Park Nazzjonali ta' Canaima
Il-Park Nazzjonali ta' Canaima (bl-Ispanjol: Parque Nacional Canaima) huwa park ta' 30,000 km2 (12,000 mil kwadru) fix-Xlokk tal-Venezwela li bejn wieħed u ieħor jokkupa l-istess erja tar-reġjun ta' Gran Sabana. Jinsab fl-Istat ta' Bolívar u jasal sal-fruntiera mal-Brażil u mal-Gujana. Il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1994.[1]
Il-Park Nazzjonali ta' Canaima ġie stabbilit fit-12 ta' Ġunju 1962. Saħansitra fl-1990, il-pajjiżi li jieħdu sehem fit-Trattat ta' Kooperazzjoni Amazzonjana kienu rrakkomandaw li l-Park Nazzjonali ta' Canaima jiġi estiż lejn in-Nofsinhar biex jiġi kkollegat mal-Park Nazzjonali ta' Monte Roraima fil-Brażil, b'ġestjoni kkoordinati tat-turiżmu, tar-riċerka u tal-konservazzjoni.
Fl-1994, il-Park Nazzjonali ta' Canaima sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. L-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura wettqet valutazzjoni tal-konservazzjoni fl-2017, li permezz tagħha l-Park Nazzjonali ta' Canaima ġie elenkat bħala żona ta' tħassib sinifikanti, peress li ġew ikkwotati protezzjoni u ġestjoni mhux effettivi.
Il-Park Nazzjonali ta' Canaima huwa t-tieni l-ikbar park fil-Venezwela, wara Parima-Tapirapecó, u s-sit l-ikbar park nazzjonali fid-dinja. Bejn wieħed u ieħor huwa kbir daqs il-Belġju jew Maryland. Il-park jipproteġi parti mill-ekoreġjun tal-foresti bl-indewwa tal-Artijiet Għoljin tal-Gujana.[2]
Madwar 65 % tal-park huwa okkupat minn promontorji tal-blat imsejħa tepuis, li qishom muntanji bil-quċċata b'għamla ta' mejda li għandhom miljuni ta' snin, b'ħitan vertikali u kważi bi qċaċet ċatti għalkollox. Dawn jikkostitwixxu ambjent bijoloġiku uniku u huma ta' interess ġeoloġiku kbir. Fost l-irdumijiet u l-kaskati weqfin hemm il-Kaskati tal-Anġlu, li huma l-ogħla kaskata fid-dinja, b'għoli ta' 979 metru (3,212-il pied).
L-iżjed tepuis famużi fil-park huma l-Muntanja Roraima, l-ogħla waħda u l-iktar waħda li faċli li wieħed jixxabbat magħha sal-quċċata, u Auyantepui, is-sit fejn hemm il-Kaskati tal-Anġlu. It-tepuis huma magħmulin mill-ġebel ramli u jmorru lura għal żmien meta l-Amerka t'Isfel u l-Afrika kienu parti minn kontinent kbir uniku.
Il-park jospita l-Indjani indiġeni Pemon, li jagħmlu parti mill-grupp lingwistiku tal-popli Kalina. Il-Pemon għandhom relazzjoni intima mat-tepuis, u jemmnu li fihom jgħammru l-ispirti "Mawari". Il-park huwa relattivament remot, bi ftit toroq biss li jikkollegawh mal-irħula. Il-biċċa l-kbira tat-trasport fi ħdan il-park isir b'ajruplani ħfief minn xi mitjar li kien inbena mid-diversi missjonijiet tal-Kapuċċini, jew bil-mixi u bil-kenura.
Fawna
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Canaima fih varjetà ta' fawna, li hija mifruxa mal-park kollu skont diversi fatturi ambjentali bħall-altitudni u t-tip ta' veġetazzjoni. Fost l-ispeċijiet li jgħixu fil-park hemm:[3]
- l-armadillo ġgantesk (Priodontes maximus);
- il-lontra ġganteska (Pteronura brasiliensis);
- il-wikkiel ġgantesk tan-nemel (Myrmecophaga tridactyla);
- il-kawgar (Puma concolor);
- il-ġagwar (Panthera onca);
- is-sloth taż-żewġ dwiefer ta' Linnaeus (Choloepus didactylus);
- is-saki ta' wiċċu abjad (Pithecia pithecia);
- is-saki ta' dahru kannella (Chiropotes israelita);
- il-ġurdien ta' Roraima (Podoxymys roraimae);
- l-opossum ta' Tyleria (Marmosa tyleriana);
- l-arpa (Harpia harpyja);
- il-makaw tal-istrixxa ħamra (Diopsittaca nobilis);
- il-pappagall skur (Pionus fuscus);
- iż-żrinġ velenuż tal-istrixxi sofor (Dendrobates leucomelas);
- l-igwana ħadra (Iguana iguana);
- il-kolibrì (Trochilinae);
- it-tukani (Ramphastidae);
- il-bushmaster tal-Amerka t'Isfel (Lachesis muta);
- l-acouchi aħdar (Myoprocta pratti);
- il-kelb selvaġġ (Speothos venaticus).
