Kosta ta' Amalfi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tal-Kosta ta' Amalfi minn Ravello

Il-Kosta ta' Amalfi (bit-Taljan: Costiera amalfitana) hija biċċa kosta twila fin-Nofsinhar tal-Italja li tħares lejn il-Baħar Tirren u l-Golf ta' Salerno. Din il-kosta tinsab fin-Nofsinhar tal-Peniżola ta' Sorrento u fit-Tramuntana tal-Kosta ta' Cilento.

Din il-kosta hija mfaħħra mad-dinja għall-pajsaġġ Mediterran u d-diversità naturali tagħha. Il-kosta ħadet l-isem tar-raħal ta' Amalfi, li huwa ċ-ċentru storiku u politiku ewlieni tagħha. Hija destinazzjoni turistika popolari ħafna, u fis-seklu 18 kienet attrazzjoni għall-Ewropej ta' klassi għolja, peress li kienet waqfa frekwenti fil-vjaġġi grandjużi tagħhom ta' dak iż-żmien. Issa saret attrazzjoni għal miljuni ta' turisti internazzjonali ta' kwalunkwe klassi.[1] Il-Kosta ta' Amalfi tniżżlet bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[2]

Veduta tal-Kosta ta' Amalfi lejn Positano minn Salerno

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Matul is-sekli 10 u 11, id-Dukat ta' Amalfi kien jeżisti fit-territorju tal-Kosta ta' Amalfi, iċċentrat proprju fir-raħal ta' Amalfi. Il-Kosta ta' Amalfi iktar 'il quddiem ġiet ikkontrollata mill-Prinċipat ta' Salerno sakemm Amalfi nsterqet mir-Repubblika ta' Pisa fl-1137.[3]

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

Bħall-bqija tar-reġjun, il-Kosta ta' Amalfi għandha klima Mediterranja, bi sjuf sħan u bi xtiewi mhux kiefra. Il-kosta tinsab fuq ix-xatt tan-Nofsinhar pjuttost wieqaf tal-Peniżola ta' Sorrento, u ma tant fiha wisq spazju għal żvilupp rurali u agrikolu.[4] L-unika triq li twassal sal-Kosta ta' Amalfi hija t-triq statali twil 40 kilometru (Strada Statale 163), li tgħaddi tul il-linja kollha tal-kosta mir-raħal ta' Vietri sul Mare fil-Lvant sa Positano fil-Punent. Tul il-Kosta ta' Amalfi hemm tlettax-il muniċipalità, bosta minnhom iċċentrati fuq it-turiżmu.[5]

Muniċipalitajiet[immodifika | immodifika s-sors]

Muniċipalità Distretti Attrazzjonijiet
Vietri sul Mare Albori, Benincasa, Dragonea, Molina, Raito Knisja ta' San Ġwann Battista
Cetara Fuenti Torri ta' Cetara
Maiori Erchie, Ponteprimario, San Pietro, Santa Maria delle Grazie, Vecite Knisja Kolleġġjali ta' Santa Marija, Kastell ta' San Nicola de Thoro Plano, Knisja ta' Santa Maria de Olearia
Tramonti Campinola, Capitignano, Cesarano, Corsano, Figlino, Gete, Novella, Paterno Sant'Arcangelo, Paterno Sant'Elia, Pietre, Polvica, Ponte, Pucara Konservatorju ta' Pucara, Knisja Rupestri f'Gete
Minori Montecita, Torre Knisja ta' Santa Trofimena u villa Rumana antika
Ravello Casa Bianca, Castiglione, Marmorata, Sambuco, Torello Villa Cimbrone, Villa Rufolo, Knisja ta' San Giovanni del Toro, u l-Katidral ta' Ravello
Scala Campidoglio, Minuta, Pontone Katidral ta' Scala
Atrani l-ebda Knejjes ta' San Salvatore del Birecto u Santa Marija Maddalena
Amalfi Lone, Pastena, Pogerola, Tovere, Vettica Minore Katidral ta' Amalfi u l-kjostru tiegħu msejjaħ Chiostro del Paradiso
Conca dei Marini l-ebda Knisja prinċipali ta' San Ġwann Battista u l-Grotta tal-Iżmerald
Furore Fiordo di Furore, Marina di Praia Fjord ta' Furore
Praiano Vettica Maggiore Knejjes ta' San Luqa u San Gennaro, u ta' San Ġwann Battista
Positano Montepertuso, Nocelle Knisja ta' Santa Marija Assunta

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta panoramika ta' Amalfi u l-Kosta ta' Amalfi mill-moll

Il-Kosta ta' Amalfi ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]

Il-bajja ta' Positano

Ekonomija[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kosta ta' Amalfi hija magħrufa għall-produzzjoni tal-limunċell (bit-Taljan: limoncello), xorb alkoħoliku magħmul bil-lumi (magħruf bit-Taljan bħala sfusato amalfitano) imkabbar fil-ġonna mtarrġa tul il-linja kollha tal-kosta bejn Frar u Ottubru.[6] F'Amalfi tiġi prodotta wkoll karta ħoxna magħmula bl-idejn imsejħa bambagina[7], li hija simbolika għat-teknika tradizzjonali antika fl-Italja tal-produzzjoni tal-karta u li storikament kienet tintuża għal kitbiet privati, atti legali u bolol tad-dħul.[8] Prodott lokali rinomati oħra huma tip partikolari ta' inċova (bit-Taljan lokali: alici) minn Cetara, u ċ-ċeramika kkulurita magħmula bl-idejn minn Vietri.

