Sit Arkeoloġiku ta' Atapuerca

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-iskavi fil-fdalijiet tal-għar karstiku ta' Atapuerca

Is-Sit Arkeoloġiku ta' Atapuerca jinsab fil-provinċja ta' Burgos fit-Tramuntana ta' Spanja u huwa notevoli għall-evidenza li nstabet fih ta' okkupazzjoni umana preistorika bikrija. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]

Skoperta tas-sit[immodifika | immodifika s-sors]

L-importanza arkeoloġika ta' din il-parti tal-provinċja ta' Burgos kulma jmur ħarġet fid-dieher fis-seklu 20 bħala riżultat tal-kostruzzjoni ta' linja ferrovjarja (li issa m'għadhiex tintuża) minn ġol-Muntanji ta' Atapuerca. Sar qtugħ fil-fond fil-blat karstiku li espona s-saffi tal-blat u tas-sedimenti ta' karatteristiċi magħrufa bħala Gran Dolina, Galería Elefante u Sima de los Huesos. L-iskavi sussegwenti tal-1964 taħt id-direzzjoni ta' Francisco Jordá Cerdá rnexxielhom iwasslu għall-iskoperta ta' artefatti antropoġeniċi fossili umani minn firxa wiesgħa ta' żminijiet (bnedmin bikrin, gruppi ta' kaċċaturi, okkupanti ta' Żmien il-Bronż). Iktar 'il quddiem saru iktar skavi, u twettaq xogħol interdixxiplinari minn diversi timijiet, immexxija minn Emiliano Aguirre mill-1978 sal-1990 u iktar 'il quddiem b'mod konġunt minn Eudald Carbonell, José María Bermúdez de Castro u Juan Luis Arsuaga. Dawn irnexxielhom jikkonfermaw l-okkupazzjoni umana kontinwa tas-sit. F'Lulju 2020 ġew skoperti żewġ ħaġriet tal-kwarzit, li jmorru lura għal 600,000 sena ilu[2], sejba li mliet il-vojt li kien hemm fl-evidenza tal-okkupazzjoni umana tas-sit fuq firxa ta' 1,200,000 sena.[3]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Sit Arkeoloġiku ta' Atapuerca ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1][4] Is-sit huwa protett ukoll fil-livell nazzjonali (bħala Żona Arkeoloġika jew Zona Arqueológica bl-Ispanjol u bħala Sit ta' Interess Kulturali jew Bien de Interés Cultural bl-Ispanjol fir-reġistru tal-wirt) u fil-livell reġjonali (Kastilja u León iddeżinjat is-Sierra de Atapuerca bħala Spazju Kulturali jew Espacio cultural bl-Ispanjol).[5]

Il-pożizzjoni tas-siti tal-iskavi fejn kien sar il-qtugħ fil-fond għal-linja ferrovjarja. Is-siti huma identifikabbli mis-soqfa protettivi tagħhom. Dawn huma: (1) Daħla ta' aċċess fil-qtugħ; (2) Sima del Elefante; (3) Galería; (4) Gran Dolina.

Id-deżinjazzjoni reġjonali ta' Espacio cultural hija maħsuba biex twitti t-triq għat-turiżmu sostenibbli fil-villaġġi lokali. Hemm Ċentru ta' Aċċess għas-Sit (CAYAC) f'Ibeas de Juarros.[6] Barra minn hekk, hemm ukoll Ċentru tal-Arkeoloġija Sperimentali (CAREX) fil-villaġġ ta' Atapuerca. Is-sejbiet jintwerew fil-Mużew tal-Evoluzzjoni Umana fil-belt ta' Burgos.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent".[1]

Siti tal-iskavi[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa tal-qtugħ tal-linja ferrovjarja bis-siti tal-iskoperti

Portalón (mill-1910 sal-preżent)[immodifika | immodifika s-sors]

Ix-xogħol konġunt tal-arkeologi Jesús Carballo (mill-1910 sal-1911), Geoffrey Clark (fl-1971), José María Apellániz (mill-1973 sal-1983) u t-tim attwali ta' Juan Luis Arsuaga wassal għad-dokumentazzjoni tas-sekwenza tal-iskavi tal-oġġetti taċ-ċeramika mis-saffi tas-sedimenti kollha rilevanti min-Neolitiku.

