Aqbeż għall-kontentut

Kolonja tal-Artisti ta' Darmstadt

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
It-Torri taż-Żwieġ

Il-Kolonja tal-Artisti ta' Darmstadt tirreferi għal grupp ta' artisti tal-Jugendstil kif ukoll għall-binjiet f'Mathildenhöhe, Darmstadt, il-Ġermanja, fejn kienu jgħixu u jaħdmu dawn l-artisti. Il-biċċa l-kbira tal-artisti kienu ffinanzjati minn patruni u kienu jaħdmu flimkien ma' membri oħra tal-grupp li kellhom gosti u ideali artistiċi konkordanti.

L-UNESCO rrikonoxxiet il-Kolonja tal-Artisti f'Mathildenhöhe, Darmstadt, bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-2021.[1][2][3][4]

Il-Kolonja tal-Artisti twaqqfet fl-1899 minn Ernst Ludwig, il-Gran Duka ta' Hesse.[5] Il-motto tiegħu kien: Mein Hessenland blühe und in ihm die Kunst ("It-territorju tiegħi ta' Hesse għandu jiffjorixxi u fih stess tiffjorixxi l-arti")[6], u kien jistenna li l-kombinament tal-arti u tal-kummerċ jipprovdi impulsi ekonomiċi għat-territorju tiegħu.[7] L-għan tal-artisti kien li jixprunaw l-iżvilupp ta' forom moderni u innovattivi ta' konstruzzjoni u ta' għajxien. Għalhekk, Ernst Ludwig laqqa' flimkien diversi artisti tal-Art Nouveau f'Darmstadt, fosthom Peter Behrens, Paul Bürck, Rudolf Bosselt, Hans Christiansen, Ludwig Habich, Patriz Huber u Joseph Maria Olbrich.

L-Ewwel Wirja tal-1901

[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel wirja tal-Kolonja tal-Artisti seħħet fl-1901 bit-titlu "Dokument tal-Arti Ġermaniża".[8] L-oġġetti tal-wirja kienu d-djar individwali, l-istudjos u diversi kostruzzjonijiet temporanji tal-Kolonja. Il-wirja nfetħet fil-15 ta' Mejju b'festival propost minn Peter Behrens u ispirat l-interess ferm lil hinn mill-fruntieri ta' Darmstadt's borders, iżda xorta waħda spiċċat b'telf finanzjarju kbir f'Ottubru. Ftit wara, Paul Bürck, Hans Christiansen u Patriz Huber ma baqgħux fil-Kolonja, u l-istess għamlu Peter Behrens u Rudolf Bosselt fis-snin ta' wara.

Dar Ernst Ludwig

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-faċċata ta' Dar Ernst Ludwig

Dar Ernst Ludwig inbniet bħala studjo komuni skont il-pjanta mfassla minn Joseph Maria Olbrich.[9] Olbrich kien ħadem bħala arkitett u kien figura ċentrali fil-grupp ta' artisti. Fil-bidu, Peter Behrens kien involut biss bħala pittur u bħala illustratur. It-tqegħid tal-ewwel ġebla seħħ fl-24 ta' Marzu 1900. L-istudjo kien post tax-xogħol kif ukoll il-post fejn kienu jinġabru l-membri tal-Kolonja tal-Artisti. Fin-nofs tas-sular prinċipali hemm il-kamra tal-laqgħat b'pitturi magħmula minn Paul Bürck u hemm tliet studjos tal-artisti ma' kull naħa tal-kamra. Hemm żewġ appartamenti tal-artisti taħt l-art u kmamar taħt l-art għal skopijiet kummerċjali. Id-daħla tinsab f'niċċa mżejna b'motivi ta' fjuri ndurati. Żewġ statwi twal sitt metri, "Raġel u Mara" jew "Saħħa u Sbuħija", jgħassu d-daħla u huma xogħol Ludwig Habich. Id-djar tal-artisti kienu raggruppati madwar Dar Ernst Ludwig. Lejn l-aħħar tas-snin 80 tas-seklu 20, il-binja ġiet rikostruwita u mibdula f'mużew (bil-Ġermaniż: Museum Künstlerkolonie Darmstadt) dwar il-Kolonja tal-Artisti ta' Darmstadt.[10]

Djar l-artisti

[immodifika | immodifika s-sors]
Dar Wilhelm Deiters

L-artisti setgħu jixtru l-proprjetà b'kundizzjonijiet favorevoli u jibnu d-djar residenzjali għall-wirja. Kien previst li l-isforzi ta' kombinament tal-arkitettura, id-disinn tal-ispazji interni, l-artiġjanat u l-pittura jintwerew b'eżempji konkreti. Olbrich, Christiansen, Habich u Behrens biss setgħu jifilħu jibnu d-djar tagħhom stess; minkejja dan kien hemm tmint idjar mgħammra għalkollox fl-ewwel wirja.

