Kastell ta' Himeji
Il-Kastell ta' Himeji (bil-Ġappuniż: 姫路城, Himeji-jō) huwa kumpless ta' kastell Ġappuniż fuq il-quċċata ta' għolja[1] fil-belt ta' Himeji li tinsab fil-Prefettura ta' Hyōgo, il-Ġappun. Il-kastell jitqies bħala l-ifjen eżempju eżistenti tal-arkitettura prototipika ta' kastell Ġappuniż, u jinkludi network ta' 83 kamra b'sistemi avvanzati ta' difiża mill-perjodu fewdali. Il-kastell spiss huwa magħruf ukoll bħala Hakuro-jō jew Shirasagi-jō ("Kastell tal-Agrett Abjad" jew "Kastell tar-Russett Abjad") minħabba l-kulur abjad jgħajjat tiegħu minn barra u li suppost jixbah lil għasfur qed itir.[2][3]
Il-Kastell ta' Himeji jmur lura għall-1333 meta Akamatsu Norimura bena forti fil-quċċata tal-għolja ta' Himeyama. Il-forti twaqqa' u reġa' nbena bħala l-Kastell ta' Himeyama fl-1346 u mbagħad ġie mmudellat mill-ġdid fil-Kastell ta' Himeji żewġ sekli wara. Il-Kastell ta' Himeji mbagħad ġie mmudellat mill-ġdid b'mod sinifikanti fl-1581 minn Toyotomi Hideyoshi, li żied fortizza ta' tliet sulari. Fl-1600, Tokugawa Ieyasu ta l-kastell lil Ikeda Terumasa bħala premju għall-għajnuna tiegħu fil-Battalja ta' Sekigahara, u Ikeda bena l-kastell mill-ġdid kompletament mill-1601 sal-1609, u kabbru f'kumpless ta' kastell kbir. Diversi binjiet żdiedu iktar 'il quddiem fil-kumpless tal-kastell minn Honda Tadamasa mill-1617 sal-1618.[4] Għal kważi 700 sena, il-Kastell ta' Himeji baqa' intatt, anke matul il-bumbardament ta' Himeji fit-Tieni Gwerra Dinjija, u d-diżastri naturali bħat-terremot il-kbir ta' Hanshin tal-1995.[5]
Il-Kastell ta' Himeji huwa l-ikbar kastell fil-Ġappun u l-iktar wieħed li jżuruh nies. Fl-1993 tniżżel bħala wieħed mill-ewwel Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-pajjiż.[6] Iż-żona fi ħdan il-ħandaq tan-nofs tal-kumpless tal-kastell ġiet iddeżinjata bħala Sit Storiku Speċjali u ħames strutturi tal-kastell ġew iddeżinjati wkoll bħala Teżori Nazzjonali.[7][8] Flimkien mal-Kastell ta' Matsumoto u mal-Kastell ta' Kumamoto, il-Kastell ta' Himeji jitqies bħala wieħed mill-iprem kastelli tal-Ġappun.[9] Sabiex jiġu ppreservati l-binjiet tiegħu, il-kastell sarlu ħafna restawr għal diversi snin u reġa' nfetaħ għall-pubbliku fis-27 ta' Marzu 2015.[10] Fix-xogħlijiet ta' restawr tneħħew ukoll deċennji ta' ħmieġ u ta' tniġġis mill-faċċata, u b'hekk reġa' ħareġ il-kulur abjad jgħajjat oriġinali.[11]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kostruzzjoni tal-Kastell ta' Himeji tmur lura għall-1333, meta nbena forti fuq il-quċċata tal-għolja ta' Himeyama minn Akamatsu Norimura, il-mexxej tal-provinċja antika ta' Harima. Fl-1346, ibnu Sadanori waqqa' dan il-forti u bena il-Kastell ta' Himeyama minfloku.[12] Fl-1545, il-klan ta' Kuroda ġie stazzjonat hemmhekk skont l-ordni tal-klan ta' Kodera, u l-mexxej fewdali Kuroda Shigetaka mmudella l-kastell mill-ġdid fil-Kastell ta' Himeji, u x-xogħol tlesta fl-1561. Fl-1580, Kuroda Yoshitaka ppreżenta l-kastell lil Toyotomi Hideyoshi, u fl-1581 Hideyoshi mmudella l-kastell mil-ġdid b'mod sinifikanti, u bena fortizza ta' tliet sulari b'erja ta' madwar 55 m2 (590 pied kwadru).[13]
Wara l-Battalja ta' Sekigahara fl-1600, Tokugawa Ieyasu ta l-Kastell ta' Himeji lil ibnu tar-rispett, Ikeda Terumasa, bħala premju għall-għajnuna tiegħu fil-battalja. Ikeda waqqa' l-fortizza ta' tliet sulari li kienet inbniet minn Hideyoshi, u bena l-kastell kompletament mill-ġdid u kabbru mill-1601 sal-1609, żied tliet ħniedaq u ttrasformah fil-kumpless tal-kastell kif inhu llum il-ġurnata. Huwa maħsub li x-xogħol kollu involut għal dan it-tkabbir ammonta għal 2.5 miljun jum ta' xogħol meta maqsuma bejn il-forza tax-xogħol involuta. Ikeda miet fl-1613, u għadda l-kastell lil ibnu, li miet ukoll tliet snin wara. Fl-1617, Honda Tadamasa u l-familja tiegħu wirtu l-kastell, u Honda żied diversi binjiet fil-kumpless tal-kastell, inkluż torri speċjali għal bintu tar-rispett, il-Prinċipessa Sen (bil-Ġappuniż: 千姫, Senhime) imsejjaħ keshō yagura (Torri tat-Tbiddil tal-Ħwejjeġ).
