Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Þingvellir

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta miċ-ċentru tal-informazzjoni tal-park.

Þingvellir (bl-Iżlandiż: [ˈθiŋkˌvɛtlɪr̥], spelluta wkoll b'mod Angliċizzat bħala Thingvellir) kien is-sit tal-Alþing, il-parlament annwali tal-Iżlanda mid-930 W.K. sal-aħħar sessjoni li sar f'Þingvellir fl-1798. Mill-1881, il-parlament ġie ttrasferit fi ħdan Alþingishúsið f'Reykjavík.[1]

Þingvellir issa huwa magħruf bħala l-Park Nazzjonali ta' Þingvellir, u jinsab fil-muniċipalità ta' Bláskógabyggð fil-Lbiċ tal-Iżlanda, madwar 40 km (25 mil) fil-Grigal tal-belt kapitali tal-Iżlanda, Reykjavík. Þingvellir huwa sit ta' importanza storika, kulturali u ġeoloġika, u huwa waħda mill-iżjed destinazzjonijiet turistiċi popolari fl-Iżlanda. Il-park nazzjonali jinsab f'wied tettoniku li jimmarka l-quċċata tal-Katina tal-Atlantiku Nofsani u l-konfini bejn il-plakek tettoniċi tal-Amerka ta' Fuq u tal-Ewrasja. Lejn in-Nofsinhar tal-park hemm Þingvallavatn, l-ikbar lag naturali fl-Iżlanda.[2]

Il-Park Nazzjonali ta' Þingvellir (bl-Iżlandiż: þjóðgarðurinn á Þingvöllum [ˈθjouðˌkarðʏrɪn au ˈθiŋkˌvœtlʏm]) ġie stabbilit fl-1930, fl-1,000 anniversarju tal-Althing. Il-park iktar 'il quddiem twessa' sabiex jiġu protetti l-fenomeni diversi u naturali fl-inħawi tal-madwar, u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[3]

Toponimija[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta panoramika mill-ajru.

L-isem Þingvellir oriġina mit-terminu Norveġiż antik Þingvǫllr (pronunzja bin-Norveġiż antik: [ˈθiŋɡˌwɔlːz̠]), minn þing ("thing, assemblea") u vǫllr ("għalqa"), jiġifieri "għelieqi tal-assemblej". Is-sit kiseb ismu mill-Alþing (Althing), il-parlament nazzjonali tal-Iżlanda, li ġie stabbilit f'Þingvellir fid-930 u kellu seduti hemmhekk sal-1798. Thing kien forma ta' assemblea ta' governanza li kienet tinstab fis-soċjetajiet Ġermaniċi, u tradizzjoni li għadha teżisti f'xi forma jew oħra fit-Tramuntana tal-Ewropa.

Għalkemm l-isem Þingvellir huwa fil-plural, il-forma antika Þingvǫllr hija fis-singular, u ġieli għadek tisma' l-forma moderna fis-singular Þingvöllur.

Spiss l-isem jiġi Angliċizzat bħala Thingvellir, u xi kultant jiġi spellut ukoll bħala Tingvellir, Thingvalla jew Tingvalla b'lingwi oħra. Ġieli jiġi spellut ukoll bħala Pingvellir, għalkemm l-ittra "p" ma tikkorrispondix mal-ittra "þ" (thorn) tal-Iżlandiż, li tiġi ppronunzjata [θ], bħat-th bl-Ingliż.

Dingwall u Tingwall fl-Iskozja, Thingwall fl-Ingilterra, Tynwald fl-Isle of Man, Dinklage fil-Ġermanja, u Tingvoll fin-Norveġja kollha huma ismijiet ta' postijiet bl-istess għerq u tifsira.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit tal-ewwel parlament Iżlandiż.

Þingvellir sar park nazzjonali bis-saħħa ta' leġiżlazzjoni li għaddiet fl-1928 għall-protezzjoni tal-fdalijiet tas-sit tal-parlament, li ħolqot l-ewwel park nazzjonali fl-Iżlanda. Il-park ġie meqjus bħala "santwarju nazzjonali protett għall-Iżlandiżi kollha, proprjetà perpetwa tan-nazzjon Iżlandiż, għall-preservazzjoni tal-parlament, li qatt ma għandu jinbigħ jew jiġi ipotekat".[4]

Stabbiliment tal-parlament tal-Iżlanda[immodifika | immodifika s-sors]

