Aqbeż għall-kontentut

Levoča, il-Kastell ta' Spiš u l-monumenti kulturali assoċjati

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Levoča

Levoča, il-Kastell ta' Spiš u l-monumenti kulturali assoċjati ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[1] Inizjalment is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kien jinkludi biss il-Kastell ta' Spiš iżda mbagħad ġie estiż fl-2009 biex jinkludi l-komponenti l-oħra inkluż il-Kunvent ta' Spiš. Il-fdalijiet tal-Kastell ta' Spiš Castle huma wieħed mill-ikbar siti ta' kastelli fl-Ewropa Ċentrali. Il-kastell jinsab fuq għolja qrib ir-raħal ta' Spišské Podhradie u l-villaġġ ta' Žehra. Flimkien mal-kunvent-ċittadella ta' Spiš, dawn kollha huma komponenti tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Fl-2009, permezz tal-estensjoni tas-sit, ġie inkluż ukoll l-artal famuż ta' Pawlu ta' Levoča u ċ-ċentru storiku ta' Levoča b'bosta binjiet Rinaxximentali ppreservati.[1]

Kastell ta' Spiš

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta' Spiš inbena fis-seklu 12 u kien iċ-ċentru politiku, amministrattiv, ekonomiku u kulturali tal-kontea ta' Szepes. Qabel l-1464, is-sjieda tiegħu kienet għand ir-rejiet Ungeriżi, u mbagħad sal-1528 għadda għand il-familja Szapolyai, bejn l-1531 u l-1635 għadda għand il-familja Thurzo, bejn l-1638 u l-1945 għadda għand il-familja Csáky, u mill-1945 għadda f'idejn l-istat.[2]

Il-Kastell ta' Spiš

Oriġinarjament kien kastell Rumanesk tal-ġebel imdawwar bil-fortifikazzjonijiet. Imbagħad fiż-żona nbnew palazz Rumanesk ta' żewġ sulari u bażilika Rumaneska-Gotika bi tliet navati sat-tieni nofs tas-seklu 13. Insedjament ieħor 'il barra mis-swar inbena fis-seklu 14, li rdoppja ż-żona tal-kastell. Il-kastell ġie rikostruwit għalkollox fis-seklu 15. Il-ħitan tal-kastell ġew mgħollija u nbena insedjament ieħor 'il barra mill-fortifikazzjonijiet. Għall-ħabta tal-1470 żdiedet kappella Gotika. Il-familja Szapolyai wettqet trasformazzjonijiet Gotiċi li biddlu l-parti ta' fuq tal-kastell f'residenza komda għall-familja, tipika tar-residenzi tal-aħħar tar-Rinaxximent tas-sekli 16 u 17. Fl-1780, il-kastell inħaraq u baqa' fi stat ta' fdalijiet minn dak iż-żmien. Il-kastell ġie parzjalment rikostruwit fit-tieni nofs tas-seklu 20, u twettqet riċerka arkeoloġika fuq is-sit.[2]

Ir-raħal Medjevali antik ta' Levoča (bl-Ungeriż: Lőcse, bil-Ġermaniż: Leutschau) għadu mdawwar bil-biċċa l-kbira tas-swar tiegħu li huma twal 2,5 kilometri. Id-daħla prinċipali tar-raħal antik hija d-Daħla monumentali ta' Košice, filwaqt li ġew ippreservati żewġ daħliet oħra, id-Daħla ta' Menhard u d-Daħla Pollakka. Il-pjazza tar-raħal fiha tliet monumenti ewlenin:

  • il-Muniċipju Antik (tas-sekli 15-17)
  • il-Knisja Luterana (1837)
  • il-Bażilika ta' San Ġakbu

Il-pjazza ġiet ippreservata tajjeb ħafna u fiha għadd binjiet notevoli li fl-imgħoddi kienu d-djar tan-nobbiltà lokali fl-aħħar tal-Medju Evu. Fil-pjazza hemm ukoll il-"Gaġġa tal-Mistħija" magħmula bil-ferrobattut, li tmur lura għas-seklu 17, u li kienet tintuża bħala kastig pubbliku. Plakka fuq waħda mid-djar tfakkar l-istampar u l-pubblikazzjoni fir-raħal tal-iżjed xogħol famuż ta' Jan Comenius, l-Orbis Pictus. It-tieni l-ikbar knisja fis-Slovakkja, il-Bażilika ta' San Ġakbu mis-seklu 14, fiha artal Gotiku mill-isbaħ li ġie mnaqqax mill-injam, u li uffiċjalment huma l-ogħla artal Gotiku tal-injam fid-Dinja (għoli 18.62-il metru), maħdum fl-1506-1517 minn Pawlu ta' Levoča.

Kunvent ta' Spiš

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kunvent ta' Spiš

Il-kunvent-ċittadella ta' Spiš jinsab faċċata tal-Kastell ta' Spiš. Il-kunvent-ċittadella jħaddan fih il-Katidral ta' San Martin, eks monasteru, seminarju, u triq waħda b'xi 30 dar, kollha kemm huma ta' kostruzzjoni Medjevali u kkonfinati b'ħajt li nbena bejn l-1662 u l-1665 b'Daħla ta' Fuq u Daħla t'Isfel. Il-katidral inbena bejn l-1245 u l-1273 bi stil Rumanesk b'estensjonijiet Gotiċi sussegwenti. Huwa wieħed mill-ikbar monumenti Rumaneski fis-Slovakkja u fost l-iktar interessanti. Fih bosta artali mnaqqxa Medjevali u huwa l-post fejn indifnu bosta sinjuri tal-Kastell ta' Spiš. Il-pitturi tiegħu ta' mal-ħajt li saru fl-1317 juru l-inkurunazzjoni tar-Re Charles Robert ta' Anjou.[3][4]

Affreski tal-Knisja tal-Ispirtu s-Santu f'Žehra

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja tal-Ispirtu s-Santu f'Žehra tmur lura għall-1274 u fiha pitturi tas-sekli 13 u 14.

Spišské Podhradie

[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-raħal li jinsab taħt l-għolja tal-Kastell ta' Spiš fih għadd ta' djar ta' merkanti Rinaxximentali. Barra minn hekk, fih ukoll waħda mill-ftit binjiet ta' sinagogi (ma għadhiex tintuża) li għad fadal fir-reġjun.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Levoča, il-Kastell ta' Spiš u l-monumenti kulturali assoċjati ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993. Inizjalment is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO kien jinkludi biss il-Kastell ta' Spiš iżda mbagħad ġie estiż fl-2009 biex jinkludi l-komponenti l-oħra inkluż il-Kunvent ta' Spiš.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju tal-għażla wieħed tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

  1. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Levoča, Spišský Hrad and the Associated Cultural Monuments". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-22.
  2. ^ a b "Spišská Kapitula » Spišský hrad – The Spis Castle". www.spisskyhrad.com. Miġbur 2022-03-22.
  3. ^ "Spišská Kapitula". www.slovenskyraj.sk. Miġbur 2022-03-22.
  4. ^ Gabor Méry, Marcell Jankovics - St. Martin's Cathedral Spišská Kapitula (2013), Šamorín (Somorja) ISBN 978-80-8160-018-0.