Napuljun I ta' Franza
Dan l-artiklu dwar persuna huwa nebbieta. Jekk trid, tista' tikkontribwixxi issa biex ittejjeb dan l-artiklu, dejjem skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Napuljun Bonaparti, magħruf f'pajjiżu bħala Napoléon I (Ajaccio, 15 ta' Awwissu 1769 – Sant'Elena, 5 ta' Mejju 1821) kien ġeneral Franċiż matul ir-Rivoluzzjoni Franċiża, mexxej ta' Franza bħala Prim Konslu ta' l-Ewwel Repubblika Franċiża mill-11 ta' Novembru 1799 sat-18 ta' Mejju 1804, kien ukoll Imperatur tal-Franċiżi (Empereur des Français) u Re tal-Italja bħala Napoleon I mit-18 ta' Mejju 1804 sas-6 t' April 1814 u għal darb' oħra bejn l-20 ta' Marzu u t-22 ta' Ġunju 1815.
Napuljun hu kkunsidrat bħala ġenju militari, hu magħruf li kkmanda u rebaħ ħafna kampanji famużi u ta' suċċess, iżda hu magħruf ukoll għal xi fallimenti spettakolari.
Fi ftit iktar minn għaxar snin, akkwista l-kontroll ta' parti kbira mill-Ewropa tal-Punent u dik Ċentrali, b'konkwisti jew alleanzi, sakemm tilef il-Battalja tan-Nazzjonijiet viċin Leipzig f'Ottubru tal-1813, li wasslitu għall-abdikazzjoni u l-eżilju tiegħu ftit xhur wara. Hu kien eżiljat fil-gżira tal-Elba.
Irnexxielu jerġa' jiġi lura mill-eżilju u għamel il-kampanja famuża tal-Mitt Jum (les Cent Jours), però tilef battalja deċiżiva f'Waterloo fil-Belġju fit-18 ta' Ġunju 1815, ftit wara ta' ruħu f'idejn l-Ingliżi, u spiċċa eżiljat fil-gżira ta' Sant Elena (gżira ċkejkna li tinstab mili 'l bogħod fin-naħa tal-Lvant ta' fejn illum hemm l-Angola, fl-Afrika), fejn miet.
Barra mir-rebħiet militari, Napuljun jibqa' mfakkar għall-Kodiċi Napoleoniku u hu kkunsidrat minn xi wħud bħala sovran imdawwal. Oħrajn jarawh bħala dittatur tirannikali, fejn il-karriera tiegħu qatlet il-miljuni ta' nies.
Napuljun ta ħafna titli monarkiċi lill-membri ta' familtu, il-Bonaparti. Anke jekk dawn ir-renjijiet ma tantx damu wara l-waqgħa tiegħu, neputih, Napuljun III, irrenja lil Franza iktar tard fis-seklu dsatax.
Fl-1997, Frans Sammut ħareġ il-ktieb Bonaparti f'Malta li fih analizza s-sitt ijiem li Napuljun Bonaparti qatta' f'Malta meta l-Franċiżi rebħu u okkupaw lil Malta. Il-ktieb inqaleb għall-Franċiż fl-2008.