Öxarárfoss

Skont il-Ktieb tal-Insedjamenti (Landnámabók), l-insedjament tal-Iżlanda beda fit-874, meta l-kap Norveġiż Ingólfr Arnarson sar l-ewwel insedjatur Norveġiż permanenti fuq il-gżira.[5] Matul is-sekli ta' wara, nies ta' nisel Norveġiż u Ċeltiku insedjaw l-Iżlanda. Minn stadju bikri ġew iffurmati assemblej distrettwali, iżda meta l-popolazzjoni kibret, kien hemm ħtieġa għal assemblea ġenerali. Id-dixxendenti ta' Ingólfur li ddominaw ir-reġjun tal-Lbiċ tal-Iżlanda kienu saru l-iżjed familja setgħana fil-pajjiż, u kapijiet oħra ħassew il-ħtieġa għal assemblea ġenerali sabiex jillimitaw is-setgħa tagħhom.

Grímur Geitskör ingħata r-rwol li jiġbor l-appoġġ u li jsib post adattat għall-assemblea. Għall-ħabta tal-istess żmien, is-sid ta' Bláskógar (l-isem kontemporanju għar-reġjun ta' Þingvellir) instab ħati ta' qtil. L-art tiegħu ġiet iddikjarata pubblika, u mbagħad bdiet tintuża għall-proċedimenti tal-assemblea, bdew jinbnew abitazzjonijiet temporanji, u l-foresta bdiet tintuża għall-ħatab u għar-ragħa taż-żwiemel. L-inħawi ta' Þingvellir intgħażlu għal din ir-raġuni u għall-aċċessibbiltà tal-post għall-iżjed reġjun popolat tat-Tramuntana, tan-Nofsinhar u tal-Punent.[6] L-itwal vjaġġ li goði (kap) kellu jivvjaġġa kien ta' 17-il jum, mill-iżjed parti fil-Lvant tal-pajjiż fejn il-muntanji u x-xmajjar glaċjali kienu ostakli skabrużi.[7]

L-istabbiliment tal-parlament Iżlandiż jingħad li kien l-istabbiliment tan-nazzjon tal-Iżlanda, u l-ewwel proċedimenti parlamentari fis-sajf tad-930 W.K. wittew it-triq għall-wirt kulturali u għall-identità nazzjonali komuni. Þingvellir kellu rwol ċentrali fl-istorja tal-pajjiż, u l-istorja tiegħu timxi kważi b'mod parallel mal-istorja tal-Commonwealth Iżlandiż.

Minn Commonwealth għal tmexxija barranija[immodifika | immodifika s-sors]

L-Alþingi (assemblea) f'Þingvellir kienet l-awtorità leġiżlattiva u ġudizzjarja suprema tal-Iżlanda mill-istabbiliment tagħha fid-930 sal-1271. Il-Lögberg jew il-Blat tal-Liġi kienet il-punt ċentrali tal-Alþingi u pjattaforma naturali għad-diskorsi. Il-Kelliem tal-Liġi, dak iż-żmien elett għal tliet snin, kien jippresjedi l-assemblea u kien jiddikjara l-liġi lokali bil-fomm. Qabel ma l-liġi kienet tiġi miktuba, huwa kien mistenni jgħidha bl-amment bil-fomm fuq il-Lögberg matul tliet sjuf, flimkien mal-proċeduri sħaħ tal-assemblea ta' kull sajf. L-inawgurazzjoni u x-xoljiment tal-assemblea kienu jseħħu fil-Lögberg, fejn kienu jiġu mħabbra d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill tal-Liġi, kien jiġi kkonfermat il-kalendarju, kienu jitressqu azzjonijiet legali u kienu jsiru tħabbiriet oħra li kienu jikkonċernaw in-nazzjon kollu. Kull min kien jattendi l-assemblea kien intitolat jippreżenta l-fehma tiegħu dwar kwistjonijiet importanti mil-Lögberg.

Il-Kunsill tal-Liġi kien iservi bħala parlament u bħala qorti suprema. Il-liġijiet kienu jgħaddu u jiġu approvati hemmhekk, u kienu jittieħdu d-deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet tad-dritt. Il-Kunsill tal-Liġi kien jaħtar lill-membri tal-Ħames Qorti (tip ta' qorti tal-appell) u lill-Kelliem tal-Liġi, u kien jieħu sehem fl-elezzjoni tal-isqof. Għad-differenza tal-Alþingi, il-Kunsill tal-Liġi kien korp magħluq fejn ftit nies biss kellhom drittijiet sħaħ: il-kapijiet (goði), il-Þingmen tagħhom u iktar 'il quddiem l-isqfijiet ukoll. Madankollu, kull min kien jattendi l-assemblea kien intitolat jara u jisma l-ħidma tal-Kunsill tal-Liġi.

