Maison Carrée

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Maison Carrée mixgħula billejl.

Il-Maison Carrée (pronunzja bil-Franċiż: [mɛzɔ̃ kaʁe]; li litteralment tfisser "dar kwadra") hija tempju Ruman antik f'Nîmes, fin-Nofsinhar ta' Franza. It-tempju huwa wieħed mill-iżjed tempji Rumani ppreservati sew u li għadu jeżisti fit-territorju tal-eks Imperu Ruman. Huwa tempju provinċjali ta' daqs nofsani ta' żmien l-Imperatur Awgustu, magħruf ukoll bħala caesareum.

Il-Maison Carrée ispirat l-Knisja Neo-Klassika tal-Maddalena f'Pariġi, il-Knisja ta' San Marċellinu f'Rogalin, il-Polonja, u l-Capitol tal-Istat ta' Virginia fl-Istati Uniti,[1] li ġie ddisinjat minn Thomas Jefferson, li kien għamel mudell bl-istukko abbażi tal-Maison Carrée meta kien ambaxxatur għal Franza fl-1785.[2]

F'Settembru 2023, il-Maison Carrée ta' Nîmes tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3][4]

Illustrazzjoni ta' kritika ta' Dissertation sur l'ancienne inscription de la Maison-Carrée de Nismes ippubblikata fl-Acta Eruditorum fl-1760.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Għall-ħabta tal-4-7 W.K.,[5] il-Maison Carrée ġiet iddedikata jew ġiet iddedikata mill-ġdid lil Gaius u lil Luċju Ċesri, in-neputijiet u l-werrieta adottati ta' Awgustu li t-tnejn mietu żgħar. Il-kitba li tiddedika t-tempju lil Gaius u lil Luċju tneħħiet fil-Medju Evu. Madankollu, studjuż lokali, Jean-François Séguier, irnexxielu jwettaq rikostruzzjoni tal-kitba fl-1758 mill-ordni u l-għadd ta' toqob fil-freġju u fl-arċitravu tal-faċċata, li magħhom kienu twaħħlu ittri tal-bronż. Skont ir-rikostruzzjoni ta' Séguier, it-test tad-dedika kien (traduzzjoni): "Lil Gaius Ċesri, iben Awgustu, il-Konslu; lil Luċju Ċesri, iben Awgustu, il-Viċi Konslu; lill-prinċpijiet żgħażagħ". Matul is-seklu 19, it-tempju bil-mod il-mod bejn jirkupra s-sbuħija oriġinali tiegħu, l-iktar permezz tal-isforzi ta' Victor Grangent.

Arkitettura[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Maison Carrée għandha stil arkitettoniku simili għal tempju Ruman bi stil tat-Toskana kif deskritt fil-kitbiet ta' Vitruvju, kittieb Ruman kontemporanju dwar l-arkitettura, għalkemm tuża l-ordni Korinzju. Hija olzata fuq podju għoli 2.85 metri, b'qies ta' 26.42 metru bi 13.54-il metru u b'għamla ta' rettangolu twil kważi d-doppju daqs il-wisa' tiegħu. It-tempju kien jiddomina l-forum tal-belt Rumana ta' Nîmes, fit-territorju li issa huwa n-Nofsinhar ta' Franza. Il-faċċata fiha portiku fond jew pronaos li huwa twil kważi daqs terz tat-tul kollu tal-bini u huwa mżejjen b'mod rikk bil-kolonni u bil-kapitelli. Dan il-portiku fond jenfasizza l-faċċata tat-tempju, u jiddistingwi l-konfigurazzjoni tiegħu minn dik tat-tempji tal-Greċja Antika.

Pjanta tat-tempju antik.

