Pajsaġġ Kulturali tat-Tinqix fuq il-Blat f'Gobustan
Il-Pajsaġġ Kulturali tat-Tinqix fuq il-Blat f'Gobustan jirrappreżenta l-flora u l-fawna, il-kaċċa, l-istili ta' ħajja u l-kultura tal-preistorja u tal-Medju Evu f'Gobustan, l-Ażerbajġan.[1] It-tinqix fuq il-blat juri rġiel primittivi, żfin ritwali, irġiel bil-lanez f'idejhom, annimali, ġlied tal-barrin, karovani tal-iġmla, u rappreżentazzjonijiet tax-xemx u tal-istilel. Dan it-tinqix fuq il-blat imur lura għal 5,000-20,000 sena ilu.[2] Dan is-sit sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007.[1]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Pajsaġġ Kulturali tat-Tinqix fuq il-Blat f'Gobustan jirrappreżenta l-istorja tal-umanità mill-Paleolitiku Superjuri sal-Medju Evu fl-Ewrasja.[3] Jinsab fin-naħa tax-Xlokk tal-katina muntanjuża tal-Kawkażi l-Kbar fl-Ażerbajġan, madwar 64 kilometru (40 mil) fil-Lbiċ miċ-ċentru tal-belt kapitali ta' Baku. Is-sit huwa mifrux fuq 537 ettaru.[4]
Il-pajsaġġ kulturali jkopri tliet artijiet għoljin bil-blat fit-territorju semideżert tal-Ażerbajġan ċentrali. B'kollox hemm iktar minn 6,000 tinqixa fuq iktar minn 1,000 superfiċe tal-blat, li jirriflettu 40,000 sena ta' storja tal-arti tat-tinqix fuq il-blat.[5]
Matul skavi arkeoloġiċi, instabu wkoll 104 ġebliet żgħar imnaqqxin fi stadji arkeoloġiċi differenti. It-tinqix fuq il-blat f'Gobustan li jmorru lura għal madwar 5,000 sa 8,000 sena ilu fihom bastimenti twal qishom tal-Vikingi.[6][7] L-iskoperta ta' illustrazzjonijiet ta' bastimenti fost it-tinqix fuq il-blat f'Gobustan turi li kien hemm rabta mal-Mediterran u mal-kontinent Ewropew.[8]
Il-muntanji ta' Jingirdag, Boyukdash u Kichikdash, u l-għolja ta' Yazili, kollha kemm huma jinsabu f'Gobustan, u fihom instab għadd ta' tinqix fuq il-blat ta' żmien il-qedem. Il-biċċa l-kbira tat-tinqix fuq il-blat instab fis-superfiċe ta' fuq tal-muntanji ta' Boyukdash u Kicikdash. It-tinqix fuq il-blat imur lura xi 3,000-4,000 sena ilu u jirrifletti l-iktar xeni tal-kaċċa. Fuq in-naħat iktar imkennija tal-muntanji nstab tinqix fuq il-blat ta' bnedmin (żeffiena, kaċċaturi u rġiel lebsin elmi eżotiċi) u ta' annimali (ċriev u mogħoż).[9]
It-tinqixiet fuq il-blat f'Gobustan ta' annimali jvarjaw skont il-perjodu meta saru minħabba t-tibdil tal-annimali kkaċċjati (minn annimali kbar estinti u żwiemel selvaġġi (matul il-Plejstoċen) għal annimali iżgħar tal-Oloċen bħal ċriev, ċingjali u għasafar selvaġġi), fid-dawl tat-tibdil fil-klima li kien hemm fil-bidu tal-Oloċen.
It-tinqix fuq il-blat fil-postijiet imsejħa "Firuz-1", "Firuz-2", "Gaya-arasi", "Gaya-Arasi-2" fil-muntanja ta' Kicikdash, u "Kaniza", "Ana-Zaga" fil-muntanja ta' Boyukdash, huwa simili għat-tinqix fuq il-blat fuq xi ġebliet li nstabu f'Gobustan kollu.
Waħda minn dawn il-ġebliet għandha kitba mnaqqxa bil-Latin ta' żmien ir-renju tal-Imperatur Ruman Domizjanu (81-96 W.K.), li tindika s-soġġorn temporanju tat-12-il Leġjun Ruman immexxi minn Fulminat fix-xtut tal-Baħar Kaspju.
Fdal ieħor ta' dan iż-żmien bikri hija l-hekk imsejħa gaval chalan dash jew ġebla tat-tamburin, strument mużikali antik deskritt fit-tinqix fuq il-blat f'Gobustan.