Galería de la Eduarda y el Kolora (1972)[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Galería de la Eduarda y el Kolora hija għar lokali li fih xi pitturi mal-ħitan tal-blat tiegħu, u li ġie skopert fl-1972 minn grupp ta' speleologi lokali.

Galería (mill-1978 sal-preżent)[immodifika | immodifika s-sors]

Fost id-diversi fossili tal-flora u tal-fawna, instab framment ta' xedaq matul is-snin 70 tas-seklu 20 u framment ta' kranju fl-1995, u t-tnejn li huma kienu tal-Homo heidelbergensis. Imorru lura għal bejn 600,000 u 400,000 sena ilu.

Trinchera Dolina (mill-1981 sal-preżent)[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Gran Dolina (magħrufa wkoll bħala Trinchera Dolina jew Trunċiera Dolina) huwa għar kbir li ilu jiġi skavat minn Settembru 1981. Is-sedimenti tiegħu kienu maqsuma fi ħdax-il saff (TD-1 sa TD-11)

  • TD-11: instabu għodod Mousterjani.
  • TD-10: x'aktarx li kien kamp tal-Homo heidelbergensis bil-fossili ta' biżonti u għodod.
  • TD-8: aċċessibbli mill-1994, fih instabu fossili notevoli ta' karnivori.
  • TD-7: instab riġel ta' annimal bovin f'pożizzjoni anatomika fl-1994.
  • TD-6 (Aurora stratum): fl-1994 u fl-1995 instabu iżjed minn 80 framment tal-għadam ta' ħames jew sitt ominidi, li jmorru lura għal bejn 850,000 u 780,000 sena ilu, jiġifieri mill-inqas 250,000 sena iktar antiki minn kwalunkwe ominidu ieħor li kien qatt ġie skopert fil-Punent tal-Ewropa sa dak iż-żmien. Madwar 25 % tal-għadam fihom marki ta' manipolazzjoni li jissuġġerixxu l-kannibaliżmu. Il-klassifikazzjoni ta' dawn il-fdalijiet għadha fil-mira ta' dibattitu sħiħ; is-suġġerimenti jvarjaw mill-Homo erectus għall-Homo heidelbergensis u l-Homo antecessor. Xi riċerkaturi li huma familjari mal-materjal stratigrafiku tal-Gran Dolina jsostnu li l-Homo antecessor jaf kien l-antenat tal-Homo heidelbergensis, li min-naħa tiegħu kien l-antenat tal-Homo neanderthalensis. Instabu wkoll fossili simili għall-Homo erectus flimkien ma' għodod tal-ġebel u ta' materjali oħra rtokkati.
  • TD-5: x'aktarx li kien moħba ta' karnivoru.
  • TD-4: imur lura għal 780,000 sena ilu; instabu erba' bċejjeċ litiċi matul l-iskavi tal-1991 u diversi fdalijiet tal-Ursus dolinensis, speċi pjuttost rari ta' ors.
  • Fl-iktar livelli baxxi (TD-1 u TD-2) ma nstabet l-ebda fossila.
Trinchera Zarpazos, parti mis-sistema tal-Galería fl-2006

Sima de los Huesos (mill-1983 sal-preżent)[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Sima de los Huesos (Foss tal-Għadam) fih l-ikbar għadd ta' skoperti u għarfien xjentifiċi ta' valur b'implikazzjonijiet importanti. Dan is-sit jinsab fil-qiegħ ta' xaft fond 13-il metru (43 pied), li xi kultant jissejjaħ "ċumnija", li huwa aċċessibbli permezz ta' kurituri dojoq tal-Cueva Mayor.[7]

