Aqbeż għall-kontentut

Knisja tal-Verġni Marija ta' Arakos

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Knisja tal-Verġni Marija ta' Arakos

Il-Knisja tal-Verġni Marija ta' Arakos (bil-Grieg: Παναγία του Άρακα jew Άρακος) hija knisja Ortodossa Biżantina medja li tinsab f'Ċipru. Hija waħda mill-iżjed knejjes Biżantini medji magħrufa u li ġiet ippreservata għalkollox bl-affreski tagħha.[1][2] Il-knisja hija waħda mill-għaxar Knejjes Impittrin fir-Reġjun ta' Troodos, li tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985 minħabba l-affreski straordinarji tagħhom u bħala xhieda tal-istorja tat-tmexxija Biżantina f'Ċipru.[3]

Il-knisja tinsab qrib il-villaġġ ta' Lagoudera, Ċipru. B'mod simili bħal knejjes oħra fiż-żona, din il-knisja ngħatat isem fjura selvaġġa, il-ġulbiena. Inbniet fuq ix-xaqlibiet tal-Grigal ta' Madari, it-tieni l-ogħla quċċata tal-Muntanji ta' Troodos. Id-data u ċ-ċirkostanzi tal-konsagrazzjoni tal-knisja mhumiex ċerti, iżda minħabba l-pożizzjoni tagħha bejn il-villaġġi ta' Lagoudera u Sarandi, jingħad li l-knisja kellha sjieda privata jew kienet monasteru peress li kienet tinsab 'il bogħod mill-villaġġi.[4]

Il-biċċa l-kbira tal-istorja tal-knisja hija rreġistrata fl-affreski tagħha. Mill-kitba fuq in-naħa ta' ġewwa tal-arċitravu tat-Tramuntana, ġie ddikjarat li tlestiet f'Diċembru 1192[2], u ġiet impittra minn patri mħarreġ f'Kostantinopli li kien jismu Teodoru Apsevdis. Ix-xogħol ta' Apsevdis x'aktarx li kien ġie kkumissjonat minn aristokratiku Biżantin imsejjaħ Leontios Authentes, li kien qed ifittex rifuġju f'monasteru fil-qrib li kien inbena minn missieru. Għall-ħabta tas-seklu 14, l-affreski ġew irrestawrati wara l-ħsara li ġarrbu minħabba li daħal l-ilma, u l-kitba li timmarka meta sar dan ir-restawr ġiet iffirmata minn djaknu msejjaħ Leontios.[5]

Verġni tal-Passjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
L-affresk tal-Panagia Arakiotissa

Dan l-affresk kien l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu fl-arti Komnenjana, matul ir-renju ta' Alexios I Komnenos (li rrenja fl-1081-1118), u ġie mpitter fl-1192 taħt il-patrunaġġ ta' Leontios Authentes minn Teodoru Apsevdis fuq il-ħajt tax-Xlokk tal-knisja. L-immaġnijiet tal-Verġni Marija dejjem kienu assoċjati mal-qawwa politika fi ħdan l-Imperu Biżantin; madankollu, dan l-affresk partikolari ma għandux l-istess tifsira simbolika. Eżatt qabel ma sar, il-gżira ta' Ċipru għaddiet minn bosta battalji u bidliet fit-tmexxija. Dan il-perjodu ta' taqlib u kaos huwa rifless fl-immaġni tal-Verġni tal-Passjoni. Kif iddikjara l-istoriku Sofoklew:

"In-niket tad-donatur jiġi pperċepit permezz tat-trasformazzjoni tal-immaġni tal-Verġni Marija li huwa jippreskrivi".[6]

Dan in-niket jiġi ppreżentat b'tali mod li din il-verżjoni tvarja minn immaġnijiet oħra tal-Verġni tal-Passjoni. Dan l-affresk juri lill-Verġni Marija b'daqs ta' bniedem, minn rasha sa saqajha u bilwieqfa quddiem it-tron tagħha, bil-Bambin Ġesù f'idejha, għad-differenza ta' immaġnijiet oħra tagħha fejn tidher minn spallejha 'l fuq biss. Barra minn hekk, l-anġli bil-lanza u s-salib (referenza għall-futur ta' Kristu) huma kbar daqs Ġesù, filwaqt li f'verżjonijiet oħra ta' din l-ikona, l-anġli huma żgħar u bilkemm jidhru fil-kompożizzjoni tal-immaġni. Din l-enfasi fuq l-anġli bis-simboli tal-passjoni ta' Kristu u l-immaġni tal-Verġni Marija bilwieqfa bil-Bambin f'idejha, tista' tiġi interpretata bħala l-Madonna tikkonsenja l-Bambin għad-destin Tiegħu, bl-istess mod kif qed toffri l-gżira ta' Ċipru lil bosta mill-mexxejja volatili tiegħu.[5] Fl-isfond tal-affresk hemm talba elaborata lill-Verġni Marija li tgħin ukoll biex tindika l-patrun fir-rigward ta' dan l-affresk partikolari.

"Omm Alla tant safja, dak li pitter

l-immaġni immakulata tiegħek b'kuluri li jispiċċaw

b'tant ħila u bl-ikbar fidi,

Leon, il-qaddej fqir u insinifikanti tiegħek,

imsejjaħ wara missieru Authentes,

flimkien mal-konsorti u l-qaddejja tiegħu [isem il-mara] jitolbuk b'fidi kbira u bi dmugħ bla waqfien

biex issib konklużjoni fil-hena għall-bqija ta' ħajjithom

flimkien mal-qaddejja u mat-tfal tagħhom, qaddejja tiegħek, u jirċievu l-mewt tas-salavazzjoni.