Fl-1996, permezz tad-digriet tal-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika Sovjetika tal-Ażerbajġan, il-muntanji ġew iddikjarati bħala r-Riżerva Artistika Storika tal-Istat ta' Gobustan. Permezz tad-digriet tal-President, il-muntanji ġew iddikjarati Riżerva Nazzjonali fl-2007.[10]
Il-Pajsaġġ Kulturali tat-Tinqix fuq il-Blat f'Gobustan ġie ddikjarat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007 għall-kwalità u għad-densità tat-tinqix fuq il-blat.[1]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-pajsaġġ kulturali ġie skopert għall-ewwel darba minn minatur lokali fl-1939-1940. It-tinqixiet fuq il-blat ta' ċriev, mogħoż u bhejjem tal-ifrat li jmorru lura għal bejn is-sekli 12 u 8 Q.K. jirriflettu n-Neolitiku f'Gobustan.[11] It-tinqixiet fuq il-blat ta" Gobustan ġew studjati minn Isak Jafarzadeh li analizza mas-750 blata b'iktar minn 3,500 tinqix fuq il-blat fl-1947 u iktar 'il quddiem dawn ġew raggruppati f'sitt perjodi minn żmien il-qedem sal-Medju Evu:[12]
- in-Neolitiku (tinqix ta' rġiel u nisa bil-qaws u bil-vleġeġ fuq spallejhom);
- in-Neolitiku Aħħari (tinqix ta' biżonti, bastimenti u arċiera);
- l-Eneolitiku (tinqix kbir ta' mogħoż, iljuni u ċriev);
- Żmien il-Bronż (tinqix ta' annimali selvaġġi, fosthom żwiemel u ħnieżer);
- Żmien il-Ħadid (tinqix ta' bnedmin, mogħoż u ċriev, kif ukoll tinqix ta' kitbiet Rumani);
- il-Medju Evu (tinqix ta' karovani tal-iġmla, ta' ġellied b'arma f'idu, ta' simboli, u ta' kitbiet bl-Għarbi u bil-Persjan).[13]
Iktar 'il quddiem, F. Muradova u J. Rustamov għamlu skoperti ġodda ta' iżjed minn 1,500 tinqixa oħra. Matul l-iskavi arkeoloġiċi nstabu bosta strutturi ta' Żmien il-Bronż ukoll. Dawk l-iskavi arkeoloġiċi kienu appoġġati mill-Istitut tal-Arkeoloġija u tal-Etnografija tal-Akkademja Nazzjonali tax-Xjenza tal-Ażerbajġan.
Fl-1966, fl-1988 u fl-2001, l-iskoperti kollha tat-tinqix fuq il-blat ġew iddokumentati b'ritratti taħt il-protezzjoni statali.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Pajsaġġ Kulturali tat-Tinqix fuq il-Blat f'Gobustan ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2007.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Gobustan Rock Art Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-11.
- ^ "Gobustan Rock Art | For UNESCO World Heritage Travellers". www.worldheritagesite.org. Miġbur 2023-04-11.
- ^ "Gobustan Rock Art Cultural Landscape" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2018-12-04. Miġbur 2023-04-11.
- ^ "Gobustan Rock Art, AZERBAIJAN" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-04-11.
- ^ Sagona, Antonio (2017). The Archaeology of the Caucasus: From Earliest Settlements to the Iron Age. Cambridge University Press. ISBN 1107016592.
- ^ "The Rock Engravings of Gobustan". donsmaps.com. Miġbur 2023-04-11.
- ^ Pre-Columbian Trans-Oceanic Contact. Lulu.com. 2016. p. 98. ISBN 9781329972162.
- ^ Cognitive Archaeology as Symbolic Archaeology. England: Archaeopress, Publishers of British,Archaeological Reports. 2008. p. 32. ISBN 9781407301792.
- ^ Azerbaijan: Mosques, Turrets, Palaces. Corvina Kiadó. 1979. p. 8. ISBN 9789631303216.
- ^ Matthew, Vincent; Bendicho, Víctor; Ioannides, Marinos; Levy, Thomas (2017). Heritage and Archaeology in the Digital Age: Acquisition, Curation, and Dissemination of Spatial Cultural Heritage Data. Springer. ISBN 3319653709.
- ^ "Dokument tan-Nominazzjoni tas-Sit" (PDF).
- ^ The sticky drawings of the deer, goat and cattle dated between 12th and 8th centuries BC reflect the Neolithic period in Gobustan. Rosen Pub Group. 2004. p. 11. ISBN 0823944972.
- ^ "Pleistocene art in Azerbaijan" (PDF).