Aqbeż għall-kontentut

Palmaria

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Palmaria.

Palmaria hija gżira Taljana li tinsab fin-naħa l-iktar fil-Punent tal-Golf ta' La Spezia fil-Baħar Liguri. Hija parti minn arċipelagu ta' tliet gżejjer qrib ħafna ta' xulxin li sseparaw min-Nofsinhar tal-art kontinentali tal-Italja f'Portovenere. Hija l-ikbar gżira minnhom it-tlieta, u l-iżgħar gżira jew gżejra hija Tinetto.

Fl-1997, l-arċipelagu, flimkien ma' Portovenere u Cinque Terre, ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]

Il-gżira ta' Palmaria għandha erja ta' 1.89 kilometru kwadru (0.73 mili kwadri) u b'hekk hija l-ikbar mit-tliet gżejjer fil-Golf ta' La Spezia. Iż-żewġ gżejjer l-oħra, Tino u Tinetto, jinsab ftit mijiet ta' metri fin-Nofsinhar. Palmaria hija wkoll l-ikbar gżira fir-reġjun kollu tal-Liguria.

Il-gżira għandha għamla triangolari: in-naħat li jinsabu faċċata ta' Portovenere u l-Golf ta' La Spezia huma l-iżjed popolati u jinżlu bil-mod il-mod lejn il-livell tal-baħar, miksija b'veġetazzjoni Mediterranja tipika. In-naħa tal-Punent, lejn il-baħar miftuħ, fiha rdumijiet għoljin telgħin 'il fuq mill-ilma, fejn hemm bosta għerien. In-naħat popolati fihom xi djar privati, ristorant f'Pozzale, u ħafna stabbilimenti tal-għawm, uħud pubbliċi u wħud riżervati għall-impjegati tal-Flotta Navali u tal-Forza tal-Ajru.

In-naħa tal-Punent hija l-inqas aċċessibbli. Attrazzjonijiet sinifikanti huma l-Għar Ikħal, li huwa aċċessibbli bid-dgħajsa biss, u l-Għar tal-Ħamiem li huwa aċċessibbli biss bit-tixbit bil-ħbula. L-Għar tal-Ħamiem kien importanti ħafna fl-istudju ta' avvenimenti storiċi li seħħew fil-Golf. L-għadam fossilizzat ta' annimali tal-Plejstoċen bħall-kamoxx u l-kokka tal-borra nstabu hemmhekk, flimkien mal-fdalijiet ta' bnedmin li huma evidenza tal-preżenza umana mill-inqas minn ħamest elef sena ilu.

Fuq il-gżira hemm ukoll bosta binjiet militari ta' interess storiku kbir. Il-quċċata tal-gżira mhix miftuħa għall-pubbliku peress li hija eks żona militari, għalkemm tinsab fi stat ta' abbandun. Fost l-istrutturi preżenti hemm il-Forti tal-Konti ta' Cavour (jew il-Forti ta' Palmaria), il-batterija li issa tintuża bħala ċentru edukattiv sperimentali dwar l-ambjent, Batteria Semaforo qrib il-ponta tat-Torri ta' Scola, u l-fdalijiet tal-batterija ta' Albini. It-torri ta' Umberto I, miksi bil-ħadid, intuża fit-Tieni Gwerra Dinjija bħala ħabs militari u ġie rinnovat ftit snin ilu. Sparpaljati madwar il-gżira hemm diversi bunkers abbandunati mit-Tieni Gwerra Dinjija u l-fdalijiet ta' artillerija kostali u batteriji ta' kontra l-inġenji tal-ajru, il-biċċa l-kbira minnhom mhux aċċessibbli minħabba li nħakmu mill-veġetazzjoni.