Mill-1997, l-iskavaturi sabu iżjed minn 5,500 fdal ta' għadam tal-bnedmin depożitati matul il-perjodu tal-Plejstoċen Medju, mill-inqas ta' 350,000 sena ilu, li jirrappreżentaw 28 individwu tal-Homo heidelbergensis.[8] Sejbiet assoċjati jinkludu l-fossili tal-Ursus deningeri u mannara tal-idejn imsejħa Excalibur. Din attirat livell għoli ta' attenzjoni, u għadd ta' esperti jappoġġaw l-ipoteżi li din l-għodda partikolari magħmula mill-kwarzit aħmar milli jidher kienet tintuża għal xi offerta ritwali, x'aktarx għal xi funeral. L-idea qanqlet tiġdid tal-progress evoluzzjonarju u tal-istadji tal-iżvilupp konjittiv, intellettwali u kunċettwali tal-bniedem.[9] Disgħin fil-mija tal-fossili magħrufa tal-Homo heidelbergensis inkisbu minn dan is-sit. Il-foss tal-fossili tal-għadam jinkludi:

  • Kranju sħiħ imsejjaħ il-Kranju Nru 5 u mlaqqam Miguelón, u l-fdalijiet frammentarji ta' kranju msejjaħ il-Kranju Nru 4 u mlaqqam Rui (b'referenza għall-mexxej militari Medjevali El Cid).
  • Pelvi sħiħ imsejjaħ il-Pelvi Nru 1 u mlaqqam Elvis.
  • Mandiboli, snien, ħafna għadam postkraniku (femora, għadam tal-idejn u tas-saqajn, vertebri, kustilji, eċċ.).
  • Fdalijiet ta' tifel jew tifla b'kranjosinostożi li jmorru lura għal 530,000 sena ilu. Ġie meqjus li s-sejba tipprovdi evidenza tal-qsim tal-ikel fil-popolazzjonijiet umani bikrin.[10]
  • DNA Mitokondrijali (mtDNA) minn femore ta' 400,000 sena ilu, li ġie sekwenzjat, u huwa l-eqdem mtDNA ta' ominidi li ġie rkuprat mill-2013. L-mtDNA nstab li kien eqreb għall-mtDNA tal-ominidi ta' Denisova milli għall-mtDNA tan-Neandertal.[11]
  • Fl-2016, ir-riżultati tal-analiżi nukleari tad-DNA ddeterminaw li l-ominidi ta' Sima kienu Neandertal u mhux ominidi ta' Denisova, u li d-diverġenza bejn in-Neandertal u l-ominidi ta' Denisova tmur lura għal iktar minn 430,000 sena.[12][13]
  • Fl-2019, analiżi tas-snien tan-Neandertal li nstabu fis-Sima de los Huesos indikat li l-bnedmin moderni u n-Neandertal isseparaw minn antenat komuni iktar minn 800,000 sena ilu.[14]
  • Fl-2020, analiżi tal-enamel tas-snien tal-ominidi li nstabu fis-siti tas-Sima del Elefante, tal-Gran Dolina-TD6 u tas-Sima de los Huesos ikkonkludiet li l-ominidi ta' Atapuerca kienu jikbru iktar malajr mill-bnedmin moderni.[15]

Xi skavaturi ddikjaraw li l-konċentrazzjoni ta' għadam fil-foss tippermetti li wieħed iqisu bħala ħjiel ta' kultura funebri tradizzjonali fost l-abitanti tal-għar. Teorija kompetitriċi tikkwota n-nuqqas ta' għadam żgħir u tissuġġerixxi li l-fossili spiċċaw fil-foss b'mod naturali u mhux għaliex tqiegħdu hemmhekk mill-bniedem.

Il-Kranju Nru 5 tal-Homo heidelbergensis, waħda mill-iżjed skoperti importanti; il-mandibola kważi intatta nstabet xi ftit snin wara.

Sima del Elefante (mill-1996 sal-preżent)[immodifika | immodifika s-sors]

Skont José María Bermúdez de Castro, il-kodirettur tar-riċerka f'Atapuerca, is-sejbiet fis-Sima del Elefante jappoġġaw "evidenza anatomika tal-ominidi li kienu jipproduċu għodod iktar minn miljun sena ilu", li jfisser li jaf kienu l-ewwel ominidi li għamlu dan fost l-ominidi tal-Punent tal-Ewropa. L-ewwel skoperta f'Ġunju 2007 kienet sinna[16], u mbagħad instab framment ta' xedaq u falanġi prossimali fl-2008.[17]

Cueva del Mirador (mill-1999 sal-preżent)[immodifika | immodifika s-sors]

Dan is-sit jipprovdi tagħrif dwar l-iżjed bdiewa u rgħajja lokali bikrin tal-aħħar tan-Neolitiku u ta' Żmien il-Bronż.

