Aqbeż għall-kontentut

Riżerva tal-Bijosfera tal-Friefet Monarki

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-friefet monarki jtiru fir-riżerva ta' bijosfera fil-bnazzi

Ir-Riżerva tal-Bijosfera tal-Friefet Monarki (bl-Ingliż: Monarch Butterfly Biosphere Reserve; bl-Ispanjol: Reserva de Biosfera de la Mariposa Monarca) hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO li tinkludi l-biċċa l-kbira tas-siti li fihom il-popolazzjoni tal-Lvant tal-friefet monarki jpassu u jibqgħu hemmhekk għax-xitwa. Ir-riżerva tinsab fl-ekoreġjun tal-foresti tal-ballut u taż-żnuber tal-Medda Vulkanika Trans-Messikana mal-fruntiera ta' Michoacán u l-Istat tal-Messiku, 100 kilometru 'l bogħod (62 mil) mill-Belt tal-Messiku fil-Majjistral. Miljuni ta' friefet monarki jaslu fir-riżerva kull sena. Il-friefet monarki jgħixu biss f'frazzjon tas-56,000 ettaru tar-riżerva minn Ottubru sa Marzu. Il-missjoni tal-bijosfera hi li tipproteġi din l-ispeċi ta' friefet u l-ħabitat tagħha.[1]

Il-biċċa l-kbira tal-friefet monarki jpassu mil-Lvant tal-Amerka ta' Fuq u jibqgħu fir-riżerva għax-xitwa. Ir-riċerkaturi skoprew dawn iż-żoni tar-riżerva fl-1975. Id-digrieti Presidenzjali fis-snin 80 tas-seklu 20 u fis-sena 2000 iddeżinjaw dawn iż-żoni li għadhom privati bħala riżerva federali. Ir-riżerva ġiet iddikjarata bħala Riżerva ta' Bijosfera fl-1980 u bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008. Ir-riżerva hija waħda rurali u l-amministraturi tar-riżerva huma mħassba dwar l-effetti ta' ħsara tal-qtugħ illegali tas-siġar u tat-turiżmu. L-isforzi ta' konservazzjoni xi kultant jidħlu f'kunflitt mal-interessi tal-bdiewa lokali, is-sidien tal-art ibbażati fil-komunitajiet, is-sidien tal-art privati u l-popli indiġeni.[2][3]

Il-friefet monarki jtiru fil-bnazzi

Ir-reġjun tar-riżerva ntuża għall-qtugħ żejjed ta' siġar matul il-perjodu kolonjali tas-seklu 19. Ir-Rivoluzzjoni post-Messikana wasslet għal żieda ta' rimedju għal dawn l-azzjonijiet, fil-forma ta' għotjiet tal-art fost il-popolazzjonijiet indiġeni.[4] Ir-reġjun fil-biċċa l-kbira tiegħu baqa' rurali, u huwa magħruf għall-komunitajiet Otomi u Mazahua.[5] Dawn il-komunitajiet "tradizzjonalment ippreservaw in-naħat ta' fuq tal-ktajjen muntanjużi bħala artijiet tal-komunitajiet… għall-użu kollettiv, inkluż l-isfruttament sostenibbli tal-foresti, filwaqt li l-għoljiet iktar 'l isfel kienu maqsuma f'irqajja' għall-familji fejn l-unitajiet domestiċi kienu jkabbru l-għelejjel f'ġonna tradizzjonali tal-ikel”.