Dar Wilhelm Deiters

[immodifika | immodifika s-sors]

Wilhelm Deiters kien il-maniġer tal-Kolonja tal-Artisti. Id-dar tiegħu ġiet iddisinjata minn Joseph Maria Olbrich, li kien responsabbli wkoll għad-disinn tal-ispazju intern tal-pjan terran.[11] Din id-dar hija l-iżgħar waħda mid-djar tal-Kolonja u l-forma partikolari tagħha hija r-riżultat tal-għamla kwadra tal-proprjetà li fuqha nbniet, li tinsab fejn jiltaqgħu żewġ toroq. Ma ġarrbet l-ebda ħsara fil-gwerra u ġiet irrestawrata għad-dehra oriġinali tagħha fl-1991-1992 wara tentattivi inqas tajbin ta' rinnovazzjoni u ta' disinn mill-ġdid.[12] Il-binja kienet tospita l-Istitut Pollakk Ġermaniż mill-1996 sal-2016.[13]

Dar Glückert il-Kbira

Dar Glückert il-Kbira

[immodifika | immodifika s-sors]

Joseph Maria Olbrich iddisinja wkoll din id-dar għal Julius Glückert.[14] Kienet l-ikbar dar tal-wirja. Julius Glückert kien produttur tal-għamara u promotur importanti tal-Kolonja tal-Artisti. Kien ippreveda li jbigħ id-dar malli titlesta, iżda kemxejn qabel ma tlestiet iddeċieda li juża l-binja għal wirja permanenti ta' bċejjeċ prodotti fil-fabbrika tiegħu. Id-dar iġġarrfet parzjalment fit-Tieni Gwerra Dinjija, u iktar 'il quddiem ġiet rikostruwita u mbagħad irrestawrata fis-snin 80 tas-seklu 20. Illum il-ġurnata tintuża mill-Akkademja Ġermaniża għal-Lingwa u l-Poeżija.[15]

Dar Glückert iż-Żgħira (Dar Rudolf Bosselt)

[immodifika | immodifika s-sors]

Din id-dar ġiet iddisinjata wkoll minn Joseph Maria Olbrich. L-iskulturi mal-faċċata huma xogħol Rudolf Bosselt. Patriz Huber kien responsabbli għad-disinn tal-ispazji interni. Bosselt beda x-xogħol fid-dar, iżda ma kienx kapaċi jkopri l-kostijiet tal-kostruzzjoni. B'hekk Glückert ħa d-dar f'idejh u ħallas biex titlesta. Id-dehra attwali tagħha tqarreb ħafna l-forma oriġinali tagħha.

Dar Peter Behrens

Dar Peter Behrens

[immodifika | immodifika s-sors]

Peter Behrens kien arkitett awtodidatta.[16] Id-disinn tiegħu għal daru stess u tal-ispazji interni tagħha kien jirrappreżenta d-debutt tiegħu. Il-fatt li l-arkitett u d-disinjatur tal-ispazji interni tad-dar kienu l-istess persuna wassal biex id-dar ikollha konsistenza li tispikka b'mod partikolari. Madankollu, din id-dar hija l-iktar dar tal-wirja li swiet flus, b'kostijiet totali ta' 200,000 Mark. Behrens qatt ma għex fiha, u minflok għażel li jbigħha ftit wara l-wirja. Ġarrbet ħsarat estensivi fit-Tieni Gwerra Dinjija, iżda għall-inqas il-bixra esterna tagħha ġiet irrestawrata kważi għalkollox għall-istat oriġinali tagħha. Xi oġġetti u biċċiet tal-għamara milli jidher kienu tneħħew mid-dar qabel it-Tieni Gwerra Dinjija u għaldaqstant ma nqerdux.