Mill-iżjed żmien bikri sas-seklu 15, il-Kunsill tal-Liġi kien jiltaqa' f'Neðri-Vellir fix-xatt tal-Lvant tax-xmara Öxará, iżda meta x-xmara bidlet il-mogħdija tagħha għall-ħabta tal-1500, il-Kunsill tressaq lejn gżejra fix-xmara. Fl-1594, il-Kunsill tal-Liġi ġie rilokat taħt il-Blata antika tal-Liġi, u baqa' jopera hemmhekk sa meta l-Alþingi finalment ġiet ittrasferita fl-1798.

L-Alþingi kienet l-awtorità leġiżlattiva u ġudizzjarja ewlenija tal-Iżlanda għad-durata kollha tal-Commonwealth sal-1271. Is-setgħa eżekuttiva kienet f'idejn il-kapijiet u l-individwi li kienu jressqu l-fehmiet tagħhom. Dan kien arranġament pjuttost adegwat sakemm reġġa l-bilanċ tal-poter, iżda bdew ifeġġu xi dgħufijiet meta l-bilanċ ġie mfixfel.

Fl-aħħar deċennji tal-Commonwealth, kien hemm diżgwidi bejn il-familji tal-kapijiet, li rriżultaw biex l-Iżlanda taqa' taħt l-awtorità tal-Kuruna Norveġiża. Is-setgħa eżekuttiva ġiet imsaħħa taħt l-ordni l-ġdid, filwaqt li l-awtorità leġiżlattiva u ġudizzjarja għall-ewwel baqgħet f'idejn l-Alþingi, iżda gradwalment ġiet ittrasferita lill-mexxejja Norveġiżi u mbagħad lill-mexxejja Daniżi, sal-1662 meta r-Re tad-Danimarka sar il-monarka assolut tal-Iżlanda.

Ċentru soċjali[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kanjon ta' Flosagja.

Þingvellir kien iċ-ċentru tal-kultura Iżlandiża. Kull sena matul il-perjodu tal-Commonwealth, in-nies kienu jinġabru f'Þingvellir mill-pajjiż kollu, u xi kultant kienu jlaħħqu l-eluf.

Kienu jarmaw abitazzjonijiet temporanji (búð [ˈpuːθ], pl. búðir [ˈpuːðɪr̥]) b'ħitan tat-turf u tal-blat u b'soqfa temporanji bid-drapp minsuġ bl-idejn, u kienu joqogħdu fihom għall-ġimagħtejn tal-assemblea. Ma kien hemm l-ebda binja permanenti f'Þingvellir apparti razzett u iktar 'il quddiem żewġ knejjes.[8]

Għalkemm id-dmirijiet tal-assemblea kienu r-raġuni ewlenija għaliex wieħed kien imur fil-post, in-nies ordinarji kienu jinġabru f'Þingvellir għal varjetà ta' raġunijiet. Il-merkanti, dawk li kienu jsinnu x-xwabel, u l-kunziera kienu jbigħu l-merkanzija u s-servizzi tagħhom, l-intrattenituri kienu jagħmlu xi spettakli, u l-produtturi tal-birer kienu jlestu xi xarbiet għall-membri tal-assemblea. L-aħbarijiet kienu jingħataw minn postijiet 'il bogħod; u kienu jsiru logħbiet u festi. Iż-żgħażagħ kienu jiltaqgħu biex iħejju l-pjanijiet tagħhom, bl-istess mod bħall-figuri nazzjonali ewlenin u l-esperti tad-dritt. Kien hemm ukoll ħaddiema tal-irziezet li kienu jfittxu impjiegi kif ukoll xi tallaba. Þingvellir kien post fl-Iżlanda fejn kulħadd kien jiltaqa', u b'hekk witta t-triq għal-lingwa u għal-letteratura li kienu parti prominenti tal-ħajja tan-nies sa llum il-ġurnata.