Sierra Chincua

Il-protezzjoni inizjali għaż-żoni fejn joqogħdu l-friefet monarki għax-xitwa ġiet imsaħħa b'digriet fl-1980 mill-President José López Portillo wara deċennji ta' riċerka estensiva dwar ix-xejriet migratorji tal-friefet monarki. Fl-aħħar tas-snin 80 tas-seklu 20, il-ġestjoni tar-riżerva ġiet iddelegata lis-Segretarjat tal-Iżvilupp Urban u l-Ekoloġija. Fl-1986, il-poeta u l-fundatur tal-Grupp ta' 100 Homero Aridjis ikkonvinċa lill-President Miguel de la Madrid biex dawn is-siti jingħataw protezzjoni speċjali, u d-digriet Presidenzjali li rriżulta, ippubblikat fid-9 ta' Ottubru 1986, iddeżinja lil Sierra Chincua, Sierra El Campanario, Cerro Chivatí-Huacal, Cerro Pelón u Cerro Altamirano bħala żoni protetti għall-migrazzjoni, għall-ibernazzjoni u għar-riproduzzjoni tal-friefet monarki bħala parti mir-Riżerva ta' Bijosfera Speċjali tal-Friefet Monarki li tkopri 16,110 ettaru [39,809 akru]. "Projbizzjoni totalu u permanenti tal-qtugħ tas-siġar u tal-użu tal-veġetazzjoni u tal-organiżmi selvaġġi" ġiet illeġiżlata fil-qalbi ta' dawn iż-żoni, b'total ta' 4,491 ettaru [11,000 akru]. Iż-żoni ta' lqugħ, b'total ta' 11,620 ettaru [28,714 akru] ġew stabbiliti sabiex "jipproteġu l-qalba taż-żoni mill-impatt estern, u l-attivitajiet ekonomiċi produttivi tħallew joperaw skont in-normi ambjentali". F'Settembru 2000, ir-Riżerva ta' Bijosfera tal-Friefet Monarki tkabbret għal 56,259 ettaru [217-il mil kwadru], bil-qalba taż-żoni li tammonta għal 13,552 ettary [52 mil kwadru] u ż-żoni ta' lqugħ jammontaw għal 42,707 ettaru [165 mil kwadru]. Fl-2008, meta Homero Aridjis kien l-ambaxxatur tal-Messiku għall-UNESCO, ikkonvinċa lill-21 membru tal-Kumitat tal-Wirt Dinji biex jaqblu b'mod unanimu għad-deżinjazzjoni tar-Riżerva ta' Bijosfera tal-Friefet Monarki bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, fil-kategorija tas-siti naturali.[6] Fi Frar 2014, il-Grupp tal-100 u Make Way For Monarchs bagħtu ittra lill-President Enrique Peña Nieto, lill-President Barack Obama u lill-Prim Ministru Stephen Harper biex jistaqsuhom jiddiskutu l-futur tal-friefet monarki fis-Summit tal-mexxejja tal-Amerka ta' Fuq li kellu jsir f'Toluca, l-Istat tal-Messiku, fid-19 u fl-20 ta' Frar. L-ittra kienet issostni li "l-għadd ta' friefet monarki li jpassu għax-xitwa fil-foresti ta' altitudni għolja tal-Messiku ċentrali niżel minn 1.1 biljun farfett monarka fl-1996 għal 33 miljun farfett monarka mifruxa fuq seba' siti matul l-istaġun 2013-2014, u b'hekk il-fenomenu straordinarju tal-passa tal-friefet monarki tinsab uffiċjalment mhedda".[4]

Il-farfett monarka mill-qrib

Fl-aħħar snin id-deklin fl-għadd tal-friefet monarki fir-Riżeva ta' Bijosfera tal-Friefet Monarki tal-Messiku seħħ minħabba l-qtugħ tas-siġar fir-riżerva, l-ekoturiżmu sfrenat u l-avvenimenti klimatiċi devastanti bħall-maltempati tax-xitwa tal-2002 fl-istat ta' Michoacan u n-nixfa kbira tal-2011 f'Texas, l-Istati Uniti. Iżda attwalment l-esperti tal-friefet monarki jaqblu li l-kawża prinċipali ta' dan it-tnaqqis drastiku fl-għadd ta' friefet monarki huwa ż-żieda enormi ta' għelejjel tal-qamħirrum u tas-sojja mmodifikati ġenetikament u reżistenti għall-erbiċidi (93 % tar-raba' totali bis-sojja u 85 % tar-raba' bil-qamħirrum fl-2013) fl-Istati Uniti. Il-bexx kostanti ta' erbiċidi fl-għelieqi qered il-pjanti tal-ispeċi Asclepias li qabel kienu abbundanti, li huma l-unika pjanti li x-xagħat tal-farfett monarka jista' jiekol. Il-friefet monarki litteralment qed imutu bil-ġuħ. Barra minn hekk, id-degradazzjoni kontinwa tal-ħabitat fejn il-friefet monarki jpassu għax-xitwa fil-Messiku qed ikollha impatt ukoll għaliex il-qtugħ illegali tas-siġar għadu għaddej. L-istqarrija konġunta maħruġa mit-tliet mexxejja fi tmiem is-summit saħqet li "se jkomplu jistinkaw biex jikkollaboraw għall-protezzjoni tal-bijodiversità tar-reġjun u biex jiġu indirizzati sfidi ambjentali oħra bħat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u l-ekosistemi fil-periklu".[4]

