Aqbeż għall-kontentut

Rosemarie Aquilina

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Rosemarie Aquilina
Ħajja
Twelid Munich, 25 April 1958 (66 sena)
Nazzjonalità Stati Uniti tal-Amerka
Residenza East Lansing (en) Translate
Edukazzjoni
Alma mater Michigan State University (en) Translate
Cooley Law School (en) Translate
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni avukat
imħallef
kittieb
Impjegaturi Cooley Law School (en) Translate

Rosemarie Aquilina (1957) hija mħallef Amerikana f'Ingham County, Michigan, bint tabib Malti li emigra lejn l-Istati Uniti.

Dixxindenza Maltija

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-familja tal-Imħallef Aquilina emigrat lejn l-Istati Uniti meta hi kienet għadha tarbija. Missierha, Joe Aquilina, kien tabib mill-Qrendi, filwaqt li ommha hija Ġermaniża.[1]

F'intervista ma' It-Torċa, f'Jannar 2018, l-Imħallef Aquilina qalet li missierha hu Malti. Hu ġie fl-Istati Uniti bħala adult u ngħaqad mal-armata. Wara li serva fl-armata hu ltaqa' ma' ommha waqt li kien qed jistudja fil-Ġermanja. Hi marret tgħix man-nanniet sakemm missierha temm l-istudji tiegħu fl-iskola medika. F'Malta għandha ħafna familjari u żarithom ukoll. Aquilina għandha kemm passaport Malti kif ukoll passaport Amerikan. Ġiet naturalizzata bħala ċittadin tal-Istati Uniti meta kellha 12-il sena.

L-Imħallef Aquilina semmiet in-nanniet tagħha b’mod partikolari lil nannuha "Kola": "In-nannu Nicholas Aquilina għamel xogħol ta’ ħjata għad-damask u dan jiddendel fil-Knisja Parrokkjali tal-Qrendi fil-festa. Jien kont mort għall-festa u rajt dan id-damask li n-nannu u missieru kienu ħadmu. Aħna bqajna bid-drawwiet li nieklu ikel Malti minkejja li ġejna fl-Istati Uniti. Għadna nsegwu ukoll tradizzjonijiet Maltin oħra”.

Wara li ggradwat fil-liġi u ħadmet għal diversi snin bħala avukat, daħlet fil-militar. Hemmhekk hi saret l-ewwel mara li serviet bħala Mħallef u Avukat Ġenerali, u kienet imlaqqma' "Barracuda Aquilina".

Hija ħadmet għal diversi snin oħra bħala avukat, bi speċjalizzazzjoni fil-liġi tal-familja, qabel ma ġiet eletta bħala Mħallef fl-2008, fejn iktar tard serviet anki bħala Prim Imħallef.

Fl-2013, Aquilina qalet li l-applikazzjoni ta' Detroit biex jiddikjara l-falliment kienet tmur kontra l-kostituzzjoni, u bagħtet din id-deċiżjoni lill-President Barack Obama.

Il-każ Larry Nassar

[immodifika | immodifika s-sors]

F'Jannar 2018, isimha kien qed idur mal-erbat irjieħ minħabba r-rwol tagħha fil-każ tat-tabib Larry Nassar.[2]

L-Imħallef Aquilina kkundannat lit-tabib Larry Nassar għal 175 sena ħabs wara li semgħet għexieren ta' tfajliet jirrakkontaw kif kien abbuża minnhom, f'każ li xxokkja l-Istati Uniti u spiċċa ssemma' mad-dinja kollha.

Ħajja Personali

[immodifika | immodifika s-sors]

Aquilina hija wkoll omm, tħobb tikteb, u hija l-awtriċi ta' żewġ rumanzi, Feel No Evil uTriple Cross Killer.[3]

Kienet tmexxi talk show fuq ir-radju Amerikan jismu Ask the Family Lawyer.

  1. ^ Putnam, Judy. "Putnam: Ingham judge has creative life off the bench with new crime thriller". Lansing State Journal (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-02.
  2. ^ "Larry Nassar case: Who is Judge Rosemarie Aquilina?" (bl-Ingliż). 2018-01-24. Miġbur 2022-09-02.
  3. ^ "Rosemarie Aquilina: List of Books by Author Rosemarie Aquilina". www.paperbackswap.com. Miġbur 2022-09-02.