Mawżolew ta’ Khoja Ahmed Yasawi
Il-Mawżolew ta’ Khoja Ahmed Yasawi (bil-Każakistani: Қожа Ахмет Яссауи кесенесі, Qoja Ahmet Iassaýı kesenesi) huwa mawżolew fil-belt ta’ Turkestan, fin-Nofsinhar tal-Każakistan. L-istruttura ġiet ikkummissjonata fl-1389 minn Timur, li kien il-mexxej taż-żona bħala parti mill-Imperu Timurida[1], biex tissostitwixxi mawżolew iżgħar tas-seklu 12 tal-poeta famuż u mistiku tas-Sufiżmu[2], Khoja Ahmed Yasawi (1093-1166). Madankollu, il-kostruzzjoni waqfet ħesrem mal-mewt ta’ Timur fl-1405.[3]
Minkejja li mhuwiex komplut, il-mawżolew wasal sa żminijietna bħala wieħed mill-iktar kostruzzjonijiet li baqgħu ppreservati tajjeb minn żmien l-Imperu Timurida. Il-kostruzzjoni tiegħu kienet il-bidu tal-istil arkitettoniku tal-Imperu Timurida.[4] L-arranġamenti spazjali sperimentali, is-soluzzjonijiet arkitettoniċi innovattivi għall-kostruzzjoni tal-koppli u tas-soqfa bil-ħnejjiet, u l-ornamentazzjonijiet bil-madum ileqq, wasslu biex l-istruttura tkun il-prototip ta’ din l-arti distintiva, li nfirxet fl-imperu kollu u lil hinn minnu.[3]
L-istruttura reliġjuża għadha tattira pellegrini mill-Asja Ċentrali u sar jitqies bħala l-epitoma tal-identità nazzjonali Każakistana.[3][5][6] Huwa protett bħala monument nazzjonali, filwaqt li l-UNESCO ddeżinjatu bħala l-ewwel Sit ta’ Wirt Dinji tal-pajjiż fl-2003.[7]
Pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Mawżolew ta’ Khoja Ahmed Yasawi jinsab fil-parti tal-Grigal tal-belt modern ta’ Turkestan (magħrufa fl-imgħoddi bħala Hazrat-e Turkestan)[3][5], ċentru kummerjali antik tal-karovani li fl-imgħoddi kien magħruf ukoll bħala Khazret u mbagħad bħala Yasi[8], fin-Nofsinhar tal-Każakistan. L-istruttura tinsab qrib ċittadella storika[9], li issa hija sit arkeoloġiku.[3]
Fis-sit arkeoloġiku hemm strutturi Medjevali bħal mawżolej oħra, moskej u banjijiet. Fit-Tramuntana tal-Mawżolew ta’ Khoja Ahmed Yasawi hemm sezzjoni rikostruwita (fis-snin 70 tas-seklu 20) tal-ħitan taċ-ċittadella li jisseparaw iż-żona storika mill-iżviluppi tal-belt moderna.[3]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Khoja Ahmed Yasawi
[immodifika | immodifika s-sors]Khoja Ahmed Yasawi (Khawaja jew Khwaja (bil-Persjan: خواجه; ippronunzjat khâje) jikkorrispondi għal “mgħallem”; bl-Għarbi: خواجة khawājah), spellut ukoll Khawajah Akhmet Yassawi, kien il-kap ta’ skola reġjonali tas-Sufiżmu fis-seklu 12, li huwa moviment mistiku fl-Iżlam li beda fis-seklu 9.[3] Huwa twieled f’Ispidjab (magħrufa llum bħala Sayram) fl-1093, u qatta’ l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu f’Yasi, fejn miet fl-1166.[2] Huwa vvenerat ferm fl-Asja Ċentrali talli xerred is-Sufiżmu, li sostna d-diffużjoni tal-Iżlam fiż-żona minkejja l-attakki feroċi kontemporanji tal-invażjoni tal-Mongoli. L-iskola teoloġika li ħoloq wasslet biex Yasi jsir l-iktar ċentru Medjevali importanti ta’ tixrid tal-edukazzjoni fiż-żona. Kien ukoll poeta straordinarju, filosfu u statista. Yasawi ndifen f’mawżolew żgħir, li mbagħad sar sit ta’ pellegrinaġġ għall-Musulmani.[10]
Mawżolew ġdid