Il-Park Nazzjonali ta' Canaima huwa wieħed fost diversi għexieren ta' reġjuni fil-Venezwela li ġew identifikati bħala Żona Importanti tal-Għasafar u Żona tal-Bijodiversità mill-BirdLife International, kooperattiva globali ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi ffukati fuq il-konservazzjoni tal-għasafar tad-dinja u l-ħabitats naturali tagħhom.
Flora
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm iktar minn 300 speċi botanika li huma endemiċi biss għal La Gran Sabana.
- Il-flora endemika tinkludi: Achnopogon, Adenanthe, Chimantaea, Mallophyton, Quelchia, Tepuia.
- Il-pjanti karnivori endemiċi jinkludu l-Heliamphora (il-buqari tal-Amerka t'Isfel) u l-Brocchinia (tip ta' bromeliad), kif ukoll diversi speċijiet lokali ta' Drosera, Genlisea u Utricularia.
Idrografija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-park jinkludi l-korp tal-ilma kollu tax-xatt tal-lemin tax-xmara Caroní u tnejn mill-ogħla kaskati fid-dinja, il-Kaskati tal-Anġlu u l-Kukenán, kif ukoll bosta kaskati oħra f'altitudni iktar baxxa.
Formazzjonijiet tal-art
[immodifika | immodifika s-sors]L-unika formazzjonijiet tal-art huma t-tepuis, li huma promontorji b'karatteristiċi uniċi, fosthom ħitan vertikali u qċaċet kważi ċatti għalkollox, għalkemm hemm diversi tepuis li ma jsegwux dawn il-karatteristiċi. Ġeoloġikament dawn huma fdalijiet ta' għata sedimentarja magħmula minn ġebel ramli antik ħafna li huwa sovraimpost fuq bażi ta' blat igneu (l-iktar granit) li huwa saħansitra iktar antik (kważi 3 biljun sena).
Fuq il-quċċata tagħhom jgħixu bosta speċijiet ta' pjanti u ta' annimali endemiċi speċifiċi. Xi speċijiet ta' pjanti endemiċi huma kkategorizzati bħala karnivori u b'hekk huma provvista tal-ikel (l-iktar insetti) li hu tant skars fil-muntanji. Il-formazzjonijiet ġeoloġiċi jmorru lura għal bejn 1.5 biljun u 2 biljun sena, u b'hekk huma fost l-eqdem formazzjonijiet tal-art fid-dinja. L-iżjed tepuis magħrufa huma l-Auyantepuy (li jsegwi l-Kaskati tal-Anġlu), ir-Roraima, il-Kukenan u ċ-Chimantá fost ħafna oħrajn.[4][5]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Canaima ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-1994.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Attrazzjonijiet turistiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Settur tal-Punent
[immodifika | immodifika s-sors]
|
|
Settur tal-Lvant
[immodifika | immodifika s-sors]
|
|
Il-Park Nazzjonali ta' Canaima huwa mifrux fix-Xlokk tal-Venezwela tul il-fruntiera bejn il-Gujana u l-Brażil. L-iżjed karatteristika magħrufa tal-Park Nazzjonali ta' Canaima hija l-formazzjoni ta' muntanji b'qċaċet ċatt magħrufa bħala tepuis li jkopru bejn wieħed u ieħor 65 % tal-park. It-tepuis jikkostitwixxu entità bijoġeoloġika unika u huma ta' interess ġeoloġiku kbir.
Mill-1993, il-Park Nazzjonali ta' Canaima ġie rrapportat li jilqa' madwar 100,000 turist fis-sena, b'90 % minnhom li jżuru l-promontorji tiegħu. Ftit biss mit-tepuis tiegħu huma aċċessibbli għall-viżitaturi, u dawn jinkludu r-Roraima u l-Auyán-tepui.[6] Il-Kaskati tal-Anġlu huma attrazzjoni turistika popolari, fejn il-viżitaturi jistgħu jmorru bil-kenura qalb il-foresta pluvjali vasta tal-park.[7]
Kultura popolari
[immodifika | immodifika s-sors]Canaima huwa l-isem mogħti lir-raħal kostali fittizju ta' California fejn suppost huwa ambjentat il-film Arachnophobia.[8]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Canaima National Park - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-07.
- ^ "South America: Southern Venezuela, northern Brazil, western Guyana, and eastern Colombia | Ecoregions | WWF". World Wildlife Fund (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-07.
- ^ Stachowicz, Izabela; Ferrer Paris, José Rafael; Quiroga-Carmona, Marcial; Moran, Lisandro; Lozano, Cecilia (2020). "Baseline for monitoring and habitat use of medium to large non-volant mammals in Gran Sabana, Venezuela". Therya. 11: 169–179. doi:10.12933/therya-20-891. hdl:1959.4/unsworks_67008.
- ^ "Shaw Communications". members.shaw.ca. Miġbur 2025-01-07.
- ^ Otto Huber u John J. Wurdack (1984), History of Botanical Exploration in Territorio Federal Amazonas, Venezuela. Smithsonian Institution Press, City of Washington.
- ^ UNEP-WCMC (2017-05-22). "CANAIMA NATIONAL PARK". World Heritage Datasheet (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-07.
- ^ "Canaima National Park (Official GANP Park Page)". national-parks.org (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-07.
- ^ "Filming Locations for Arachnophobia (1990), in in Cambria, Central California and Venezuela". The Worldwide Guide to Movie Locations. Miġbur 2025-01-07.