Pajsaġġ Kulturali ta’ Lednice-Valtice

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Kartolina tal-Pajsaġġ Kulturali ta’ Lednice-Valtice

Il-Pajsaġġ Kulturali ta’ Lednice-Valtice (magħruf ukoll bħala ż-żona ta’ Lednice-Valtice; biċ-Ċek: Lednicko-valtický areál) huwa pajsaġġ kulturali u naturali ta’ 283.09 kilometri kwadri fiż-żoni ta’ Lednice u ta’ Valtice fir-Reġjun tal-Moravja tan-Nofsinhar, ħdejn Břeclav fir-Repubblika Ċeka.

Il-Pajsaġġ Kulturali ta’ Lednice-Valtice huwa mniżżel fil-lista tas-Siti ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Jinsab biswit iż-żona protetta tal-pajsaġġ ta’ Pálava, magħrufa bħala r-Riżerva tal-Bijosfera ta’ Pálava.[2]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-familja Liechtenstein xtrat kastell f’Lednice fl-1249 u minn dak iż-żmien ’il quddiem insedjaw iż-żona, tant li baqgħet ir-residenza prinċipali tal-familja Liechtenstein għal 700 sena, sal-1939 u t-Tieni Gwerra Dinjija.[3]

Sekli 17-19[immodifika | immodifika s-sors]

Id-Duki ta’ Liechtenstein ittrasformaw il-proprjetajiet tagħhom f’park privat kbir u ddisinjat bejn is-seklu 17 u s-seklu 20. Matul is-seklu 19, id-Duki komplew jittrasformaw iż-żona f’park b’pajsaġġ Ingliż tradizzjonali kbir. L-istil arkitettoniku Neo-Barokk u Neo-Gotiku tal-kastell tagħhom, il-Kastell ta’ Lednice u l-Kastell ta’ Valtice, huwa akkumpanjat minn binjiet iżgħar u pajsaġġ iddisinjat skont il-prinċipji Ingliżi tal-arkitettura tal-pajsaġġ.[3]

Fl-1715, dawn iż-żewġ kastelli kienu kkollegati permezz ta’ mogħdija fil-pajsaġġ u triq, li iktar ’il quddiem ingħatat isem il-poeta Petr Bezruč. L-Għadajjar ta’ Lednice jinsabu bejn ir-raħal ta’ Valtice u l-irħula ta’ Lednice u Hlohovec; flimkien mal-Għadajjar ta’ Mlýnský, ta’ Prostřední, ta’ Hlohovecký, u ta’ Nesyt. Parti sostanzjali tal-pajsaġġ kulturali huwa miksi b’foresti ta’ siġar taż-żnuber, tal-injam tal-arżnu magħruf lokalment bħala Boří les, u fiż-żoni biswit ix-xmara Thaya huwa miksi b’foresti riparjani (jiġifieri ta’ xatt ix-xmara).[3]

Seklu 20[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Loġġa tal-Kaċċa

Fl-1918 ir-reġjun sar parti miċ-Ċekoslovakkja. Il-familja Liechtenstein opponiet l-annessjoni tat-territorju Ċek fis-Sudetenland mill-Ġermanja Nażista, u b’konsegwenza ta’ dan il-proprjetajiet tagħhom ġew ikkonfiskati min-Nażisti, u fl-1939 il-familja marret tgħix f’Vaduz, il-belt kapitali tal-Liechtenstein. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, il-familja għamlet diversi tentattivi ġuridiċi biex il-proprjetajiet jintraddu lura lilhom. Wara l-gwerra, il-proprjetajiet ta’ Lednice u ta’ Valtice saru proprjetà taċ-Ċekoslovakkja, u r-reġim Komunista ma appoġġax it-troddija lura ta’ proprjetajiet kbar lis-sidien tal-art aristokratiċi eżiljati.[3][4]

Wara r-Rivoluzzjoni tal-Bellus taċ-Ċekoslovakkja fl-1989, id-dixxendenti tal-familja Liechtenstein reġgħu ġeddew it-tentattivi ġuridiċi biex il-proprjetajiet jintraddulhom, iżda dawn it-talbiet ġew miċħuda mill-Istat Ċek, li attwalment huwa sid il-proprjetajiet.[4]

Attrazzjonijiet[immodifika | immodifika s-sors]

L-attrazzjonijiet prinċipali huma:

  • il-Kastell u r-raħal ta’ Valtice;
  • il-Kastell u r-raħal ta’ Lednice;
  • il-villaġġ ta’ Hlohovec.

Paviljuni u strutturi għall-gost[immodifika | immodifika s-sors]

Flimkien mal-kastelli, hemm bosta paviljuni residenzjali żgħar u kbar fil-pajsaġġ iddisinjat, li sikwit iservu ta’ binja residenzjali jew loġġa tal-kaċċa.

