Aqbeż għall-kontentut

Missjonijiet tal-Ġiżwiti ta' La Santísima Trinidad de Paraná u Jesús de Tavarangue

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Bitħa interna tal-fdalijiet tal-Missjoni tal-Ġiżwiti ta' La Santísima Trinidad.

Il-Missjonijiet tal-Ġiżwiti ta' La Santísima Trinidad de Paraná u Jesús de Tavarangue (bl-Ispanjol: Misiones Jesuíticas de La Santísima Trinidad de Paraná y Jesús de Tavarangue) jinsabu fid-Dipartiment ta' Itapúa, il-Paragwaj, u huma missjonijiet reliġjużi li għadhom ippreservati u li ġew stabbiliti mill-missjunarji Ġiżwiti matul il-kolonizzazzjoni tal-Amerka t'Isfel fis-seklu 17. Dawn il-missjonijiet reliġjużi nħolqu fl-1609 u ġew żviluppati għal 150 sena. Iż-żewġ missjonijiet tal-Ġiżwiti tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[1]

Il-missjonijiet tal-Ġiżwiti tal-Paragwaj jitqiesu bħala wħud mill-iżjed kreazzjonijiet impressjonanti tal-ħidma reliġjuża tal-Ġiżwiti u huma xhieda tar-rikkezza storika tal-pajjiż.

Il-fdalijiet tal-Missjoni tal-Ġiżwiti ta' La Santísima Trinidad.

Aleixo Garcia wasal il-Paragwaj fl-1524. L-iżvilupp politiku, ekonomiku u soċjali tal-pajjiż kien proċess li ħa ż-żmien, u kien mimli kunflitti armati bejn il-konkwistaturi Spanjoli u n-nattivi, li ssieltu biex jippreservaw it-territorju tagħhom.

Sal-1590, l-Ispanjoli kienu stabbilew 10 bliet u 40 kolonja fl-Amerka t'Isfel. In-nattivi ġew imġiegħla jaqduhom permezz tas-sistema tal-encomienda.

L-artal prinċipali tal-Missjoni ta' Jesús de Tavarangue.

Ir-Re Spanjol ipprova jtejjeb il-kwalità tal-għajxien tagħhom billi fassal xi digrieti għall-protezzjoni tagħhom, iżda kien diffiċli li jkun hemm sistema reali ta' kontroll biex jiġi żgurat li jobdu. Is-sistema tal-encomienda wasslet għal bosta rewwixti tan-nattivi.

Kien biss meta ġew stabbiliti l-Missjonijiet tal-Ġiżwiti li tassew kien hemm titjib reali fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tan-nattivi.

L-ewwel Ġiżwiti waslu f'Tucumán fl-1586 u fl-1587, fuq talba tal-Isqof ta' Asunción, Alonso Guerra.

Il-Ġiżwiti bdew l-evanġelizzazzjoni u l-kostruzzjoni tal-missjonijiet fl-inħawi tad-Dipartimenti ta' Misiones u ta' Itapúa fil-Paragwaj.

L-ewwel ħaġa li għamlu kienet li ffurmaw irħula li kienu awtosuffiċjenti fl-inħawi abitati min-nattivi u wettqu studju tal-lingwa Guaraní li kienu jitkellmu biex joħolqu struttura għall-kitba (peress li l-poplu Guaraní ma kienx jikteb bil-lingwa tiegħu). Il-missjunarji mhux biss għallmu dwar ir-reliġjon iżda ddeterminaw ukoll ir-regoli tal-ordni pubbliku, il-kultura, l-edukazzjoni u s-soċjetà, li kellhom influwenza kbira fl-iżvilupp futur tal-Paragwaj. In-nattivi, li kienu nomadi u ma kinux imdorrijin għal ħajja strutturata, inġabru f'komunitajiet żgħar fil-foresti. Qrib il-missjonijiet tal-Ġiżwiti ġew iffurmati gruppi ta' 2,000 jew 3,000 nattiv kull raħal.

