Gżira Manoel
Il-Gżira Manoel (bl-Ingliż: Manoel Island), li qabel kienet magħrufa bħala Gżira tal-Isqof (bl-Ingliż: Bishop's Island; bit-Taljan: Isola del Vescovo) jew Isolotto, hija gżira żgħira li tifforma parti mill-muniċipalità tal-Gżira fil-Port ta’ Marsamxett, Malta. Hija msemmija għall-Gran Mastru Portugiż António Manoel de Vilhena, li bena forti fil-gżira fis-snin 20 tas-seklu 18.
Ġeografija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżira Manoel hija gżira ċatta ffurmata bejn wieħed u ieħor bħal werqa. Hija tinsab fin-nofs tal-Port ta' Marsamxett, bil-qala ta' Lazzarett fin-Nofsinhar tagħha u x-xatt ta' Tas-Sliema fit-Tramuntana tagħha. Il-gżira hija magħquda mal-gżira prinċipali ta' Malta permezz ta’ pont.
Il-gżira kollha tidher mis-swar tal-belt kapitali Valletta.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1570, il-gżira ġiet akkwistata mill-Kapitlu tal-Katidral tal-Imdina u saret proprjetà tal-Isqof ta’ Malta. Għalhekk kienet tissejjaħ l-Isola tal-Vescovo jew il-Gżira tal-Isqof.
Lazzarett
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1592, sptar tal-kwarantina magħruf bħala Lazzarett nbena meta faqqgħet il-pesta. L-isptar kien magħmul minn barrakki tal-injam, u tneħħa sena wara, wara li l-marda kienet naqset sew. Fl-1643, matul it-tmexxija tal-Gran Mastru Lascaris, l-Ordni ta’ San Ġwann partet il-gżira mal-knisja għal xi art fir-Rabat u bniet Lazzarett permanenti f’tentattiv biex tikkontrolla l-influss perjodiku tal-pesta u l-kolera abbord vapuri li jżuru Malta. Inizjalment il-gżira kienet tintuża bħala ċentru ta’ kwarantina fejn jittieħdu passiġġieri minn vapuri li jitwaqqfu. L-isptar sussegwentement ġie mtejjeb matul ir-renji tal-Gran Mastri Cotoner, Carafa u de Vilhena.[1]
Fil-perjodu taħt il-Brittaniċi, il-Lazzarett kompla jintuża u tkabbar matul il-governanza ta' Sir Henry Bouverie fl-1837 u fl-1838. Għal żmien qasir intuża biex joqogħdu fih it-truppi iżda ġie kkonvertit lura fi sptar fl-1871. Matul is-seklu 19, xi posta li kienet dieħla Malta ġiet iffumigata u diżinfettata fl-Uffiċċju Profumo tal-isptar biex jiġi evitatat it-tixrid tal-mard.
Forti Manoel
[immodifika | immodifika s-sors]Bejn l-1723 u l-1733, inbena forti ġdida b’għamla ta’ stilla fuq il-gżira mill-Gran Mastru Portugiż António Manoel de Vilhena. Il-forti ngħata l-isem ta’ Forti Manoel għal dan il-Gran Mastru, u l-gżira nbidlet mill-ġdid f'dan il-punt. Il-forti huwa meqjus bħala eżempju tipiku ta’ inġinerija militari tas-seklu 18, u l-pjanta oriġinali tiegħu huma attribwiti lil René Jacob de Tigné, u jingħad li ġew modifikati mill-ħabib u kollega tiegħu Charles François de Mondion, li jinsab midfun f’kripta taħt il-Forti Manoel. Il-forti għandu kwadranglu, grawnd għall-parati, u sistema ta' arkati, u għal xi żmien kien fih ukoll kappella Barokka ddedikata lil Sant’Antnin ta’ Padova, taħt il-kmand dirett tal-Ordni.
Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, meta Malta kienet taħt assedju, il-Gżira Manoel u l-forti tagħha ntużaw bħala bażi navali mill-10 Flotta tas-Sottomarini tar-Royal Navy, u dak iż-żmien kienet imsejħa "HMS Talbot" jew "HMS Phœnicia". Il-Kappella ta’ Sant’Antnin inqerdet meta ntlaqtet direttament mill-bombi tal-Luftwaffe f’Marzu tal-1942.
Wara żmien l-Ingliżi, il-gżira u l-forti ġew abbandunati għal ħafna snin u l-Forti Manoel u l-Lazzarett t-tnejn li huma ġew vandalizzati.[2]
Illum
[immodifika | immodifika s-sors]Marina u Impjant tal-Bini u t-Tiswija tal-Jottijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżira Manoel fiha marina u impjant tal-bini u t-tiswija tal-jottijiet. Il-marina ilha taħt amministrazzjoni ġdida mill-2011 u tilqa’ bastimenti b’tul sa 80 metru. Għandha total ta' 350 irmiġġ.[3]
L-impjant tal-bini u t-tiswija tal-jottijiet jista' jakkomoda jottijiet u katamarani b’tul sa 50 metru u b’tunnellaġġ ta’ spostament ta' 500 tunnellata. L-impjant tal-bini u t-tiswija tal-jottijiet joffri ħażna ta' dgħajjes, irmiġġ fuq wiċċ l-ilma, tiswijiet u armar komplut.[4]
Villaġġ tal-Papri
[immodifika | immodifika s-sors]Għal bosta snin, il-Gżira Manoel ospitat santwarju pittoresk u informali għall-papri u għasafar tal-ilma oħra ħdejn il-pont li jgħaqqad il-gżira mal-gżira ewlenija ta’ Malta. Ġie maħluq u miżmum minn voluntier lokali, u ffinanzjat kollu kemm hu minn donazzjonijiet privati.[5]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Muscat, Ben. "Brief history of the lazaretto (1)". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-26.
- ^ Said, Frans H. "Brief history of the lazaretto (2)". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-26.
- ^ "Manoel Island Yacht Marina" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-06-26.
- ^ "Manoel Island Yacht Yard - Overview". web.archive.org. 2018-04-18. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-04-18. Miġbur 2021-06-26.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "How to Get By in Malta: Duck Village". web.archive.org. 2012-11-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-11-25. Miġbur 2021-06-26.