It-tempju għandu disinn eżastil b'sitt kolonni Korinzji taħt pedament fuq kull naħa, u psewdoperipterali b'għoxrin kolonna mal-ħitan taċ-cella. Fuq il-kolonni, l-arċitravu huwa maqsum fi tliet livelli bi proporzjon ta' 1:2:3. It-tiżjin partikolari jiddividi l-arċitravu mill-freġju. Fuq tliet naħat, il-freġju huwa mżejjen b'riljiev ornamentali fin imnaqqax, magħmul minn ward u weraq tal-ħannewija taħt ringiela ta' pizzi fini ħafna. Madankollu, it-tirqim tat-tinqix dekorattiv tal-binja mhuwiex daqshekk preċiż u perfett matematikament daqs it-tiżjin tal-Akropoli jew ta' tempji Griegi oħra.

Daħla kbira (għolja 6.87 metri u wiesgħa 3.27 metri) tagħti għal spazju żgħir u bla twieqi fuq ġewwa, fejn oriġinarjament kien hemm is-santwarju. Issa dan l-ispazju jintuża biex fih jintwera film orjentat għat-turisti dwar l-istorja Rumana ta' Nîmes. Ma għad fadal l-ebda tiżjin antik fi ħdan iċ-cella.

Restawr[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Maison Carrée waqt u wara r-restawr (2006-2011).

Il-binja sarilha restawr estensiv tul is-sekli. Sas-seklu 19, kienet tifforma parti minn kumpless ikbar ta' binjiet differenti jmissu ma' xulxin. Dawn twaqqgħu meta l-Maison Carrée kienet tospita dak li issa huwa l-Mużew tal-Belle Arti ta' Nîmes (mill-1821 sal-1907), u b'hekk ġiet iżolata kif kienet qabel fi żmien ir-Rumani. Il-pronaos ġie rrestawrat fl-ewwel parti tas-seklu 19 meta nbena saqaf ġdid, li ġie ddisinjat bl-istil Ruman. Id-daħla bil-bieb attwali tlestiet fl-1824.

Il-faċċata tat-tempju.

Il-binja sarilha restawr ieħor bejn l-1988 u l-1992, meta reġgħet ġiet imsaqqfa u l-pjazza ta' madwarha ġiet ikklerjata, sabiex ġew żvelati l-pedamenti tal-forum. Sir Norman Foster ġie kkummissjonat biex jibni gallerija tal-arti moderna u librerija pubblika, magħrufa bħala l-Carré d'Art, fuq l-iktar naħa mbiegħda tal-pjazza, minflok it-teatru tal-belt ta' Nîmes, li ħa n-nar fl-1952.[6] B'hekk inħoloq kuntrast kbir mal-Maison Carrée iżda ġew irreplikati bosta mill-karatteristiċi tagħha, bħall-portiku u l-kolonni, bl-azzar u l-ħġieġ. B'hekk, il-kuntrast tal-modernità tal-binja ta' Foster jittaffa permezz tax-xebħ fiżiku taż-żewġ binjiet, li jirrappreżentaw stili arkitettoniċi b'differenza ta' 2,000 sena bejniethom.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Maison Carrée ta' Nîmes ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[3]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Roth, Leland M. (1993). Understanding Architecture: Its Elements, History and Meaning (First ed.). Boulder, Colorado: Westview Press. p. 414. ISBN 0-06-430158-3.
  2. ^ J. C. Balty, Études sur la Maison carrée de Nîmes, Brussell, 1960.
  3. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "The Maison Carrée of Nîmes". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-25.
  4. ^ Ledsom, Alex. "Thinking About The Roman Empire? Meet France's New UNESCO Temple, Maison Carrée In Nîmes". Forbes (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-25.
  5. ^ James C. Anderson, Jr., "Anachronism in the Roman Architecture of Gaul: The Date of the Maison carrée at Nîmes" The Journal of the Society of Architectural Historians, 60.1 (March 2001), pp. 68-79.
  6. ^ Pierre Pinon, "Le projet de Norman Foster pour la médiathèque de Nîmes face à la Maison carrée", Archaeology, 1985.