Santwarju ta' Bom Jesus do Monte
Is-Santwarju ta' Bom Jesus do Monte huwa santwarju Kattoliku Portugiż f'Tenões, 'il barra mill-belt ta' Braga, fit-Tramuntana tal-Portugall. L-isem tas-santwarju jfisser "Ġesù Twajjeb tal-Għolja".
Dan is-santwarju huwa eżempju notevoli ta' sit ta' pellegrinaġġ Kristjan b'taraġ Barokk monumentali li jitla' għoli ta' 116-il metru (381 pied). Huwa attrazzjoni turistika importanti ta' Braga.
Fis-7 ta' Lulju 2019, is-Santwarju ta' Bom Jesus do Monte ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Bosta għoljiet fil-Portugall u f'inħawi oħra tal-Ewropa ilhom siti ta' devozzjoni reliġjuża mill-qedem, u x'aktarx li l-għolja ta' Bom Jesus kienet waħda minn dawn is-siti. Madankollu, l-ewwel indikazzjoni ta' kappella fuq l-għolja tmur lura għall-1373. Din il-kappella ddeddikata lill-Kurċifiss Imqaddes ġiet rikostruwita fis-sekli 15 u 16. Fl-1629 inbniet knisja tal-pellegrinaġġi li ġiet iddedikata lil Bom Jesus (Ġesù Twajjeb), flimkien ma' sitt kappelli ddedikati lill-Passjoni ta' Kristu.
Is-santwarju attwali beda jinbena fl-1722, taħt il-patroċinju tal-Arċisqof ta' Braga, Rodrigo de Moura Telles. L-istemma tiegħu tidher fuq id-daħla tas-santwarju, fil-bidu tat-taraġ. Taħt it-tmexxija tiegħu, tlestiet l-ewwel parti tat-taraġ, flimkien ma' kappelli ddedikati lill-Via Crucis. Kull kappella hija mżejna bi skulturi tat-terrakotta tal-Passjoni ta' Kristu. L-arċisqof sponsorja wkoll is-segment ta' wara tat-taraġ, li għandu għamla żigżag u li huwa ddedikat lill-Ħames Sensi. Kull sens (Vista, Xamm, Smigħ, Mess, Togħma) huwa rrappreżentat b'funtana differenti. Fl-aħħar tat-taraġ, inbniet knisja Barokka għall-ħabta tal-1725 mill-arkitett Manuel Pinto Vilalobos.
Ix-xogħlijiet fuq l-ewwel kappelli, is-segmenti tat-taraġ u l-knisja baqgħu sejrin matul is-seklu 18. F'żona wara l-knisja (magħrufa bħala Terreiro dos Evangelistas), inbnew tliet kappelli ottagonali fis-snin 60 tas-seklu 18, bi statwi li juru l-episodji li seħħew wara li Ġesù ġie msallab, pereżempju meta Ġesù ltaqa' ma' Marija Maddalena. Id-disinn estern tal-kappelli mill-isbaħ huwa attribwit lill-arkitett rinomat ta' Braga André Soares. Madwar dawn il-kappelli hemm erba' funtani Barokki bl-istatwi tal-Evanġelisti, li jmorru lura wkoll għas-snin 60 tas-seklu 18.
Għall-ħabta tal-1781, l-Arċisqof Gaspar de Bragança ddeċieda li jlesti s-santwarju billi żied it-tielet segment tat-taraġ u knisja ġdida. Dan it-tielet segment huwa żigżag u huwa ddedikat lit-Tliet Virtujiet Teoloġiċi: il-Fidi, it-Tama u l-Karità, kull waħda bil-funtana tagħha. Il-knisja l-antika ġiet imġarrfa u nbniet oħra ġdida skont disinn Neoklassiku mill-arkitett Carlos Amarante. Din il-knisja l-ġdida, li nbdiet fl-1784, ġiet imżejna minn ġewwa fil-bidu tas-seklu 19 u ġiet ikkonsagrata fl-1834. L-artal prinċipali huwa ddedikat lill-Kruċifissjoni.
Fis-seklu 19, iż-żona madwar il-knisja u t-taraġ ġew esproprjati u mibdula f'park. Fl-1882, sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-santwarju, inbena l-funikular idrawliku ta' Bom Jesus ibbilanċjat bl-ilma sabiex jikkollega l-belt ta' Braga mal-għolja. Dan kien l-ewwel funikular li nbena fil-Peniżola Iberika u għadu jintuża sa llum il-ġurnata.
Is-santwarju ġie kklassifikat bħala Proprjetà ta' Interess Pubbliku mill-1970.[3]
Importanza
[immodifika | immodifika s-sors]Id-disinn tas-Santwarju ta' Bom Jesus, bin-natura Barokka tiegħu enfasizzata bl-għamla żigżag tat-taraġ tiegħu, influwenza bosta siti oħra fil-Portugall (bħal Lamego) u fil-Brażil kolonjali (bħas-Santwarju ta' Congonhas). Meta l-pellegrini kienu jitilgħu t-taraġ (skont it-tradizzjoni kienu mħeġġa jagħmlu dan għarkopptejhom), kienu jsegwu programm teoloġiku ta' kuntrast bejn is-sensi tad-dinja materjali u l-virtujiet tar-ruħ, fl-istess ħin li kienu jesperjenzaw ix-xeni tal-Passjoni ta' Kristu. Il-qofol tal-isforz kien it-tempju ta' Alla, il-knisja ta' fuq l-għolja. Il-preżenza ta' diversi funtani tul it-taraġ kienet tagħti l-idea ta' purifikazzjoni tal-pellegrini.
Il-knisja l-ġdida (li nbniet fl-1784–1834) ta' Carlos Amarante kienet waħda mill-ewwel knejjes Neoklassiċi tal-Portugall.
Din il-knisja ġiet elevata għal Bażilika Minuri fil-5 ta' Lulju 2015 mill-Papa Franġisku.[4]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Santwarju ta' Bom Jesus do Monte ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-7 ta' Lulju 2019.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju tal-għażla wieħed tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Six cultural sites added to UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-16.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Sanctuary of Bom Jesus do Monte in Braga". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-16.
- ^ "Monumentos". www.monumentos.gov.pt (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-16.
- ^ "abola.pt". web.archive.org. 2015-07-06. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-07-06. Miġbur 2022-08-16.