Il-Kosta ta' Amalfi mill-baħar

Trasport[immodifika | immodifika s-sors]

Is-servizzi tal-karozzi tal-linja u tal-laneċ jaħdmu tul il-Kosta ta' Amalfi, kif ukoll eskursjonijiet bid-dgħajjes minn Positano u Amalfi.[9]

Ajruport[immodifika | immodifika s-sors]

L-eqreb ajruport huma dak ta' Salerno Costa d'Amalfi. Madankollu, l-iżjed ajruport li jintuża biex il-barranin iżuru l-Kosta ta' Amalfi huwa l-Ajruport Internazzjonali ta' Napli (Napoli-Capodichino).

Kultura popolari[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta ta' Atrani

Is-sbuħija naturali u l-pajsaġġi pittoreski tal-Kosta ta' Amalfi wasslu biex tkun waħda mill-iktar destinazzjonijiet popolari fid-dinja fost it-turisti, tant li tlaqqmet bħala l-"Kosta Divina" (bit-Taljan: Divina costiera.

Il-mexxejja ta' Amalfi huma l-figuri ċentrali fit-traġedja ta' John Webster imsejħa The Duchess of Malfi. L-artist Olandiż M.C. Escher ipproduċa għadd ta' opri tal-arti tal-Kosta ta' Amalfi[10], u Spike Milligan jiddeskrivi ż-żmien li qatta' f'Amalfi matul perjodu ta' mistrieħ mill-gwerra fir-raba' parti tal-memorji tal-gwerra tiegħu, Mussolini: His Part in My Downfall.[11]

Il-Kosta ta' Amalfi ntużat għax-xeni tal-film tal-1972 ta' Federico Fellini Roma u għall-film Amerikan tal-2017 Wonder Woman, fejn il-Kosta ta' Amalfi dehret bħala l-gżira ta' Amazon ta' Themyscira.[12]

Il-Kosta ta' Amalfi hija wkoll l-isfond għal trakki fittizji tat-tlielaq tal-karozzi u tal-muturi fil-logħob elettroniku Forza Motorsport 3, Forza Motorsport 4 u Gran Turismo 4.[13]

Il-belt ta' Positano tissemma wkoll fil-ġrajja qasira tal-1953 ta' John Steinbeck imsejħa Positano.[14] Il-belt tissemma u tidher ukoll f'Under the Tuscan Sun, f'Tenet ta' Christopher Nolan u fil-film ta' Kath u Kim imsejjaħ Kath & Kimderella.[15]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Bay of Naples, Amalfi Coast, History, Culture". web.archive.org. 2011-10-31. Miġbur 2022-03-04.
  2. ^ a b c Centre, UNESCO World Heritage. "Costiera Amalfitana". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-03.
  3. ^ "Amalfi (1)". web.archive.org. 2011-07-15. Miġbur 2022-03-04.
  4. ^ "Amalfi geography, book your holidays at Authentic Italy. We offer Campania travel holidays, villas and vacation apartments". web.archive.org. 2008-07-04. Miġbur 2022-03-04.
  5. ^ "Amalfi People | Amalfi Coast Culture". web.archive.org. 2014-08-05. Miġbur 2022-03-04.
  6. ^ "National cultivars". web.archive.org. 2011-07-21. Miġbur 2022-03-04.
  7. ^ "Amalfi Coast guide - amalfi.com". www.amalfi.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-04.
  8. ^ Insolitaitalia, Redazione (2016-09-20). "History of the Amalfi Paper and its Museum" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-04.
  9. ^ "Amalfi coast transport services". www6.theamalficoast.net. Miġbur 2022-03-04.
  10. ^ "Italian Period". M.C. Escher - The Official Website (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-04.
  11. ^ Penguin paperback edition, minn p. 220 'il quddiem.
  12. ^ Beck, Laura (2017-06-01). "Here Are the Magical Places the Cast of Wonder Woman Stayed in Italy". Cosmopolitan (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-04.
  13. ^ "Forza 3's Ferrari Collection, Amalfi Coast Track Pictured". Shacknews (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-04.
  14. ^ "Positano by John Steinbeck". web.archive.org. 2011-06-08. Miġbur 2022-03-04.
  15. ^ Dent, Nick. "Kath and Kimderella". Time Out Worldwide (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-04.