F'Ġunju 2014, Obama stabbilixxa Task Force tas-Saħħa tad-Dakkara bl-għan li "l-popolazzjoni tal-Lvant tal-friefet monarki tiżdied għal 225 miljun f'żona ta' sitt ettari fejn ipassu għax-xitwa fil-Messiku, permezz ta' azzjonijiet domestiċi u internazzjonali u sħubijiet pubbliċi u privati sal-2020". F'Ġunju 2016, iktar minn 200 xjenzat, kittieb u artist iffirmaw ittra miktuba minn Homero Aridjis, Dr. Lincoln Brower u Dr. Ernest Williams u indirizzata lill-President Messikan Enrique Peña Nieto, lill-President tal-Istati Uniti Barack Obama u lill-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau qabel is-Summit tal-Mexxejja tal-Amerka ta' Fuq li kellha ssir f'Ottawa iktar 'il quddiem, biex iħeġġu lit-tliet pajjiżi jaħdmu flimkien sabiex itaffu t-telf tal-ħabitat tat-tnissil tal-friefet monarki u sabiex itemmu l-qtugħ kollu tas-siġar fir-riżerva ta' bijosfera fl-istat ta' Michoacán u fl-Istat tal-Messiku. Fl-2020, kien hemm disa' kolonji ta' friefet monarki fil-Messiku, li okkupaw 2.10 ettari. Skont l-istimi tax-xjenzati jista' jkun hemm saħansitra 50 miljun farfett monarka f'ettaru, għaldaqstant il-popolazzjoni tal-2020 x'aktarx li kienet tlaħħaq il-105 miljun farfett monarka.

Kuntest notevoli ieħor rigward ir-riżerva ta' bijosfera huwa li Homero Gómez González għeb f'Jannar 2020, li kien figura importanti għall-konservazzjoni tal-friefet monarki. Gonzalez-Duarte jisħaq li dan jikkawża biża' u terrur fost il-komunità u ma jkunx jista' jiġi mibki b'funeral tradizzjonali. Il-mezzi tax-xandir koprew dan l-avveniment bħala konsegwenza ta' għemil dawk li kienu qed jaqtgħu s-siġar li ħelsu mill-ambjentalist. Gonzlez-Duarte jiċħad din in-narrattiva u jwaħħal fil-vjolenza li dejjem qed tiżdied u fil-preżenza tal-kriminalità organizzata.[4]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Riżeva tal-Bijosfera tal-Friefet Monarki ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2008.[6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali".[6]

Ġeografija u foresti

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-Santwarju ta' El Rosario

Ir-riżerva testendi mill-foresti muntanjużi tal-Lvant tal-istat ta' Michoacán sal-Punent tal-Istat tal-Messiku, 100 kilometru fil-Majjistral tal-Belt tal-Messiku. Il-parti tar-riżerva fl-istat ta' Michoacán fiha l-ogħla elevazzjonijiet fl-istat, inkluż qċaċet li jlaħħqu l-2,700 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Il-klima hija kklassifikata bħala waħda miti u kemxejn bl-indewwa, bi staġun tax-xita fis-sajf. It-temperatura massima medja tkun 22 °C (71 °F). F'din iż-żona jeżistu sottoklimi: bierda u nofshom bl-indewwa, kif ukoll semibierda u nofshom bl-indewwa.

Ir-riżerva fiha muntanji u għoljiet tal-bażalt li jiffurmaw xquq, fniedaq u rdumijiet f'orjentazzjoni mill-Grigal għal-Lbiċ. Il-formazzjonijiet tal-blat ħadu post il-koni vulkaniċi u s-saffi antiki tal-lava. Il-ħamrija hija tassew permeabbli, u dan iwassal għal ftit ilma tal-pjan. Hemm xi għadajjar u arroyos żgħar. Il-foresti tas-siġar taż-żnubier u tal-oyamel reżistenti jipprovdu mikroklimi kennija meta t-temperaturi jinżlu sal-punt ta' ffriżar u/jew tinżel ix-xita fix-xitwa. Ix-xjenzati huma mħassba li l-ħabitat tas-siġar tal-oyamel fir-riżerva se jonqos jew se jisparixxi sal-aħħar tas-seklu 21, l-iktar minħabba t-tibdil fil-klima.[7][8]

Din iż-żona hija miksija foresti. Il-kompożizzjoni tal-foresti tvarja skont l-altitudni:

  • siġar tal-ballut sa 2,900 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar;
  • siġar tal-ballut u taż-żnuber bejn 1,500 u 3,000 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar;
  • siġar tal-oyamel bejn 2,400 u 3,600 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar.

Taħt l-2,400 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, hemm żoni żgħar bis-siġar tal-ġniebru, bis-siġar taċ-ċedru u mergħat. Iż-żoni ġew immodifikati mill-agrikoltura u mill-insedjamenti umani.

Par friefet monarki

L-organiżmi selvaġġi fiż-żona jvarjaw minn sottotropikali għal sotto-Artiċi, fosthom għadd ta' speċijiet endemiċi. Dawn jinkludu ċ-ċriev ta' denbhom abjad (Odocoileus virginianus), il-kojote (Canis latrans), il-ballottri ta' denbhom twil (Neogale frenata), il-volpijiet griżi (Urocyon cinereoargenteus), il-fniek (Sylvilagus spp.), iċ-ċawluni (Corvus corax), l-avvultuni (Cathartes aura), il-kokki tal-Virginia (Bubo virginianus), kif ukoll tipi differenti ta' kolibri, rettili u anfibji.