Simbolu nazzjonalist[immodifika | immodifika s-sors]

Matul is-seklu 19, Þingvellir sar jintuża bħala simbolu nazzjonalist.[9] Skont ix-xjenzat politiku Iżlandiż Birgir Hermannsson, "Thingvellir jista' jitqies bħal knisja jew binja li kienet isservi bħala destinazzjoni ta' pellegrinaġġi u bħala sit għaċ-ċerimonji tar-ritwali tal-istat-nazzjon".[10]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Þingvellir ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2004.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[3]

Ġeoloġija[immodifika | immodifika s-sors]

Þingvellir huwa notevoli għall-ambjent tettoniku u vulkaniku mhux tas-soltu f'wied tettoniku.[11]

Iċ-ċaqliq kontinentali bejn il-plakek tettoniċi tal-Amerka ta' Fuq u tal-Ewrasja joħroġ fid-dieher fix-xquq jew fil-fniedaq tar-reġjun, u l-ikbar wieħed, Almannagjá, huwa prattikament kanjon. Dan jikkawża wkoll id-diversi terremoti fl-inħawi, li l-qawwa tagħhom spiss tiġi mkejla.[12]

Bugħaddas fis-Silfra.

Uħud mix-xquq tettoniċi huma mimlijin bl-ilma ċar. Wieħed minnhom, Nikulásargjá [ˈnɪːkʏˌlauːsarˌcauː], inbena pont fuqu għall-okkażjoni taż-żjara tar-Re Federiku VIII tad-Danimarka fl-1907. F'din l-okkażjoni, il-viżitaturi bdew iwaddbu l-muniti mill-pont għal ġox-xaqq, tradizzjoni bbażata fuq leġġendi Ewropej. Il-qiegħ imtela muniti jleqqu, u x-xaqq fl-ilma issa huwa magħruf iktar bħala Peningagjá [ˈpɛːniŋkaˌcauː], jew "xaqq tal-muniti".

Þingvellir jinsab fix-xatt tat-Tramuntana ta' Þingvallavatn, l-ikbar lag naturali tal-Iżlanda. Ix-xmara Öxará tgħaddi minn nofs il-park nazzjonali u tifforma kaskata f'Almannagjá [ˈalˌmanːaˌcauː], imsejħa Öxarárfoss. Max-xatt tat-Tramuntana tal-lag, ix-xaqq ta' Silfra huwa post popolari għall-għadis u għall-isnorkelling.

Il-Park Nazzjonali ta' Þingvellir ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO abbażi ta' kriterji kulturali. Fil-ġejjieni jaf jikkwalifika abbażi ta' kriterji ġeoloġiċi, bis-saħħa ta' "nominazzjoni ta' sensiela transkonfinali" possibbli għall-Katina tal-Atlantiku Nofsani, li tinkludi siti oħra fl-Atlantiku bħall-Gżira ta' Pico.[13]

Flimkien mal-kaskata ta' Gullfoss u l-geysers ta' Haukadalur, Þingvellir huwa parti minn grupp tal-iżjed attrazzjonijiet famużi tal-Iżlanda, magħruf bħala ċ-Ċirku tad-Deheb.

Arti[immodifika | immodifika s-sors]

Il-pittura minn "From Þingvellir" tal-pittur Iżlandiż Gunnar Gestsson. 1970.

Minħabba l-ambjent naturali, Þingvellir kien is-suġġett fix-xogħlijiet ta' għadd ta' pitturi Iżlandiżi, inkluż Johannes Sveinsson Kjarval u Ásgrímur Jónsson. Il-Gallerija Nazzjonali tal-Iżlanda għandha iktar minn 150 pittura ta' Ásgrímur Jónsson b'Þingvellir bħala s-suġġett ewlieni. Þingvellir sar popolari fost l-artisti iżda mhux biss għall-ambjent naturali tiegħu, iżda wkoll minħabba l-qrubija tiegħu mal-belt kapitali tal-Iżlanda, Reykjavík, u b'hekk l-ivvjaġġar sa hemmhekk u lura ma kienx jiswa wisq flus.

Turiżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Þingvellir huwa popolari mat-turisti, u huwa wieħed mit-tliet attrazzjonijiet ewlenin fi ħdan iċ-Ċirku tad-Deheb.[14] Hemm ukoll ċentru tal-viżitaturi, fejn il-viżitaturi jistgħu jiksbu interpretazzjoni tal-istorja u tan-natura tal-Park Nazzjonali ta' Þingvellir. Hemm ukoll ċentru ta' informazzjoni ħdejn is-sit tal-kampeġġ. Hemm mogħdijiet għall-mixi, fosthom Leggjabrjótur [ˈlɛcːaˌprjouːtʏr̥]. L-għadis sar popolari wkoll fis-Silfra peress li ċ-ċaqliq kontinentali bejn il-plakek tettoniċi wessgħet ix-xaqq tettoniku bżżejjed biex il-bugħaddasa jgawdu viżibbiltà mill-aqwa.[15]

Postijiet relatati[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa li turi l-kobor tal-park.