Wied tal-Orkidej (mis-sena 2000 sal-2001) u Hundidero (mill-2004 sal-2005)[immodifika | immodifika s-sors]

Xi għodod tal-ġebel tal-Paleolitiku Superjuri ġew estratti minn din il-lokalità.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Site of Atapuerca". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-26.
  2. ^ Domínguez, Nuño (2020-07-23). "Hallada una nueva presencia humana en Atapuerca hace 600.000 años". El País (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-04-26.
  3. ^ Burgos, Diario de (2020-07-23). "Atapuerca completa su secuencia evolutiva". Diario de Burgos . Miġbur 2022-04-26.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
  4. ^ "Landforms And Geomorphological Processes In The Duero Basin. Pleistocene Geoarcheology Of Ambrona And Atapuerca Sites" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2016-09-12. Miġbur 2022-04-26.
  5. ^ "MEMORIA del Espacio Cultural "Sierra de Atapuerca" (PDF).
  6. ^ "Visiting the Site Access Centre (CAYAC)". www.atapuerca.org (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-04-26.
  7. ^ "Atapuerca Mountains". ipfs.fleek.co. Miġbur 2022-04-26.
  8. ^ Greenspan, Stanley (2006-02-07). How Symbols, Language, and Intelligence Evolved from Early Primates to Modern Human. ISBN 978-0-306-81449-5.
  9. ^ "Excalibur, the rock that may mark a new dawn for man". the Guardian (bl-Ingliż). 2003-01-09. Miġbur 2022-04-26.
  10. ^ Gracia, Ana; Arsuaga, Juan Luis; Martínez, Ignacio; Lorenzo, Carlos; Carretero, José Miguel; Bermúdez de Castro, José María; Carbonell, Eudald (21 April 2009). "Craniosynostosis in the Middle Pleistocene human Cranium 14 from the Sima de los Huesos, Atapuerca, Spain". Proceedings of the National Academy of Sciences of the United States of America. 106 (16): 6573–6578.
  11. ^ Callaway, Ewen (2013-12-01). "Hominin DNA baffles experts". Nature (bl-Ingliż). 504 (7478): 16–17.
  12. ^ Callaway, Ewen (2016-03-01). "Oldest ancient-human DNA details dawn of Neanderthals". Nature (bl-Ingliż). 531 (7594): 286–286.
  13. ^ Meyer, Matthias; Arsuaga, Juan-Luis; de Filippo, Cesare; Nagel, Sarah; Aximu-Petri, Ayinuer; Nickel, Birgit; Martínez, Ignacio; Gracia, Ana; de Castro, José María Bermúdez; Carbonell, Eudald; Viola, Bence; Kelso, Janet; Prüfer, Kay; Pääbo, Svante (March 2016). "Nuclear DNA sequences from the Middle Pleistocene Sima de los Huesos hominins". Nature. 531 (7595): 504–507.
  14. ^ Gómez-Robles, Aida (2019-05-15). "Dental evolutionary rates and its implications for the Neanderthal–modern human divergence". Science Advances. 5 (5): eaaw1268. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  15. ^ Modesto-Mata, Mario; Dean, M. Christopher; Lacruz, Rodrigo S.; Bromage, Timothy G.; García-Campos, Cecilia (2020-03-13). "Short and long period growth markers of enamel formation distinguish European Pleistocene hominins". Scientific Reports. 10: 4665. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  16. ^ "'First west Europe tooth' found" (bl-Ingliż). 2007-06-30. Miġbur 2022-04-26.
  17. ^ Hopkin, Michael (26 March 2008). "Fossil find is oldest European yet". Nature: news.2008.691.