Pierre Fatou
Pierre Fatou | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Lorient, 28 Frar 1878 |
Nazzjonalità | Franza |
Mewt | Pornichet (en) , 9 Awwissu 1929 |
Post tad-dfin | Cimetière de Carnel (en) |
Familja | |
Missier | Ernest Fatou |
Aħwa |
uri
|
Edukazzjoni | |
Alma mater |
Collège Stanislas de Paris (en) (1894 - 1897) Lycée Saint-Louis (1897 - 1898) École Normale Supérieure (en) (1898 - 1901) |
Teżi | Séries trigonométriques et séries de Taylor |
Direttur tat-teżi | Paul Painlevé (mul) |
Lingwi | Franċiż |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
matematiku astronomu |
Impjegaturi | Osservatorju ta' Pariġi |
Premjijiet |
Pierre Joseph Louis Fatou (twieled fit-28 ta' Frar 1878 – miet fid-9 ta' Awwissu 1929)[1] kien matematiku u astronomu Franċiż. Huwa magħruf għal kontributi maġġuri f'diversi fergħat tal-analiżi. Il-lemma ta' Fatou u s-sett ta' Fatou ngħataw kunjomu.
Bijografija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-ġenituri ta' Pierre Fatou kienu Prosper Ernest Fatou (1832-1891) u Louise Eulalie Courbet (1844-1911), u t-tnejn li huma kienu fil-militar. Il-familja ta' Pierre xtaqitu jidħol fil-militar ukoll, iżda saħħtu ma kinitx tajba biżżejjed biex ikun jista' jidħol għal karriera militari.[1]
Fatou attenda l-École Normale Supérieure f'Pariġi fl-1898 fejn studja l-matematika u ggradwa fl-1901 meta ġie appuntat bħala stagiaire fl-Osservatorju ta' Pariġi. Fatou ġie promoss għal assistent astronomu fl-1904 u għal astronomu (bil-Franċiż: astronome titulaire) fl-1928. Huwa ħadem f'dan l-osservatorju sa mewtu.
Fatou ngħata l-Premju Becquerel fl-1918; huwa kien ukoll kavallier tal-Leġjun tal-Unur (1923).[2] Barra minn hekk, kien il-President tas-soċjetà matematika Franċiża fl-1927.[3]
Huwa kellu relazzjonijiet ta' ħbiberija ma' diversi matematiċi kontemporanji Franċiżi, speċjalment ma' Maurice René Fréchet u ma' Paul Montel.[4]
Fis-sajf tal-1929, Fatou mar fuq btala f'Pornichet, raħal ħdejn il-baħar fil-Punent ta' Nantes. Huwa kien qed joqgħod fil-Villa Le Brise-Lames ħdejn il-port, u b'xorti ħażin miet hemm fit-20:00 tal-Ġimgħa d-9 ta' Awwissu fil-kamra tiegħu. L-ebda kawża tal-mewt ma ngħatat fuq iċ-ċertifikat tal-mewt iżda Audin jargumenta li huwa miet minħabba li nfaqgħetlu xi ulċera fl-istonku. In-neputi ta' Fatou, Robert Fatou kiteb:
Peress li zijuwi matul ħajtu qatt ħass li kien utli li wieħed jikkonsulta lit-tabib, huwa miet ħabta u sabta f'kamra ta' lukanda f'Pornichet.[1]
Il-funeral ta' Fatou sar fl-14 ta' Awwissu fil-Knisja ta' Saint-Louis, u huwa ġie midfun fiċ-Ċimiterju ta' Carnel f'Lorient.[1]
Xogħol matematiku ta' Fatou
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xogħol ta' Fatou kellu influwenza kbira fuq l-iżvilupp tal-analiżi fis-seklu 20.
It-teżi tad-dottorat ta' Fatou fl-1906, Séries trigonométriques et séries de Taylor, kienet l-ewwel applikazzjoni tal-integral ta' Lebesgue għal problemi konkreti tal-analiżi, b'mod prinċipali għall-istudju tal-funzjonijiet analitiċi u armoniċi f'ċirku unitarju. F'dan ix-xogħol, Fatou studja għall-ewwel darba l-integral ta' Poisson ta' kejl arbitrarju f'ċirku unitarju. Dan ix-xogħol ta' Fatou kien influwenzat minn Henri Lebesgue li vvinta l-integral fl-1901.
It-teorema famuża ta' Fatou, li tgħid li funzjoni analitika limitata f'ċirku unitarju għandha limiti radjali kważi kullimkien f'ċirku unitarju, ġiet ippubblikata fl-1906. Din it-teorema kienet fl-oriġini ta' korp kbir ta' riċerka fil-matematika tas-seklu 20 taħt l-isem ta' funzjonijiet analitiċi limitati.
