016). The Bronze Age Towers at Bat, Sultanate of Oman. University of Pennsylvania Press, Inc. pp. i–vi. ISBN 978-1-9345-3607-0.
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Sites of Bat, Al-Khutm and Al-Ayn". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-27.
  3. ^ "Dokument ta' Evalwazzjoni tal-ICOMOS" (PDF).
  4. ^ a b ċ Tony Walsh (2015), Walking Through History: Oman's World Heritage Sites, ISBN 978-9948162490.
  5. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Cultural Sites of Al Ain (Hafit, Hili, Bidaa Bint Saud and Oases Areas)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-27.
  6. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Sceilg Mhichíl". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-27.
  7. ^ Shaibany, Saleh Al (2021-07-06). "Oman-Saudi road to save 16 hours travel time nears completion". The National (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-27.
  8. ^ "New Saudi-Oman road to cut land travel time by 16 hours". gulfnews.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-27.
  9. ^ Shaibany, Saleh Al (2021-09-06). "Oman-Saudi desert road will breathe new life into sleepy villages". The National (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-27.