Dar Joseph Maria Olbrich

Dar Joseph Maria Olbrich

[immodifika | immodifika s-sors]

Dar Olbrich stess kienet pjuttost irħisa u swiet 75,000 Mark biex inbniet. Il-binja kellha saqaf skuntrat aħmar li kien ikompli jinżel 'l isfel fuq il-pjan terran min-naħa tat-Tramuntana. Olbrich stess kien iddisinja wkoll l-ispazju intern kollu. Id-dar ġarrbet ħsarat estensivi fit-Tieni Gwerra Dinjija u reġgħet inbniet fl-1950-1951, għalkemm kollox mill-pjan terran 'il fuq ġie mibdul kompletament.[17] Il-madum abjad u blu tal-faċċata biss ifakkar fil-kostruzzjoni oriġinali. Id-dar intużat mill-Istitut Pollakk Ġermaniż mill-1980 sal-1996.[13]

Dar Ludwig Habich

[immodifika | immodifika s-sors]

Joseph Maria Olbrich kien l-arkitett ta' Dar Ludwig Habich, li kienet l-istudjo u r-residenza tal-iskultur Ludwig Habich.[18] Patriz Huber kien responsabbli għad-disinn tal-ispazji interni. Il-binja hija notevoli għas-saqaf ċatt tagħha u għall-ġeometrija solida tagħha b'dekorazzjoni Spartana. Wara li ġarrbet ħsarat estensivi matul il-gwerra, ġiet rikostruwita fl-1951 b'ċerti bidliet fid-dettalji iżda f'konformità mal-pjanta oriġinali.

Dar Hans Christiansen

[immodifika | immodifika s-sors]

Dar Hans Christiansen ġiet iddisinjata minn Olbrich skont ix-xewqat tal-pittur Hans Christiansen. Il-faċċata kienet iddominata minn żoni kbar bil-kulur, iżda d-dekorazzjoni xi kultant kienet figurattiva wkoll. Ġiet impittra minn Christiansen u kienet toffri ħafna materjal għad-diskussjoni. L-artist u l-familja tiegħu għexu fid-dar għal żmien pjuttost twil, għalkemm Christiansen ħadem barra Darmstadt speċjalment lejn l-aħħar ta' ħajtu. Il-binja nqerdet għalkollox fit-Tieni Gwerra Dinjija u ma ġietx rikostruwita. Minflok, tħalla spazju vojt, u b'hekk inqerdet ukoll is-simetrija oriġinali taż-żona.

Dar Georg Keller

[immodifika | immodifika s-sors]

Din id-dar, magħrufa bħala "Beaulieu", inbniet għall-għani Georg Keller skont il-pjanta mfassla minn Joseph Maria Olbrich. Wara li nqerdet fil-gwerra, id-dar ġiet rikostruwita b'mod differenti għalkollox.

It-Tieni Wirja tal-1904

[immodifika | immodifika s-sors]

It-tieni wirja kienet ikkaratterizzata minn kważi kostruzzjonijiet temporanji biss wara t-telf finanzjarju kbir tal-ewwel wirja. Flimkien mal-membri li kien għad fadal, Olbrich u Habich, issieħbu tliet membri ġodda: Johann Vincenz Cissarz, Daniel Greiner u Paul Haustein.

Grupp ta' tlett idjar

[immodifika | immodifika s-sors]

It-tlett idjar interkonnessi fil-kantuniera ta' Stiftstraße u ta' Prinz-Christians-Weg inbnew fl-1904 skont il-pjanti ta' Joseph Maria Olbrich. Id-dar tal-kantuniera (bi strippi-pilastri magħmula bil-brikks) u d-"Dar Blu" (il-pjan terran huwa miksi b'madum igglejżjat blu) inbnew bit-tir li jinbigħu, filwaqt li d-"Dar Griża", magħrufa wkoll bħala "Dar il-Predikatur" (li għandha superfiċe skura u ħarxa tal-ġibs), ġiet iddisinjata bħala residenza għall-predikatur tal-qorti. Olbrich iddisinja l-ispazji interni tad-Dar Griża; Paul Haustein u Johann Vincenz Cissarz kienu responsabbli għad-dekorazzjoni tad-Dar Blu u xi kmamar tad-dar tal-kantuniera. It-tlett idjar kellhom l-għan li juru l-possibbiltajiet ta' għajxien għall-klassi medja. Id-djar ġarrbu ħsarat estensivi fit-Tieni Gwerra Dinjija. Minflok id-Dar Griża nbniet kostruzzjoni ġdida, filwaqt li ż-żewġt idjar l-oħra ġew rikostruwiti b'modifiki kbar.

