Planetarju Rjali ta' Eise Eisinga
Il-Planetarju Rjali ta' Eise Eisinga (bl-Olandiż: Koninklijk Eise Eisinga Planetarium) huwa planetarju tas-seklu 18 fi Franeker, Friesland, in-Netherlands. Attwalment jintuża bħala mużew u huwa miftuħ għall-pubbliku. Il-planetarju ilu elenkat fost l-aqwa siti ta' wirt Olandiż mill-1990 u f'Diċembru 2011 tqiegħed fuq lista proviżorja bħala sit indikattiv. F'Settembru 2023 tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Is-sit huwa l-eqdem planetarju li għadu jaħdem fid-dinja.[2]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-planetarju nbena mill-1774 sal-1781 minn Eise Eisinga, maxxat tas-suf u astronomu dilettant.
Il-planetarju mekkaniku ta' Eise Eisinga nbena fis-saqaf tal-injam tal-kamra tas-salott tad-dar storika fuq il-kanal tal-astronomu dilettant. William I, il-Prinċep ta' Orange u l-ewwel Re tan-Netherlands tant baqa' impressjonat bil-planetarju, li xtara d-dar u saret planetarju rjali.[3]
Il-mużew jikkonsisti mill-kamra tal-planetarju, kamra fuq jintwerew id-dokumentarji, u l-ispazji bl-oġġetti speċjali tal-astronomija moderna għall-wiri. Partijiet oħra għall-wiri b'mod permanenti huma l-eks stabbilimenti tal-imxit tas-suf ta' Eisinga u kollezzjoni ta' strumenti astronomiċi storiċi. Fost l-istrumenti fil-kollezzjoni hemm teleskopji Ġorġjani, ottanti tas-seklu 18 u tellurju, jiġifieri mudell edukattiv tax-Xemx, tad-Dinja u tal-Qamar.
Il-mużew fih Kafetterija tal-Planetarju u l-Brasserie De Stadstuin li tinsab fl-eks dar tal-inkaljar tal-kafè ta' Van Balen.
Fl-2018, il-planetarju ċċelebra l-250 anniversarju tat-trasferiment ta' Eisinga lejn il-belt ta' Franeker fl-1768, sitt snin qabel ma beda jaħdem fuq il-planetarju tiegħu.[4] Is-sit huwa elenkat bħala Rijksmonument, bin-numru 15668.[5]
Il-planetarju ġie nnominat bħala sit indikattiv fit-12 ta' Diċembru 2011 mill-gvern tan-Netherlands, abbażi tal-istorja twila tiegħu bħala planetarju operattiv miftuħ għall-pubbliku u l-isforzi kontinwi biex dan il-wirt jiġi ppreservat. F'Diċembru 2018, tħabbar li l-Ministru Olandiż għall-Edukazzjoni, il-Kultura u x-Xjenza kien se jressaq applikazzjoni lill-UNESCO biex javvanza formalment in-nomina tal-planetarju, sabiex isir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO iktar 'il quddiem.[6]
Planetarju
[immodifika | immodifika s-sors]Planetarju huwa mudell operattiv tas-Sistema Solari. Il-planetarju ta' Eisinga huwa miżbugħ bl-ikħal b'kontorn ileqq tad-deheb. Ix-Xemx hija miżbugħa fiċ-ċentru tas-saqaf. Id-Dinja hija rrappreżentata bi sfera tad-deheb imdendla fuq wajer. Iż-żodjaku huwa miżbugħ ukoll. Il-planetarju mekkaniku għandu makkinarju qisu ta' arloġġ u jaħdem bħal kif taħdem is-sistema solari fil-verità, iżda bi skala mnaqqsa. Il-planetarju huwa preċiż ħafna, iżda mhuwiex perfett. Pereżempju, il-pendlu huwa magħmul minn tip wieħed ta' metall, għaldaqstant jiġi influwenzat minn fluttwazzjonijiet fit-temperatura.
Il-"wiċċ" tal-mudell iħares 'l isfel mis-saqaf ta' dik li qabel kienet il-kamra tas-salott ta' Eisinga, u l-biċċa l-kbira tal-makkinarju mekkaniku jinsab fl-ispazju ta' fuq is-saqaf. Il-planetarju jitħaddem permezz ta' pendlu, b'disa' piżijiet. Il-pjaneti jiċċaqilqu madwar il-mudell f'ħin reali u b'mod awtomatiku. Kull erba' snin trid issir "konfigurazzjoni ċkejkna mill-ġdid" u bl-idejn biex tikkumpensa għas-sena bisestili bid-29 ta' Frar. Il-planetarju juri wkoll il-ħin u d-data attwali. It-travu li fih in-numri tas-sena miktuba fuqu jrid jiġi ssostitwit kull 22 sena.[7]
Il-Planetarju Rjali ta' Eise Eisinga huwa l-eqdem planetarju operattiv fid-dinja. Sabiex jinħolqu l-"gerijiet" għall-mudell, kellhom jintużaw 10,000 musmar magħmula bl-idejn.[8] Apparti l-planetarju bażiku, jintwerew ukoll il-fażi tal-qamar u fenomeni astronomiċi oħra.
Il-planetarju nbena fuq skala ta' 1:1,000,000,000,000 (millimetru għal kull miljun kilometru).
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Planetarju ta' Eisinga fi Franeker ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Eisinga Planetarium in Franeker". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-04.
- ^ Abbot, Alison (2008). "Hidden treasures: Eise Eisinga Planetarium". Nature (bl-Ingliż). 451 (7182): 1057–1057.
- ^ "BBC - Travel - The world's oldest working planetarium". web.archive.org. 2018-03-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-03-20. Miġbur 2023-10-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Welcome - Planetarium Friesland". web.archive.org. 2013-09-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-01-29. Miġbur 2023-10-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Homepedia – Alles voor in en rondom het huis – van klussen tot design" (bl-Olandiż). 2023-10-02. Miġbur 2023-10-04.
- ^ "Eise Eisinga Planetarium voorgedragen voor Werelderfgoedstatus UNESCO". www.omropfryslan.nl (bl-Olandiż). 2018-12-12. Miġbur 2023-10-04.
- ^ Sixma, H. (1934). "The Franeker Planetarium". Popular Astronomy. SAO/NASA ADS. XLII (9): 489–495.
- ^ "Discover the solar system". Koninklijk Eise Eisinga Planetarium (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-04.