  • Il-Kolonnat − Rajsna (bil-Ġermaniż: Reistna)   — kolonnat Neo-Klassiku fil-quċċata ta’ għolja ’l fuq minn Valtice (bħal Gloriette), tas-snin 10 u 20 tas-seklu 19
  • Il-Belveder   — punt panoramiku fil-pajsaġġ
  • Ir-Rendezvous (jew it-Tempju ta’ Diana)
    Il-Kappella ta’ San Ubertu
      — loġġa tal-kaċċa b’għamla ta’ ħnejja Neo-Klassika, tas-snin 10 tas-seklu 19
  • il-Kappella ta’ San Ubertu (biċ-Ċek: Kaple svatého Huberta)   — struttura Neo-Gotika tas-snin 50 tas-seklu 19, iddedikata lill-qaddis patrun tal-kaċċaturi, li tinsab fil-foresta tas-siġar taż-żnuber
  • il-Kastell Sekondarju tal-Fruntiera (biċ-Ċek: Hraniční zámeček)   — kastell Klassiku li nbena fis-snin 20 tas-seklu 19 direttament fuq il-fruntiera antika (sal- 1920) bejn l-Awstrija t’Isfel u l-Moravja
  • it-Tempju tat-Tliet Grazzji (biċ-Ċek: Tři Grácie)

— gallarija semiċirkolari bi statwi allegoriċi tax-Xjenzi u tal-Mużi u statwa tat-Tliet Grazzji tas-

snin 20 tas-seklu 19

  • id-Dar tal-Għadira (biċ-Ċek: Rybniční zámeček)

  — qrib waħda mill-Għadajjar ta’ Lednice

  • ir-Razzett il-Ġdid (bil-Ġermaniż: Neuhof; biċ-Ċek: Nový dvůr)  — razzett Neo-Klassiku li tlesta fl-1809, u li oriġinarjament kien jintuża għat-trobbija tan-nagħaġ, filwaqt li attwalment jintuża għat-tnissil taż-żwiemel
  • it-Tempju ta’ Apollo (biċ-Ċek: Apollónův chrám

— loġġa Neo-Klassika tal-kaċċa tas-snin 10 tas-seklu 19, ħdejn waħda mill-Għadajjar ta’ Lednice

  • il-Loġġa tal-Kaċċa (biċ-Ċek: Lovecký zámeček)   — loġġa Neo-Klassika tal-1806
  • il-Kastell ta’ Ġwanni (biċ-Ċek: Janův hrad jew Janohrad)
    Il-Kastell Sekondarju tal-Fruntiera
      — struttura għall-gost taparsi fdalijiet (biċ-Ċek: umělá zřícenina, bil-Ġermaniż: künstliche Ruine) ta’ kastell bi stil Neo-Gotiku, li tlesta fl-1810
  • il-Minaret  — torri tal-osservazzjoni għoli 62 metru taparsi minaret bi stil Neo-Għarbi, li jinsab fil-ġnien tal-Kastell ta’ Lednice (tlesta fl-1804), li joffri veduta panoramika tal-pajsaġġ kollu; meta jkun bnazzi, mit-torri jidhru saħansitra l-Għoljiet ta’ Pálava u l-Muntanji ta’ Malé Karpaty
  • l-Obelisk  — obelisk mibni bħala monument li jfakkar it-Trattat ta’ Paċi ta’ Campo Formio (1798)
  • il-Loġġa ta’ Pohansko
    Il-Kastell ta’ Lednice
      — loġġa tal-kaċċa bi stil imperjali li tlestiet wara l-1812 u li tospita wirja tal-mużew tar-raħal ta’ Břeclav; qrib il-loġġa hemm sit arkeoloġiku importanti fejn instabu fdalijiet tal-Moravja l-Kbira, kif ukoll partijiet rikostruwiti tal-fortifikazzjonijiet tal-fruntiera Ċekoslovakka
  • il-Loġġa ta’ Lány  — loġġa tal-kaċċa bi stil imperjali tal-bidu tas-seklu 19

Preservazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

L-istrutturi għall-gost u l-konservatorju tal-park ta’ Lednice tniżżlu fil-programm tal-1998 imsejjaħ World Monuments Watch tal-Fond Dinji għall-Monumenti, minħabba l-kundizzjoni tagħhom li kienet qed tiddeterjora fid-dawl tan-nuqqas ta’ riżorsi finanzjarji. Il-Fond kien studja l-preservazzjoni tal-Kastelli ta’ Lednice u ta’ Valtice, u wara l-1998 għen fil-finanzjament tar-restawr tar-Rendezvous ta’ Valtice bħala proġett ta’ dimostrazzjoni bl-appoġġ tal-American Express.

Sit ta’ Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta’ Valtice

Il-Pajsaġġ Kulturali ta’ Lednice-Valtice ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”, ladarba l-pajsaġġ kulturali huwa kreazzjoni artistika straordinarja li rnexxielha toħloq armonija bejn diversi monumenti kulturali minn perjodi suċċessivi, flimkien ma’ elementi naturali indiġeni u eżotiċi, li tista’ titqies bħala kapulavur tal-kreattività tal-bniedem; il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”, ladarba bil-kombinament tal-istili arkitettoniċi Barokki, Klassiċi u Neo-Gotiċi u permezz tat-trasformazzjoni tal-pajsaġġ skont il-prinċipji romantiċi Ingliżi, il-Pajsaġġ Kulturali ta’ Lednice-Valtice serva bħala mudell għar-reġjun kollu tad-Danubju; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba s-sit huwa eżempju straordinarju ta’ pajsaġġ kulturali ddisinjat u maħluq intenzjonalment minn familja waħda fis-sekli 17 sa 19.[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Lednice-Valtice Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-02.
  2. ^ "Pálava Nature Reserve | Mikulov.cz". www.mikulov.cz. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-06-01. Miġbur 2021-04-02.
  3. ^ a b ċ d Sváček, Libor (2015). UNESCO. pp. 60–71. ISBN 978-80-7339-067-9.
  4. ^ a b "Czech Republic: The former Liechtenstein possessions of Lednice-Valtice". Miġbur 2021-04-02.