It-Tielet Wirja (wirja reġjonali ta' Hesse) tal-1908

[immodifika | immodifika s-sors]
Kartolina antika tat-Torri taż-Żwieġ u tal-Binja tal-Wirjiet

It-tielet wirja, li kienet miftuħa għall-artisti u għall-ħaddiema tas-snajja' ta' Hesse, kienet iċċentrata fuq kolonja ta' residenzi żgħar, sabiex turi li l-forom moderni ta' għajxien setgħu jinkisbu b'mezzi finanzjarji limitati. It-tema tal-wirja kienet l-arti ħielsa u applikata. Apparti Olbrich, il-kolonja kienet tinkludi lil Albin Müller, Jakob Julius Scharvogel, Joseph Emil Schneckendorf, Ernst Riegel, Friedrich Wilhelm Kleukens u Heinrich Jobst dak iż-żmien.

Torri taż-Żwieġ u Binja tal-Wirjiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Joseph Maria Olbrich ippjana t-Torri taż-Żwieġ (li ngħata dan l-isem biex ifakkar iż-żwieġ bejn il-Gran Duka Ernst Ludwig u l-Prinċipessa Eleonore zu Solms-Hohensolms-Lich fl-1905) u l-Binja tal-Wirjiet maġenbu. Dawn iż-żewġ binjiet infetħu fl-1908 bħala post fejn il-membri tal-Kolonja tal-Artisti setgħu juru x-xogħol artistiku tagħhom. Iż-żewġ binjiet jinsabu fuq eks ġibjun li huwa parti min-network tal-ilma ta' Darmstadt, li oriġinarjament kien ġie ssiġillat bir-radam biss.

Dar tal-Wirjiet tat-Tramuntana ta' Hesse

[immodifika | immodifika s-sors]

Din id-dar ġiet iddisinjata minn Olbrich bħala post fejn setgħu jintwerew il-prodotti industrijali u kummerċjali mit-Tramuntana ta' Hesse u fil-biċċa l-kbira tagħha ġiet iddekorata minnu wkoll. Illum il-ġurnata l-binja tintuża mill-"Istitut għall-Mużika Ġdida u għall-Edukazzjoni fil-Mużika".

Dar Conrad Sutter

[immodifika | immodifika s-sors]

L-arkitett Conrad Sutter iddisinja u bena din id-dar, u ħa ħsieb ukoll id-disinn tal-ispazju intern kollu. Il-binja ġiet inkluża fil-wirja kontra l-parir tal-ġurija, u Sutter assuma r-responsabbiltà għal din l-għażla.

Dar Wagner-Gewin

[immodifika | immodifika s-sors]

L-arkitett Johann Christoph Gewin iddisinja l-pjanta għal din id-dar għall-bennej Wagner. Din id-dar inqerdet fil-gwerra.

Kolonja tar-residenzi ż-żgħar

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kolonja tar-residenzi ż-żgħar inbniet fuq ix-xaqliba tal-Lvant tal-Mathildenhöhe bħala mudell għar-residenzi tal-klassijiet inqas għonja. Kienet magħmula minn dar waħda għal żewġ okkupanti, żewġt idjar imissu ma' xulxin minn naħa waħda u tlett idjar għal okkupant wieħed. Id-djar servew bħala mudell kollettiv u ntwerew mis-Soċjetà ta' Ernst Ludwig u mis-Soċjetà Ċentrali ta' Hesse għall-Kostruzzjoni ta' Appartamenti Orħos. Sitt industrijalisti kbar minn Hesse pprovdew il-finanzjament. Il-kundizzjonijiet kienu jirrikjedu li d-djar ikollhom mill-inqas tliet kmamar residenzjali, jinbnew b'materjali lokali tal-bini, u ma jiswewx iktar minn 4,000 Mark għal dar għal okkupant wieħed jew 7,200 Mark għal dar għal żewġ okkupanti. Barra minn hekk, l-arkitetti kienu meħtieġa jiddisinjaw spazji interni li jiswew inqas minn 1,000 Mark għal kull residenza. Il-binjiet ġew iddisinjati mill-arkitetti lokali Ludwig Mahr, Georg Metzendorf, Josef Rings, Heinrich Walbe, Arthur Wienkoop u Joseph Maria Olbrich. Il-binjiet mgħammrin għalkollox intwerew fl-1908 iżda ġew żarmati ftit wara li ntemmet il-wirja.