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-biċċa l-kbira tagħha, il-belt ta’ Yasi ħelsitha ħafif matul l-invażjoni tal-Mongoli f’Khwarezmja fis-seklu 13.[11] Maż-żmien, id-dixxendenti tal-Mongoli insedjaw iż-żona u kkonvertew għall-Iżlam. Imbagħad il-belt ġiet taħt il-kontroll tad-Dinastija Timurida fis-snin 60 tas-seklu 14.[3] Timur (jew Tamerlane), il-fundatur tad-dinastija, wessa’ l-imperu sabiex jinkludi l-Mesopotamja expanded the empire's realm to include Mesopotamja, l-Iran, u t-Transoksjana kollha, bil-kapitali tagħha f’Samarkanda.[3] Sabiex jikseb l-appoġġ taċ-ċittadini lokali, Timur adotta l-politika tal-kostruzzjoni ta’ binjiet monumentali pubbliċi u reliġjużi.[11] F’Yasi, xeħet l-attenzjoni tiegħu fuq il-kostruzzjoni ta’ mawżolew ikbar għal Khoja Ahmed Yasawi[12][13], bl-intenzjoni li jigglorifika l-Iżlam, u b’hekk l-Iżlam jinfirex iktar, u tittejjeb il-governanza taż-żoni l-iktar fil-qrib.[13]
Il-kostruzzjoni tal-mawżolew il-ġdid inbdiet fl-1389.[3] Timur importa bennejja minn bliet li kien ħakem matul il-kampanji tiegħu, inkluż ħaddiema tal-mużajk minn Shiraz kif ukoll naġġara u ħaddiema tal-istukko minn Esfahan.[1] Il-bennejja ewlenin kienu mmexxija mill-arkitett Khwaja Hosein Shirazi mill-Iran.[14] Ġie rrappurtat li Timur innifsu pparteċipa fid-disinn tal-istruttura[1][13], fejn introduċa arranġamenti spazjali sperimentali, tipi ta’ soqfa bil-ħnejjiet u koppli. Dawn l-innovazzjonijiet iktar ’il quddiem ġew implimentati fil-binjiet reliġjużi ta’ bliet oħra. Madankollu, il-mawżolew ma ġiex komplut, wara li Timur miet fl-1405.[3]
Deklin u preservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Meta l-Imperu Timurida sfaxxa, il-kontroll tat-territorju tal-madwar ta’ Yasi għadda għand il-Khanat Każakistani. Yasi ngħatat l-isem ta’ Turkestan u saret il-belt kapitali tal-Khanat fis-seklu 16.[6][15] Il-khan (jiġifieri l-“mexxejja”) għamlu ħilithom biex isaħħu l-importanza politika u reliġjuża ta’ Turkestan sabiex junifikaw it-tribujiet nomadiċi fi ħdan stat żagħżugħ. B’hekk, bħala ċ-ċentru politiku tal-Khanat, iċ-ċerimonji għall-elevazzjoni tal-khan fit-tron u l-missjonijiet minn stati ġirien kienu jsiru f’Turkestan. In-nobbiltà Każakistana kienet tagħmel l-iktar laqgħat importanti tagħha biex jittieħdu d-deċiżjonijiet statali fil-belt kapitali.[6][15]
Il-belt, li kienet tinsab fil-fruntiera ta’ kulturi nomadiċi u insedjati, imxiet ’il quddiem u kibret bħala l-ikbar ċentru kummerċjali u artiġjanali tal-Khanat. Inbnew fortifikazzjonijiet biex jiġi ssalvagwardjat ir-rwol kummerċjali tagħha, inkluż il-kostruzzjoni tas-seklu 19 ta’ ħitan difensivi madwar il-mawżolew mhux komplut, li sar għeliem importanti u ċentru ta’ pellegrinaġġ tal-belt. Fis-sekli suċċessivi, Turkestan u l-monumenti storiċi tagħha bdew jiġu kkollegati mal-idea tas-sistema ta’ stat tal-Każakistan.[16] It-tilwim politiku u l-bidla favur ir-rotot kummerċjali marittimi minflok ir-rotot kummerċjali fuq l-art malajr wasslu għad-deklin tal-belt, qabel ma għaddiet finalment għand l-Imperu Russu fl-1864.[3]