Għaliex inti biss, ja Verġni Marija, tista' tiġi gglorifikata".[5]

Faċċata tal-affresk tal-Verġni tal-Passjoni hemm l-affresk ta' San Xmun iżomm f'idejh il-Bambin Ġesù flimkien ma' San Ġwann il-Battista bilwieqfa ħdejh. Il-kollokament ta' dan l-affresk jimplika x-xena tal-Preżentazzjoni fit-Tempju tat-Testment il-Ġdid. Skont Luqa 2.22-29, Xmun ix-xiħ ħaffef biex imur jara l-Bambin Ġesù peress li skont il-profezija ma kienx imut qabel ma jara l-"Magħmudija tal-Mulej". Barra minn hekk, il-preżenza ta' San Ġwann il-Battista għandhom tifsira sinifikanti għaliex tissuġġerixxi d-destin ta' Kristu u s-sagrifiċċju tiegħu. Dan it-tbassir tal-futur ta' Kristu huwa miktub fil-parċmina f'idejn San Ġwann il-Battista li tiddikjara:

"Ara l-Ħaruf t'Alla li jneħħi d-dnubiet tad-dinja".

Barra minn hekk, il-pożizzjonament ta' dan l-affresk jista' jirreferi wkoll għar-ritwali ta' purifikazzjoni li kienu saru fuq il-Verġni Marija skont id-drawwa li l-omm tiġi ppurifikata f'tempju erbgħin jum wara t-twelid tal-ewwel iben.[7]

Preservazzjoni u konservazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-preservazzjoni tal-affreski fi ħdan din il-knisja ġiet sponsorizzata mid-Dumbarton Oaks Research Center and Collection. David Winfield issorvelja l-proġett ta' restawr u ta' konservazzjoni mill-1968 sal-1973 flimkien ma' martu June li analizzat l-immaġnijiet u għamlet xi tpinġijiet.[8] F'dawk is-snin, il-koppja Winfield kitbet rapporti dettaljati dwar il-proċess tar-restawr tal-affreski għal Dumbarton Oaks.[4] Fi ħdan dawn ir-rapporti, kienu jiddeskrivu ċertu affarijiet bħad-differenzi fid-daqqiet bil-pinzell u l-użu tal-kuluri bejn Teodoru Apsevdis u d-djaknu Leontios. Ħadu nota wkoll tal-materjali li ntużaw (ultramarin, vermilju, weraq tad-deheb u fidda), li huma ingredjenti li jistgħu jinstabu lokalment fil-wied. Iktar 'il quddiem il-koppja Winfield ippubblikaw ktieb sinifikanti dwar il-ħidma tagħhom, The Church of the Panaghia tou Arakos at Lagoudhera, Cyprus: The Paintings and Their Painterly Significance, fl-2003.[9]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Inizjalment, fl-1985 ġew iddeżinjati disa' knejjes u monasteri mpittrin bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3] Il-Knisja tat-Trasfigurazzjoni tas-Salvatur (Panagia Agia Sotira tou Soteros) f'Palaichori Oreinis żdiedet mal-lista fl-2001 bl-estensjoni tas-sit.[10] Fl-2002, il-Knisja msejħa Panagia Chrysokourdaliotissa f'Kourdali, fi Spilia, tressqet ukoll għal estensjoni ulterjuri potenzjali iżda din baqgħet fil-lista tas-siti indikattivi.[11]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]

  1. "State of Conservation of World Heritage Properties in Europe: Painted Churches in the Troodos Region (UNESCO)" (PDF).
  2. 1 2 Carr, Annemarie Weyl. Speculum 80, no. 3 (2005): 999-1001.
  3. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Painted Churches in the Troodos Region". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-21.
  4. 1 2 Winfield, David C.; Mango, Cyril (1969–1970). "The Church of the Panaghia Tou Arakos at Lagoudhera: First Preliminary Report". Dumbarton Oaks. 23–24: 377–380.
  5. 1 2 3 Milliner, Matthew John. “The Virgin of the Passion: Development, dissemination and afterlife of a Byzantine icon type.” ProQuest Dissertations Publishings. Princeton University. (2011).
  6. Sophocleous, Sophocles (1998). Panagia Arakiotissa Lagoudera Cyprus. Museum Publications. p. 47. ISBN 9963782124.
  7. Baltoyianni, Chrysanthe. "Christ the Lamb and the ἐνώτιον of the Law in a Wall Painting of Araka on Cyprus." Δελτίον Χριστιανικής Αρχαιολογικής Εταιρείας 17 (1993): 53-58.
  8. Carr, Annemarie Weyl. "Dumbarton Oaks and the Legacy of Byzantine Cyprus". Near Eastern Archaeology. 71 (1–2): 95. ISSN 1094-2076.
  9. "The Church of the Panaghia tou Arakos at Lagoudhera, Cyprus: The Paintings and Their Painterly Significance". American Journal of Archaeology (bl-Ingliż). 2011-03-24. Miġbur 2022-03-21.
  10. Centre, UNESCO World Heritage. "25 COM X.B - Decision". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-21.
  11. Centre, UNESCO World Heritage. "Church of Panayia Chrysokourdaliotissa, Kourdali (extension to "Painted Churches in the Troodos Region")". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-21.