Għadd ta' riżultati fundamentali dwar il-kontinwazzjoni analitika ta' serje ta' Taylor jappartjenu lil Fatou.[5]
Fl-1917-1920, Fatou ħoloq il-qasam tal-matematika li tissejjaħ dinamika olomorfika (Fatou 1919, 1920, 1920b). Din tindirizza l-istudju globali tal-iterazzjoni tal-funzjonijiet analitiċi. Huwa kien l-ewwel wieħed li introduċa u studja s-sett li issa jissejjaħ is-sett ta' Julia (il-komplement tas-sett xi drabi jissejjaħ is-sett ta' Fatou). Uħud mir-riżultati bażiċi tad-dinamika olomorfika nkisbu wkoll b'mod indipendenti minn Gaston Julia u Samuel Lattes fl-1918. Id-dinamika olomorfika esperjenzat spinta qawwka ġdida mill-1982 bis-saħħa tal-iskoperti ġodda ta' Dennis Sullivan, Adrian Douady, John Hubbard u oħrajn. Stampi sbieħ li juru din it-teorija fil-prattika jiġu prodotti mill-kompjuters moderni li qanqlu interess kbir mhux biss tal-matematiċi iżda wkoll 'il barra mill-komunità matematika. Fl-1926, Fatou kien pijunier fl-istudju tad-dinamika ta' funzjonijiet sħaħ traxxendentali, suġġett li qed jiżviluppa b'mod intensiv fi żminijietna.
Bħala prodott sekondarju tal-istudji tiegħu fid-dinamika olomorfika, Fatou skopra l-hekk imsejħa dominji ta' Fatou-Bieberbach. Dawn huma sottoreġjuni proprji tal-ispazju kumpless tad-dimensjoni n, li huma biolomorfikament ekwivalenti għall-ispazju kollu. Tali reġjuni ma jistgħu jeżistu għal n=1.
Fatou wettaq xogħol importanti fil-mekkanika ċelesti. Huwa kien l-ewwel wieħed li bil-provi, b'mod rigoruż, ħaddem teorema (fuq konġetturi ta' Gauss) dwar il-medja ta' perturbazzjoni prodotta minn forza perjodika għal perjodu qasir (Fatou 1928).[6] Dan ix-xogħol tkompla minn Leonid Mandelstam, Nikolay Bogolyubov u l-istudenti tiegħu, u ġie żviluppat f'qasam kbir tal-matematika applikata moderna. Riċerka oħra ta' Fatou fil-mekkanika ċelesti tinkludi studju tal-moviment ta' pjaneta f'ambjent reżistenti.
Għażla ta' pubblikazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]- Fatou, P. (1906). "Séries trigonométriques et séries de Taylor". Acta Mathematica. 30: 335–400.
- Fatou, P. (1919). "Sur les équations fonctionnelles, I". Bulletin de la Société Mathématique de France. 47: 161–271.
- Fatou, P. (1923). "Sur les fonctions holomorphes et bornées à l'intérieur d'un cercle". Bulletin de la Société Mathématique de France. 51: 191–202.
- Fatou, P. (1926). "Sur l'itération des fonctions transcendantes entières". Acta Mathematica. 47 (4): 337–370.
- Fatou, P. (1928). "Sur le mouvement d'un système soumis à des forces à courte période". Bulletin de la Société Mathématique de France. 56: 98–139.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d "Pierre Fatou - Biography". Maths History (bl-Ingliż). Miġbur 2021-08-10.
- ^ Audin, Michèle (2009). Fatou, Julia, Montel, le Grand prix des sciences mathématiques de 1918, et après... Heidelberg: Springer. ISBN 978-3-642-00445-2. p. 138.
- ^ "Anciens Présidents | Société Mathématique de France". web.archive.org. 2014-11-29. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-11-29. Miġbur 2021-08-10.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Audin, Michèle (2009). Fatou, Julia, Montel, le Grand prix des sciences mathématiques de 1918, et après... Heidelberg: Springer. ISBN 978-3-642-00445-2. p. 132.
- ^ Bieberbach, Ludwig (1955). Analytische Fortsetzung. Berlin: Springer Verlag.
- ^ Mitropolsky, Iu. A. (1967). "Averaging method in non-linear mechanics". Intl. J. Non-Lin. Mech. 2 (1): 69–95.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': Pierre Fatou (Pierre Fatou) |