Il-belt eventwalment ġiet abbandunata u ġie żviluppat ċentru ġdid fil-Punent tal-belt, li nbena fejn issa hemm stazzjon ġdid tal-ferrovija. It-territorju għadd taħt it-tmexxija Sovjetika fis-seklu 20. L-amministrazzjoni l-ġdida wettqet xogħol ta’ preservazzjoni u restawr fis-sit, għalkemm kienet tikkunsidra l-mawżolew bħala struttura arkitettonika iktar milli spiritwali.[3] Għalhekk, il-mawżolew ingħalaq biex id-devoti ma jkunux jistgħu jagħtu ġieħ lil Yasawi.[1] Madankollu, l-imgħallem lokali li kien ibbażat fil-mawżolew, minn taħt kien iħalli lill-pellegrini jidħlu fl-istruttura billejl.[2] Mill-1922, diversi kummissjonijiet ħadu sehem fl-investigazzjoni teknika tal-binja.[13] Mill-1938 bdiet issir manutenzjoni regolari, filwaqt li fl-1945 saru sensiela ta’ kampanji ta’ restawr. L-aħħar waħda saret bejn l-1993 u s-sena 2000. Fost il-passi ta’ konservazzjoni li ġew implimentati dan l-aħħar, kien hemm is-sostituzzjoni tas-sisien tat-tafal tal-istruttura bil-konkos imsaħħaħ, il-konsolidazzjoni tal-ħitan, il-kisi tas-soqfa minn barra b’sustanza kimika biex ikun reżistenti għall-ilma, u t-tpoġġija tal-madum tal-koppli fejn kien nieqes, abbażi tad-disinni u l-mudelli storiċi. Ix-xogħlijiet kontinwi ta’ konservazzjoni ilhom jitwettqu minn mindu l-Każakistan kiseb l-indipendenza. Il-binja hija protetta bħala monument nazzjonali u hija inkluża fil-Lista ta’ Proprjetajiet Nazzjonali tal-Każakistan. Is-sit jiġi amministrat mill-Mużew Azret-Sultan tar-Riżerva Storika u Kulturali tal-Istat, li jieħu ħsieb li jissalvagwardja, jikkonserva u jimmonitorja l-mawżolew kif ukoll iwettaq ir-riċerka u l-manutenzjoni meħtieġa.[3]
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]L-istat mhux komplut tal-Mawżolew ta’ Khoja Ahmed Yasawi, speċjalment fil-portal tad-daħla u f’sezzjonijiet fuq ġewwa[13], jippermettu lil dak li jkun jgħarbel b’iktar dettall l-arkitettura tal-monument, kif ġie ddisinjat u kif inbena. L-istruttura għandha pjanta rettangolari ta’ 45.8 m × 62.7 m, u hija għolja 38.7 m. Il-mawżolew huwa orjentat mix-Xlokk għall-Majjistral.[3]
Il-materja prima li ntużat għall-kostruzzjoni tissejjaħ ganch, li huwa brikks moħmi fil-forn imħalltin bit-tkaħħil, il-ġibs u t-tafal, li kien jitħejja f’impjant apposta f’Sauran. Fis-sisien oriġinali kienu ntużaw saffi tat-tafal sa fond ta’ 1.5 m, biex l-ilma ma jitħalliex jidħol fl-istruttura. Dawn ġew sostitwiti b’konkos imsaħħaħ fix-xogħlijiet moderni ta’ restawr. Id-daħla prinċipali tal-mawżolew tinsab fix-Xlokk, u minnha l-viżitaturi jaslu fis-Sala Ewlenija ta’ 18.2 m × 18.2 m, magħrufa bħala Kazandyk (il-“kamra tar-ram”).[3]
Din is-sala hija msaqqfa bl-ikbar koppla eżistenti tal-brikks fl-Asja Ċentrali, li ukoll għandha dijametru ta’ 18.2-il metru. Fin-nofs tal-Kazandyk hemm kaldarun kbir tal-bronż li jintuża għal skopijiet reliġjużi. Il-qabar ta’ Yasawi jinsab fuq l-assi ċentrali fi tmiem il-binja fil-Majjistral, bis-sarkofagu ppożizzjonat eżatt fin-nofs tal-kamra, b’saqaf b’koppla doppja mqabbża — il-koppla ta’ ġewwa għolja 17-il metru u l-koppla ta’ barra għolja 28 metru. Il-koppla ta’ barra hija miksija b’madum aħdar ileqq b’disinni lewn id-deheb, b’għamla