Irħam ta' Portoro

[immodifika | immodifika s-sors]

F'Pozzale, fin-naħa tan-Nofsinhar tal-gżira, hemm barriera abbandunata li fl-imgħoddi kienet tintuża għall-estrazzjoni tal-irħam iswed prezzjuż bi strixxi lewn id-deheb imsejjaħ irħam ta' portoro. Għad hemm fdalijiet ta' krejnijiet u ta' tagħmir tal-olzar li kienu jċaqilqu l-blokok tal-irħam, kif ukoll ħitan tad-djar tal-minaturi.[2]

Ħabitat naturali

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-flora ta' Palmaria hija magħmula minn madwar 500 speċi. Il-veġetazzjoni oriġinali li x'aktarx li kienet tikkonsisti primarjament minn arbuxxelli Mediterranji u foresti tas-siġar tal-ballut, ġiet immodifikata minn kawżi antropiċi bħan-nirien, l-agrikoltura u l-introduzzjoni ta' pjanti u annimali aljeni, fosthom platani, siġar tal-palm u fniek.

Illum il-ġurnata s-siġar taż-żnuber (Pinus pinaster u Pinus halepensis) jaqsmu l-ispazju ma' speċijiet Mediterranji tipiċi bħall-ballut (Quercus ilex), il-ballut roverell (Quercus pubescens), id-deru (Pistacia lentiscus), is-siġar tal-frawli (Arbutus unedo), il-ward tal-blat (Cistus monspeliensis, Cistus salvifolius, Cistus incanus) u l-ġinestra safra (Spartium junceum).

Gruppi importanti oħra ta' pjanti jinkludu t-tengħud (Euphorbia dendroides) u qrib l-irdumijiet mal-baħar, il-ħasura (Crithmum maritimum). Fost il-flora l-ġdida, Centaurea cineraria veneris u Iberis umbellata var. linifolia huma esklużivi għal Palmaria, u Centaurea aplolepa lunensis hija endemika għal-Lvant tal-Liguria. Pjanti notevoli oħra jinkludu Brassica oleracea robertiana, Serapias neglecta u Cistus incanus, li huma pjanti rari fil-Liguria.

Hemm bosta speċijiet ta' rettili fuq il-gżira, fosthom l-iżgħar wiżgħa Ewropea, il-wiżgħa Ewropea fillodattila (Phyllodactylus europaeus). Għalkemm hija preżenti wkoll fil-gżejjer ġirien ta' Tino u Tinetto, din l-ispeċi hija rari fil-Liguria.

Fost l-ispeċijiet ta' għasafar hemm l-ispanjulett (Falco tinnunculus), il-bies (Falco peregrinus), l-isparvier (Accipiter nisus), il-ħaġla ħamra (Alectoris rufa), il-gawwi (Larus argentatus, Larus michahellis), l-Għarab (Corvus corax), il-ġanbublu (Monticola solitarius), u l-margun (Gulosus aristotelis).

Diversi speċijiet ta' friefet il-lejl jgħixu fl-għerien ta' Palmaria: Plecotus auritus, Rhinolophus ferrumequinum u Rhinolophus hipposideros.

Kolonji ta' fniek u ta' mogħoż fuq il-gżira huma fdalijiet ta' passat reċenti meta l-gżira kienet abitata iktar.

Il-ħanfusa Parmenas solieri hija speċi endemika li tinsab fi ftit irqajja' tal-gżira.

Klima u kollegamenti marittimi

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-klima hija tipikament Mediterranja, jiġifieri miti fuq bażi ta' kuljum u fuq bażi staġonali.

Fix-xitwa jkun hemm ftit drabi meta jkun hemm kesħa estrema jew ġlata, filwaqt li fis-sajf is-sħana tiġi mmoderata mill-effett taż-żiffa tal-baħar. Ix-xita tinżel qliel skont ix-xejriet tar-Riviera di Levante (Rivjera tal-Lvant), u tinżel qawwija ħafna speċjlament fil-ħarifa u fir-rebbiegħa.

Il-gżira hija aċċessibbli permezz ta' dgħajjes privati, jew fix-xhur tas-sajf permezz ta' laneċ li jikkollegaw il-gżira ma' Portovenere, Lerici u La Spezia.

Siti ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Portovenere, iċ-Cinque Terre, u l-gżejjer ta' Palmaria, Tino u Tinetto ġew iddeżinjati flimkien bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997. Fl-2021 saret modifika żgħira fil-konfini taż-żona ta' lqugħ tas-sit.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Portovenere, Cinque Terre, and the Islands (Palmaria, Tino and Tinetto)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-08-26.
  2. ^ "Parco Naturale Regionale di Porto Venere". www.parks.it. Miġbur 2023-08-27.