Dar il-Ħaddiema tal-Opel

[immodifika | immodifika s-sors]

Olbrich ġie kkummissjonat mid-ditta Opel minn Rüsselheim biex jiddisinja dar għal okkupant wieħed kompluta bid-disinn tal-ispazju intern bħala parti mill-kolonja tar-residenzi ż-żgħar. Minflok kċina maħsuba biex wieħed jiekol fiha, xi ħaġa li kienet komuni dak iż-żmien, kien hemm kċina żgħira u salott kbir fil-pjan terran. Fit-tieni sular, kien hemm żewġ kmamar tas-sodda kbar u kamra tal-banju.

Djar il-Ħaddiema, Erbacher Straße 138-142

[immodifika | immodifika s-sors]

It-tlett idjar ta' Mahr, Metzendorf u Wienkoop ġew żarmati wara l-wirja tal-1908 u tressqu f'dik li attwalment hija Erbacher Straße fuq kummissjoni tal-azjenda Dukali tal-ħalib fil-qrib.

Ir-Raba' Wirja tal-1914

[immodifika | immodifika s-sors]

L-enfasi partikolari tal-aħħar wirja kienet ir-residenza għall-kiri. B'hekk Albin Müller bena grupp ta' tmien appartamenti għall-kiri għoljin tliet sulari fuq ix-xaqliba tat-Tramuntana tal-Mathildenhöhe. Tlett idjar kienu jinkludu mudelli ta' disinn tal-ispazji interni minn diversi membri tal-kolonja. Fuq in-naħa ta' wara ta' dan il-grupp ta' binjiet kien hemm studjo ta' ħames sulari. Din ir-ringiela ta' binjiet ta' appartamenti nqerdet fit-Tieni Gwerra Dinjija, iżda l-istudjo bil-faċċata bl-istrixxi kannella ma ġarrbet l-ebda ħsara. L-għalqa bis-siġar tas-sikamoru u Bieb l-Iljun (li issa huwa l-bieb tad-daħla għall-Park ta' Rosenhöhe) għadhom jeżistu. Il-membri tal-kolonja dak iż-żmien kienu Heinrich Jobst, Friedrich Wilhelm Kleukens, Albin Müller, Fritz Osswald, Emanuel Josef Margold, Edmund Körner u Bernhard Hoetger.

Żvilupp tal-madwar

[immodifika | immodifika s-sors]

L-arkitetti lokali ta' Darmstadt ma ħadux sehem fl-Ewwel Wirja tal-Mathildenhöhe. Madankollu, it-tradizzjonalisti Alfred Messel (ir-residenza għad-direttur tal-mużew Paul Ostermann von Roth), Georg Metzendorf (ir-residenza għal Georg Kaiser), Heinrich Metzendorf (ir-residenza għal Hofrat Otto Stockhausen) u Friedrich Pützer (fost binjiet oħra r-residenza tiegħu stess, ir-residenza għal Dr. Mühlberger u d-dar għal żewġ okkupanti għal Dr. Becker u għal Bornscheuer tal-Kunsill tal-Finanzi) irnexxielhom juru l-kunċetti tagħhom fil-marġnijiet tal-Kolonja tal-Artisti. It-territorju tal-wirjiet kien imdawwar b'ċint temporanju waqt il-wirjiet. Id-djar tal-Kolonja tal-Artisti u dawk ta' arkitetti oħra kienu waħda ħdejn l-oħra f'dan l-iżvilupp.