eżagonali. Il-koppla ta’ ġewwa hija ddekorata bi stalaktiti tal-alabastru, magħrufa bħala muqarnas. Hemm diversi kmamar oħra fl-istruttura li b’kollox jammontaw għal 35 kamra, fosthom il-kmamar fejn kienu jsiru l-laqgħat, refettorju, librerija u moskea, li kellha ornamenti ġeometriċi u tal-fjuri ta’ lewn blu mal-ħitan. Il-ħitan ta’ barra tal-mawżolew huma miksijin b’madum ileqq b’disinni ġeometriċi b’ornamenti epigrafiċi Kufiċi u Suls mill-Koran (uħud minnhom ġew immodifikati waqt ir-restawr fi żmien l-Unjoni Sovjetika biex ikunu ġeometriċi biss u ma jagħmlux sens iktar bħala kitba mill-Koran).[17] Skont il-pjanta inizjali, suppost kellhom jinbnew żewġ minareti, iżda dawn qatt ma twettqu peress li l-kostruzzjoni waqfet fl-1405.[3][13]
Legat
[immodifika | immodifika s-sors]Twelid tal-Arkitettura Timurida
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kostruzzjoni tal-mawżolew ipprovdiet avvanzi importanti fit-teknoloġija tal-bini, u hija xhieda ta’ rekords ta’ kull tip li qatt ma kienu għadhom intlaħqu, fir-rigward tas-soqfa bil-ħnejjiet u l-innovazzjonijiet artistiċi.[3] Il-kisbiet oriġinaw mill-mod kif inbena l-mawżolew, flimkien mal-patroċinju Timurida tal-mużika, tal-kalligrafija, tal-pittura tal-minjaturi Persjani, tal-letteratura, u ta’ diversi attivitajiet xjentifiċi[1], li wittew it-triq għat-twelid ta’ stil artistiku Iżlamiku distint, magħruf bħala l-arkitettura Timurida.[4]
L-istruttura spazjuża għandha pjanta radjalment simetrika għall-arranġament spazjali. Il-bilanċ viżiv li jinħoloq permezz tal-preċiżjoni fil-kostruzzjoni sar karatteristika estetika tipika tal-binjiet Timuridi —li mbagħad ġiet adottata mill-arkitettura Mughal tal-Indja, speċjalment fil-ġonna u fl-istrutturi tal-Qabar ta’ Humayun u tat-Taj Mahal, it-tnejn li huma kkummissjonati minn dixxendenti ta’ Timur.
It-teknika tal-koppla doppja li twettqet fil-mawżolew wittiet it-triq għall-koppli l-kbar tal-era Timurida, pereżempju dawk ta’ Samarkanda, fl-Użbekistan.[18] Il-koppla nħolqot permezz ta’ brekits fl-irkejjen, li jippermettu t-tranżizzjoni minn bażi kwadra, ottagonali jew b’16-il naħa għal koppla fis-saqaf. Tabilħaqq, il-koppla ewlenija tal-mawżolew għadha l-ikbar koppla eżistenti tal-brikks fl-Asja Ċentrali.
L-użu tal-madum ileqq, tal-mużajk, tad-disinni bil-brikks, u tal-kalligrafija Iżlamika kien ta’ influwenza wkoll.[18] L-avvanzi fit-tekniki tax-xogħol bil-fuħħar ippermettew il-produzzjoni tal-massa tal-madum ileqq li kien jintuża għal diversi funzjonijiet dekorattivi.[1] Fost it-tekniki li ntużaw għad-dekorazzjonijiet bil-madum insibu:[19]
- it-teknika tal-banna’i: magħrufa wkoll bħala “t-teknika tal-bennej”, li tikkonsisti mill-alternanza ta’ brikks ileqqu u brikks li ma jleqqux biex jiġu ffurmati disinni ġeometriċi;
- it-teknika tal-haftrangi: li tippermetti l-ħolqien ta’ disinni b’diversi kuluri fuq l-istess maduma qabel ma tinħema fil-forn, mingħajr ma l-kuluri jitħallew jitħalltu;
- it-teknika tal-fajjenza: arranġament f’disinn magħmul minn biċċiet żgħar tal-madum iffittjati qrib xulxin li jkollhom wiċċ ileqq b’kuluri differenti.