Il-missjunarji stabbilew madwar 30 missjoni fit-territorji li llum il-ġurnata jagħmlu parti mill-Paragwaj, mill-Brażil, mill-Arġentina u mill-Bolivja. Bosta mill-kostruzzjonijiet ġew ippreservati u dawk li ġarrbu xi ħsarat ġew rikostruwiti.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Missjonijiet tal-Ġiżwiti ta' La Santísima Trinidad de Paraná u Jesús de Tavarangue ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Fdalijiet tal-Missjoni ta' La Santísima Trinidad del Paraná

[immodifika | immodifika s-sors]
L-aċċess għat-tempju.

Il-Missjoni ta' La Santísima Trinidad del Paraná titqies bħala l-ikbar waħda fost il-missjonijiet kollha. In-nattivi li kienu jiġu mill-missjonijiet ta' San Carlos (illum il-ġurnata fit-territorju tal-Arġentina) stabbilew din il-missjoni fl-1712.

Din il-missjoni għandha l-ikbar tempju mibni fost il-missjonijiet kollha tal-Ġiżwiti, b'artal magħmul minn biċċa ġebla kbira waħda. Fiha hemm ir-rappreżentazzjoni tal-persegwitazzjoni tan-nattivi ta' dak iż-żmien. Għandha bitħa jew pjazza ċentrali, fejn kienu jinġabru u jiltaqgħu n-nies, u mużew li jinsab fis-sagristija antika b'bosta skulturi u mudell fuq skala tal-missjoni.

Dawn il-fdalijiet jiġu rrestawrati b'mod kostanti u miżmuma f'kundizzjoni tajba.

Fdalijiet tal-Missjoni ta' Jesús de Tavarangue

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja tar-Reducción de Jesús jew il-Missjoni ta' Jesús de Tavarangue kienet qed tinbena fiż-żmien meta l-Ġiżwiti tkeċċew mill-Provinċja ta' Río de la Plata. Li kieku laħqet tlestiet kienet se tkun waħda mill-ikbar knejjes ta' dak iż-żmien, bi struttura ċentrali twila 70 metru u wiesgħa 24 metru.

Kellha tkun replika tas-Santwarju ta' Loyola fi Spanja. It-tliet daħliet tal-faċċata huma tassew impressjonanti. Il-pulptu tal-ġebel, il-freġji tal-anġli, l-arċitravi mnaqqxin b'għamliet ta' ward fid-daħliet, u l-kampnar jispikkaw fl-arkitettura tal-missjoni.[3]

Aċċess għall-fdalijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fdalijiet tal-missjonijiet fil-Paragwaj x'aktarx li huma l-iżjed ippreservati u jinkludu l-Missjonijiet ta' Jesús, ta' San Cosme, ta' Damián u ta' La Santísima Trinidad.

Sabiex wieħed jasal f'dawn il-postijiet jeħtieġ li juża r-Rotta Nru 6 minn Encarnación. Tul din ir-rotta hemm tabelli bis-sinjali li jindikaw il-ħruġ biex wieħed jasal għalihom.

L-aċċess għall-fdalijiet tal-Missjoni ta' La Santísima Trinidad jinsab 700 metru mir-Rotta Nru 6 fil-"Km 31", u madwar kilometru wara hemm l-aċċess għall-fdalijiet tal-Missjoni ta' Jesús de Tavarangue. Is-sit tal-fdalijiet tal-Missjoni ta' Jesús jinsab 12-il kilometru minn dan il-punt ta' aċċess u wieħed jista' jasal għalih bit-taksi jew bil-karozza tal-linja.

  1. ^ a b ċ "Jesuit Missions of La Santísima Trinidad de Paraná and Jesús de Tavarangue - UNESCO".
  2. ^ "Testimonios Arqueológicos". www.uninet.com.py. Miġbur 2025-01-05.
  3. ^ "Jesuit Missions of La Santísima Trinidad de Paraná and Jesús de Tavarangue, Paraguay". Google Arts & Culture (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-05.