Kolonja l-Ġdida tal-Artisti f'Rosenhöhe

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-belt ta' Darmstadt stabbiliet il-Kolonja l-Ġdida tal-Artisti fis-snin 60 tas-seklu 20. Seba' studjos u residenzi nbnew bejn l-1965 u l-1967 skont il-pjanti ta' Rolf Prange, Rudolf Kramer, Bert Seidel, Heribert Hausmann u Reinhold Kargel. L-awtur Heinrich Schirmbeck, il-kittieb tal-lirika Karl Krolow, l-istoriku tal-arti Hans Maria Wingler u l-iskultur Wilhelm Loth kienu (jew huma) fost il-membri ta' din il-kolonja.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kolonja tal-Artisti ta' Darmstadt ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

  • Jürgen Bredow, Johannes Cramer: Bauten in Darmstadt. Ein Architekturführer. Darmstadt 1979. ISBN 3-7929-0106-4
  • Stadt Darmstadt (Publ.): Die Darmstädter Mathildenhöhe. Architektur im Aufbruch zur Moderne. Beiträge zum Denkmalschutz in Darmstadt. Vol. 7. Darmstadt 1998.
  • Stadt Darmstadt (Publ.): Die Mathildenhöhe – ein Jahrhundertwerk. Mathildenhöhe Darmstadt. 100 Jahre Planen und Bauen für die Stadtkrone 1899–1999. Vol. 1. Darmstadt 1999. ISBN 3-89552-063-2
  • Mathias Wallner und Heike Werner: Architektur und Geschichte in Deutschland. Munich 2006, p. 114–115. ISBN 3-9809471-1-4
  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Mathildenhöhe Darmstadt". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-23.
  2. ^ "Mathildenhöhe Darmstadt von UNESCO ausgezeichnet | Deutsche UNESCO-Kommission". www.unesco.de (bil-Ġermaniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-07-26. Miġbur 2021-11-23.
  3. ^ Germany, hessenschau de, Frankfurt (2021-07-24). "Unesco-Auszeichnung: Darmstädter Mathildenhöhe ist jetzt offiziell Welterbe". hessenschau.de . Miġbur 2021-11-23.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
  4. ^ Briegleb, Till. "Unesco-Weltkulturerbe: Die Darmstädter Mathildenhöhe". Süddeutsche.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-11-23.
  5. ^ "1901 Mathildenhöhe Darmstadt // Ein Dokument Deutscher Kunst". IBA (bil-Ġermaniż). Miġbur 2021-11-23.
  6. '^ Anderson, Anne (2017). "'Mein Hessenland blühe und in ihm die Kunst'. Ernst Ludwig's Darmstädter Künstlerkolonie: Building Nationhood through the Arts and Crafts". Transnational Histories of the 'Royal Nation. Cham: Springer International Publishing. pp. 177–202. ISBN 978-3-319-50522-0.
  7. ^ "„Mein Hessenland blühe"". www.aka55plus.de. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-11-23. Miġbur 2021-11-23.
  8. ^ "Mathildenhöhe". www.darmstadt-stadtlexikon.de. Miġbur 2021-11-23.
  9. ^ "Ernst Ludwig House". Künstlerkolonie Mathildenhöhe (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-07-29. Miġbur 2021-11-23.
  10. ^ "Museen-in-Hessen | Museum Künstlerkolonie Darmstadt". museen-in-hessen.de. Miġbur 2021-11-23.
  11. ^ "Haus Deiters". Künstlerkolonie Mathildenhöhe (bil-Ġermaniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-07-26. Miġbur 2021-11-23.
  12. ^ "goblu-architekten" (bil-Ġermaniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-07-29. Miġbur 2021-11-23.
  13. ^ a b "Neues Domizil für das Deutsche Polen-Institut – Deutsches Polen-Institut". www.deutsches-polen-institut.de. Miġbur 2021-11-23.
  14. ^ "Großes Haus Glückert". Künstlerkolonie Mathildenhöhe (bil-Ġermaniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-07-29. Miġbur 2021-11-23.
  15. ^ "Glückert-Häuser". www.darmstadt-stadtlexikon.de. Miġbur 2021-11-23.
  16. ^ "Der Autodidakt baute sich seine Villa auf der Mathildenhöhe einfach selbst" (bil-Ġermaniż). 2017-07-27. Miġbur 2021-11-23.
  17. ^ Darmstadt, Wissenschaftsstadt. "Haus Olbrich". www.darmstadt.de (bil-Ġermaniż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-07-30. Miġbur 2021-11-23.
  18. ^ "Habich, Ludwig". www.darmstadt-stadtlexikon.de. Miġbur 2021-11-23.