L-użu tal-madum u tal-muqarnas ġie influwenzat ferm mill-Iran, minn fejn oriġinaw ħafna mill-arkitetti u l-bennejja ta’ Timur.[1] L-uċuħ miksija joħolqu effetti viżivi skont kif l-osservatur iħares lejn il-binja, u “jaqra” l-messaġġi kalligrafiċi.[19]
Ix-xogħol bil-madum intuża wkoll biex jiġu mgħottija l-ġonturi strutturali tal-binja. L-użu tat-turkważ u tal-ikħal bħala l-kuluri prominenti għal bosta strutturi kellu l-għan li joħloq kuntrast mar-raġġi qawwija tax-xemx tad-deżert tal-Asja Ċentrali.[18]
Il-kostruzzjoni tal-mawżolew fi żmien meta bosta insedjamenti oħra tal-Asja Ċentrali kienu qed jesperjenzaw fażi qawwija ta’ kostruzzjoni skont l-ideoloġija politika ta’ Timur, wittiet it-triq għal skambju ta’ ideat u ta’ tekniki fl-imperu kollu.[3] Il-bennejja ewlenin u l-ħaddiema mill-bliet maħkuma kienu jintużaw għall-proġetti tal-kostruzzjoni. L-użu ta’ arkitetti Persjani fl-attivitajiet ta’ kostruzzjoni ewlenin wassal għall-introduzzjoni tal-elementi Persjani fl-istil Timurida.[20]
Is-soluzzjonijiet arkitettoniċi u artistiċi ewlenin li ntużaw fil-kostruzzjoni tal-Mawżolew ta’ Khoja Ahmed Yasawi bdew jintużaw minnufih fil-kostruzzjoni ta’ binjiet oħra, bħax-xogħlijiet kontemporanji f’Samarkanda, f’Herat, f’Meshed, f’Khargird, f’Tayabad, f’Baku u f’Tabriz.[4] Jingħad li l-arkitettura Timurida laħqet il-quċċata tagħha fil-binjiet f’Samarkanda.[1] Timur mela l-kapitali tiegħu b’monumenti lajċi u reliġjużi, kif ukoll b’firxa ta’ ġonna, li kellhom ħitan tal-ġebel, artijiet b’disinni elaborati, u palazzi mgħammra b’oġġetti tad-deheb, ħarir u twapet. Fost dawn il-binjiet f’Samarkanda nsibu:[19]
- il-Moskea ta’ Bibi-Khanum: l-ikbar moskea fid-dinja meta tlestiet fl-1404[21] u twettaq ir-rieda ta’ Timur li jinħoloq effett monumentali b’arranġament teatrali;
- il-Mawżolew ta’ Gur-i-Amir: il-post fejn hu midfun Timur; fih koppla doppja sabiex jinkiseb effett vertikali;
- in-Nekropoli ta’ Shah-i Zinda: kumpless funebri li jirrappreżenta l-quċċata tat-tekniki kollha tal-madum tal-Imperu Timurida;
- ir-Reġistan: meqjusa bħala l-quċċata tal-arkitettura Timurida[21]; pjazza wiesgħa kkonfinata bi tliet binjiet għoljiet ta’ tliet madrassi (skejjel Iżlamiċi), għalkemm l-ebda waħda minnhom ma ġiet ikkummissjonata minn Timur innifsu u nbnew f’perjodu iktar tard minn Ulug Beg u mill-Gvernatur Yalangtush.