Postijiet kulturalment relatati[immodifika | immodifika s-sors]

Things (assemblej)[immodifika | immodifika s-sors]

  • Gulating, waħda mill-ewwel assemblej leġiżlattivi Norveġiżi u llum il-ġurnata waħda mill-qrati tad-dritt tal-Punent tan-Norveġja.
  • Jamtamót, l-assemblea leġiżlattiva storika ta' Jämtland.
  • Løgting, il-parlament tal-Gżejjer Faroe u Tinganes, is-sit tal-gvern tal-Gżejjer Faroe.
  • Tynwald, il-leġiżlatura tal-Isle of Man. Tynwald għandha l-istess għerq u l-istess tifsira ta' Þingvellir.

Toponimi simili[immodifika | immodifika s-sors]

  • Dingwall, distrett irjali fil-Highlands Skoċċiżi.
  • Thingwall, villaġġ f'Wirral, l-Ingilterra.
  • Tingwall, villaġġ f'Shetland.
  • Tingvoll, raħal fin-Norveġja.
  • Thingvalla, distrett fl-istat ta' North Dakota fl-Istati Uniti, wieħed mill-ewwel insedjamenti Iżlandiżi ta' dak l-istat[16], imsemmi f'ġieħ Þingvellir.[17]

Postijiet ġeografikament relatati[immodifika | immodifika s-sors]

Trivja[immodifika | immodifika s-sors]

  • Il-Linja ta' Thingvalla, kumpanija Daniża tat-trasport marittimu bejn l-1879 u l-1898, issemmiet hekk għal Þingvellir. Fl-aqwa tagħha, il-kumpanija kellha għaxar vapuri fil-flotta tagħha, u wieħed minnhom kien jismu S/S Thingvalla, varat fl-1873. Il-kumpanija kienet topera erba' vapuri oħra b'ismijiet Iżlandiżi, S/S Geiser, S/S Island u żewġ bastimenti msejħa S/S Hekla.[18]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "The Parliament House". Alþingi (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-22.
  2. ^ "Geology of Thingvellir". notendur.hi.is. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-07-22. Miġbur 2022-09-22.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Þingvellir National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-22.
  4. ^ Lagasafn. Lög um þjóðgarðinn á Þingvöllum, 2004 nr. 47 1. júní, 1.gr.
  5. ^ Tomasson, Richard F. (1980). Iceland, the first new society. University of Minnesota Press. ISBN 0-8166-0913-6.
  6. ^ Bergsteinn Jónsson, Björn Þorsteinsson. Íslands Saga til okkar daga. Reykjavík: Sögufélag, 1991.
  7. ^ Björnsson, Björn Th. Þingvellir. Reykjavík: Bókaútgáfa Menningarsjóðs, 1984.
  8. ^ Somerville, Angus A.; McDonald, Russell Andrew (2013). The Vikings and Their Age. University of Toronto Press. p. 55. ISBN 9781442605220.
  9. ^ Hermannsson 1963-, Birgir (2012). "Hjartastaðurinn : Þingvellir og íslensk þjóðernishyggja" (bl-Iżlandiż). Ċitazzjoni journal għandha bżonn |journal= (għajnuna)
  10. ^ Jón Karl Helgason (Fall 2017). "Hver skóp Þingvelli sem sögulegt minnismerki?". Saga.
  11. ^ "Geology of Thingvellir". notendur.hi.is. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-07-22. Miġbur 2022-09-22.
  12. ^ "Earthquakes - Iceland". hraun.vedur.is. Miġbur 2022-09-22.
  13. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "The Mid-Atlantic Ridge". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-22.
  14. ^ "Golden Circle Iceland tour with a stay in a bubble". www.buubble.com (bl-Ingliż). 2016-10-06. Miġbur 2022-09-22.
  15. ^ "The Execution Trail in Thingvellir National Park". wonderguide.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2022-09-22. Miġbur 2022-09-22.
  16. ^ Johnson, Sveinbjorn (1906). Libby, Orin Grant (ed.). The Icelandic Settlement of Pembina County. Collections of the State Historical Society of North Dakota. Vol. 1. Bismarck, ND: Tribune, State Printers and Binders. p. 109.
  17. ^ "Thingvalla History". web.archive.org. 2011-07-28. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2011-07-28. Miġbur 2022-09-22.
  18. ^ "The Thingvalla Line - Passenger lists and Emigrant ships from Norway-Heritage". www.norwayheritage.com. Miġbur 2022-09-22.