Hemm erbatax-il kolonja maġġuri tal-friefet monarki f'dawn il-muntanji bil-foresti, li jirrappreżentaw iktar minn nofs il-kolonji tal-popolazzjoni tal-Lvant tal-friefet monarki fl-Istati Uniti u fil-Kanada. Huwa stmat li sa biljun individwu jqattgħu x-xitwa hawnhekk kull sena. Dawn il-kolonji jkunu densi ħafna, b'bejn sitt miljun u sittin miljun farfett monarka kull ettaru. Iż-żoni tar-riżerva jinsabu fil-muniċipalitajiet ta' Ocampo, Angangueo, Zitácuaro u Contepec fl-istat ta' Michoacán u fil-muniċipalitajiet ta' Donato Guerra, Villa de Allende u Temascalcingo fl-Istat tal-Messiku. Dawn jinqasmu f'ħames żoni jew nuklei prinċipali.[9]

Tmienja mill-erbatax-il kolonja jinsabu fiż-żona protetta. Il-kolonji jkopru 4.7 ettari biss, iżda ż-żona tal-bijosfera protetta tkopri 56,259 ettaru. Ħames kolonji jkunu miftuħa għall-pubbliku: Sierra Chincua u El Rosario fl-istat ta' Michoacan, u La Mesa, Piedra Herrada u El Capulin fl-Istat tal-Messiku. Hemm kolonji oħra qrib San José Villa de Allende u Ixtapan del Oro, iżda dawn ma jiġux promossi attivament għat-turiżmu minħabba r-riskju ta' ħsara għall-kolonji tal-friefet monarki.[10] El Rosario huwa l-ikbar santwarju fl-istat ta' Michoacán, fejn il-friefet monarki litteralment jiksu madwar 1,500 siġra.[11]

Filwaqt li l-bijosfera għad għandha problemi infrastrutturali, speċjalment il-ġbir tal-iskart madwar iż-żoni tal-parkeġġ u tal-merkanti, sar bosta titjib dan l-aħħar, b'mod partikolari fis-santwarju ta' El Rosario. Dan jinkludi mogħdijiet ċari minn fejn wieħed għandu jimxi, il-preżenza ta' uffiċjali tas-sigurtà u t-twettiq ta' rondi, u taraġ tal-ġebel jew tal-konkos f'postijiet weqfin biex ma jkunx hemm wisq erożjoni. Il-mogħdijiet għaż-żwiemel ġew eliminati wkoll minħabba l-erożjoni. Żewġ żoni oħra biss għandhom xi faċilitajiet. F'Sierra Chincua hemm faċilità tar-riċerka ddedikata lill-friefet monarki u serra għall-isforzi ta' afforestazzjoni mill-ġdid. F'Cerro El Companario hemm faċilitajiet għat-turiżmu.[1]

  1. ^ a b "México Desconocido". México Desconocido (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-08-19.
  2. ^ Ramírez, Maria Isabel; Azcárate, Joaquín G.; Luna, Laura (April 2003). "Effects of human activities on Monarch Butterfly habitat in protected mountain forests, Mexico". Forestry Chronicle. Canadian Institute of Forestry. 79 (2): 242–246.
  3. ^ Tucker, Catherine (2004). "Community Institutions and Forest Management in Mexico's Monarch Butterfly Reserve". Society and Natural Resources. Routledge. 17 (7): 569–587.
  4. ^ a b ċ d Gonzalez-Duarte, Columba (2021-06-01). "Butterflies, organized crime, and "sad trees": A critique of the Monarch Butterfly Biosphere Reserve Program in a context of rural violence". World Development. 142: 105420.
  5. ^ "Instituto Nacional de Ecología". web.archive.org. 2010-09-13. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-09-13. Miġbur 2022-08-19.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Monarch Butterfly Biosphere Reserve". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-19.
  7. ^ Twitter; Instagram; Email; Facebook (2019-04-09). "To save the monarch butterfly, Mexican scientists are moving a forest 1,000 feet up a mountain". Los Angeles Times (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-19.
  8. ^ Sieff, Kevin (2020-01-05). "Climate change is playing havoc with Mexico's monarch butterfly migration". Washington Post. ISSN 0190-8286.
  9. ^ "México Desconocido | Últimas noticias de la Reserva de la Biosfera Mariposa Monarca". web.archive.org. 2010-11-04. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-11-04. Miġbur 2022-08-19.
  10. ^ Novo, Gerardo; Jorge de la Luz (2002). The State of Mexico. Mexico City: Ediciones Nueva Guia. p. 88. ISBN 968-5437-26-2.
  11. ^ "Panorama de Michoacan,Nevadas en el Rosario". web.archive.org. 2011-07-09. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-09. Miġbur 2022-08-19.