B’hekk, il-Mawżolew ta’ Khoja Ahmed Yasawi jitqies bħala prototip[3], li jimmarka l-bidu ta’ stil arkitettoniku ġdid li laħaq il-quċċata tiegħu fil-monumenti ta’ Samarkanda[4], iżda baqa’ jiġi żviluppat kontinwament bħalma ġara fil-każ tal-arkitettura Mughal tal-Indja.[1] Tabilħaqq, il-kisbiet straordinarji tal-Imperu Timurida fl-arkitettura huwa inkorporat fi proverbju Għarbi minn wieħed mill-binjiet Timuridi li jgħid li “Jekk trid tkun taf dwarna (it-Timuridi), osserva l-binjiet tagħna”.[1][17] Għal din ir-raġuni wkoll, l-UNESCO ddeżinjat il-mawżolew bħala Sit ta’ Wirt Dinji fl-2003[7], bl-istess rikonoxximent internazzjonali li kien ingħata preċedentement lill-Samarkanda[22], lill-Qabar ta’ Humayun[23] u lit-Taj Mahal.[24]
Importanza reliġjuża u kulturali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-mawżolew il-ġdid ordnat minn Timur kompla jsaħħaħ l-importanza reliġjuża tas-santwarju. Matul il-Khanate Każakistani, personalitajiet prominenti għażlu li jiġu midfuna qrib il-monument.[3][13] Fosthom kien hemm Abulkhair, Rabi'i Sultan-Begim, Zholbarys-khan, Esim-khan, Ondan-sultan (iben Shygai-khan), Ablai Khan, u Kazbek-bi.[6] Ir-reputazzjoni sagra tal-mawżolew kienet magħrufa wkoll f’artijiet barranin. Fil-bidu tas-seklu 16, Ubaydullah Khan, is-suċċessur ta’ Muhammad Shaybani Kahn tal-Khanat tal-Użbekistan, waqaf iżur il-mawżolew qabel il-battalja tiegħu kontra Babur, li iktar ’il quddiem sar il-fundatur tal-Imperu Mughal. Huwa ħalef li jekk joħroġ rebbieħ mill-battalja, it-tmexxija tiegħu ssegwi għalkollox il-liġi tax-xarija.[25] Minkejja l-għeluq tal-monument għall-pubbliku fl-era Sovjetika, il-mawżolew baqa’ jattira l-pellegrini speċjalment wara li reġa’ nfetaħ. Saż-żminijiet kontemporanji, il-Mawżolew ta’ Khoja Ahmed Yasawi għadu jitqies bħala sit ta’ pellegrinaġġ għall-Musulmani Każakistani, tant li l-belt ta’ Turkestan saret it-tieni Mekka għall-Musulmani tal-Asja Ċentrali. Tabilħaqq, l-importanza tal-mawżolew għall-belt toħroġ fid-dieher mill-isem preċedenti tagħha, Hazrat-e Turkestan, li litteralment tfisser il-“Qaddis ta’ Turkestan”, b’referenza diretta għal Khoja Ahmed Yasawi.[5]
Bħala l-kapitali tal-Khanat Każakistani preċedenti, li wittiet it-triq għan-nazzjonalità Każakistana distinta, il-belt ta’ Turkestan għadha l-qalba kulturali tal-Każakistan. Peress li l-mawżolew huwa l-post fejn indifen it-teologu tas-Sufiżmu u fejn ġiet midfuna n-nobbiltà tal-Khanat Każakistani, kompla jsaħħaħ il-prestiġju tal-belt. Il-permanenza tal-fidi Iżlamika fil-Każakistan u fl-Asja Ċentrali inġenerali sa żminijietna hija xhieda tal-importanza storika u kulturali tal-belt ta’ Turkestan, bil-Mawżolew ta’ Khoja Ahmed Yasawi fiċ-ċentru.[11] Il-mawżolew jitqies bħala wieħed mill-iktar mawżolej importanti tad-dinja Iżlamika u huwa monument sinifikanti kemm għall-fidi Iżlamika kif ukoll għall-kisba arkitettonika fir-reġjun.[1]
Sit ta’ Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Mawżolew ta’ Khoja Ahmed Yasawi ġie ddeżinjat bħala Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003.[7]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta’ tliet kriterji tal-UNESCO: il-kriterju (i) “Rappreżentazzjoni ta’ kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem”, ladarba l-mawżolew huwa kisba straordinarja tal-arkitettura Timurida u kkontribwixxa għall-iżvilupp tal-arkitettura reliġjuża Iżlamika; il-kriterju (iii) “Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta’ tradizzjoni kulturali jew ta’ ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet”, ladarba l-mawżolew huwa xhud eċċezzjonali tal-kultura tar-reġjun tal-Asja Ċentrali u tal-iżvilupp tat-teknoloġija tal-bini; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”, ladarba l-mawżolew kien prototip għall-iżvilupp ta’ binjiet ewlenin oħra fil-perjodu tal-Imperu Timurida u sar punt ta’ riferiment sinifikanti fl-istorja tal-arkitettura Timurida.[3][7]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d e f ġ g għ h ħ Dickens, Mark. ""Timurid architecture in Samarkand" (PDF). Arkivjat 07-06-2011" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2011-06-07. Miġbur 2021-04-03.
- ^ a b ċ Ro'i, Yaacov (2000). Islam in the Soviet Union: From the Second World War to Perestroika. New York: Columbia University Press. p. 373. ISBN 0-231-11954-2.
- ^ a b ċ d e f ġ g għ h ħ i ie j k l m n o p q r ""ICOMOS Evaluation of Mausoleum of Khawaja Ahmed Yasawi World Heritage Nomination" (PDF)" (PDF).
- ^ a b ċ d The New Encyclopædia Britannica Macropædia Volume 22. USA: Encyclopædia Britannica, Inc. 1995. p. 94. ISBN 0-85229-605-3.
- ^ a b ċ "Turkestan city, Kazakhstan facts, attractions, photos". aboutkazakhstan.com. Miġbur 2021-04-03.
- ^ a b ċ d "Geopolitical importance of Turkestan in Historical Retrospect". www.natcom.unesco.kz. Miġbur 2021-04-03.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Mausoleum of Khoja Ahmed Yasawi". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-03.
- ^ The New Encyclopædia Britannica Micropædia Volume 12. USA: Encyclopædia Britannica, Inc. 1995. p. 56. ISBN 0-85229-605-3.
- ^ "Archeological monuments of Turkistan". www.natcom.unesco.kz. Miġbur 2021-04-03.
- ^ "Khodja Akhmed Yasawi : Life and Philosophical heritage". www.natcom.unesco.kz. Miġbur 2021-04-03.
- ^ a b ċ "History of the town of Yassy-Turkestan". www.natcom.unesco.kz. Miġbur 2021-04-03.
- ^ "Yasavi (Shrine of Ahmed Yasavi)", ArchNet Dictionary of Islamic Architecture". Archnet.org. Arkivjat 26-05-2006.
- ^ a b ċ d e f ġ "Architectural complex of Khodja Akhmed Yasawi". www.natcom.unesco.kz. Miġbur 2021-04-03.
- ^ Bozorg-nia, Zohreh (2004). Mimaran-i Iran. p. 140. ISBN 964-7483-39-2.
- ^ a b "Turkestan - the capital of the Kazakh Khanship". www.natcom.unesco.kz. Miġbur 2021-04-03.
- ^ "History of Turkistan in the medieval manuscripts and written sources". www.natcom.unesco.kz. Miġbur 2021-04-03.
- ^ a b Mausoleum of Khoja Ahmed Yasawi. 2011. pp. 26–43. ISBN 978-601-221-019-4.
- ^ a b ċ "Saxena, Manjari. "The holy shines through the glazed walls". Gulf News. Arkivjat 28-08-2009". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2009-08-28. Miġbur 2021-04-03.
- ^ a b ċ "15: Religious Architecture of the Timurids". web.mit.edu. Miġbur 2021-04-03.
- ^ ""Islamic art and architecture". History.com Encyclopedia. Arkivjat 01-05-2009". Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-05-01. Miġbur 2021-04-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b "Uzbekistan: On the bloody trail of Tamerlane". The Independent (bl-Ingliż). 2011-09-17. Miġbur 2021-04-03.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Samarkand – Crossroad of Cultures". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-03.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Humayun's Tomb, Delhi". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-03.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Taj Mahal". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-04-03.
- ^ Khalid, Adeeb (2007). Islam After Communism: Religion and Politics in Central Asia. Los Angeles: University of California Press. p. 29. ISBN 978-0-520-24927-1.