Fil-perjodu ta' Meiji (1868-1912), bosta kastelli Ġappuniżi nqerdu. Il-Kastell ta' Himeji ġie abbandunat fl-1871 u xi kurituri u daħliet tal-kastell inqerdu biex ikun hemm spazju għall-barrakki tal-armata Ġappuniża. Inizjalment, il-kumpless tal-kastell kollu kellu jitwaqqa' skont il-politika tal-gvern, iżda bis-saħħa tal-isforzi ta' Nakamura Shigeto, kurunell tal-armata, dan qatt ma seħħ. Fejn hemm l-ewwel daħla tal-kumpless tal-kastell, id-Daħla ta' Hishi (bil-Ġappuniż: 菱の門, Hishinomon), hemm monument tal-ġebel li jagħti ġieħ lil Nakamura. Minkejja li l-Kastell ta' Himeji ma twaqqax, il-kastelli Ġappuniżi kienu saru antikwati u l-preservazzjoni tagħhom kienet tiswa ħafna flus.[14]
Meta s-sistema fewdali tal-han ġiet abolita fl-1871, il-Kastell ta' Himeji tqiegħed għall-irkant. Il-kastell inxtara minn resident ta' Himeji għal 23 yen Ġappuniż (madwar 200,000 yen jew 2,258 dollaru Amerikan illum il-ġurnata). Ix-xerrej ried iwaqqa' l-kumpless tal-kastell u jiżviluppa l-art, iżda ġie stmat li l-ispejjeż involuti biex il-kastell jitwaqqa' kienu kbar wisq, u mill-ġdid reġa' ma twaqqax.
Il-belt ta' Himeji ġiet ibbumbardjata bil-kbir fl-1945, fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, u għalkemm il-biċċa l-kbira tal-inħawi tal-madwar inqerdet għalkollox, il-kastell baqa' intatt. Bomba żgħira waħda twaqqgħet fis-sular ta' fuq tal-kastell iżda ma ħaditx.[15] Sabiex il-kumpless tal-kastell jiġi ppreservat, mill-bidu tal-1956 sar xogħol ta' restawr sostanzjali, bl-ekwivalenti ta' 250,000 jum ta' xogħol maqsuma bejn il-forza tax-xogħol u kost totali ta' 550 miljun yen. F'Jannar 1995, il-belt ta' Himeji ġarrbet ħsarat sostanzjali minħabba t-terremot il-kbir ta' Hanshin, iżda l-Kastell ta' Himeji ħelisha ħafif mingħajr ħsarat, u wera reżistenza notevoli għat-terremoti. Saħansitra l-flixkun tas-sake mqiegħed fuq l-artal tas-sular ta' fuq nett tal-fortizza baqa' f'postu.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-11 ta' Diċembru 1993, il-Kastell ta' Himeji ġie ddeżinjat bħala wieħed mill-ewwel Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Ġappun.[6]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[6]
Ħames strutturi tal-kastell ġew iddeżinjati wkoll bħala Teżori Nazzjonali: il-fortizza prinċipali (bil-Ġappuniż: 大天守, daitenshu)[16], il-fortizza ż-żgħira tal-Majjistral (bil-Ġappuniż: 乾小天守, inui kotenshu)[17], il-fortizza ż-żgħira tal-Punent (bil-Ġappuniż: 西小天守, nishi kotenshu)[18], il-fortizza ż-żgħira tal-Lvant (bil-Ġappuniż: 東小天守, higashi kotenshu)[19], u l-kurituri I, Ro, Ha, u Ni u l-kċina (bil-Ġappuniż: イ, ロ, ハ, ニの渡櫓附台所1棟, i, ro, ha, ni no watariyagura tsuketari daidokoro 1 to).[20] Iż-żona fi ħdan il-ħandaq tan-nofs tal-kumpless tal-kastell ġiet iddeżinjata bħala Sit Storiku Speċjali.[8]
Flimkien mal-Kastell ta' Matsumoto u mal-Kastell ta' Kumamoto, il-Kastell ta' Himeji jitqies bħala wieħed mill-iprem tliet kastelli tal-Ġappun. Huwa l-iktar kastell fil-Ġappun li jżuruh nies. Mill-bidu ta' April 2010, il-Kastell ta' Himeji sarlu xogħol estensiv ta' restawr biex il-binjiet tal-kastell jiġu ppreservati, u l-kastell reġa' nfetaħ għall-pubbliku fis-27 ta' Marzu 2015.[9]
Disinn
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kastell ta' Himeji Castle huwa l-ikbar kastell fil-Ġappun. Huwa eżempju eċċellenti tal-arkitettura prototipika ta' kastell Ġappuniż, u fih bosta karatteristiċi difensivi u arkitettoniċi assoċjati mal-kastelli Ġappuniżi. Il-ħitan b'kurvatura tal-Kastell ta' Himeji xi kultant jingħad li qishom imrewħiet ġganteski (bil-Ġappuniż: 扇子, sensu), iżda l-materjali prinċipali li ntużaw fl-istrutturi huma l-ġebel u l-injam. L-istemmi tal-familji fewdali (bil-Ġappuniż: 家紋, kamon) jidhru fl-arkitettura kollha tal-binjiet, u jirrappreżentaw id-diversi familji li għexu fil-kastell matul l-istorja tiegħu.
L-istil speċifiku tal-kastell jissejjaħ hirayama (bil-Ġappuniż: 平山城; fil-quċċata ċatta ta' għolja). Żewġ kastelli li nbnew matul l-istess żmien u li kellhom ħafna mill-istess karatteristiċi arkitettoniċi tiegħu huma l-Kastell ta' Matsuyama u l-Kastell ta' Tsuyama.
Il-kumpless tal-Kastell ta' Himeji jinsab fiċ-ċentru tal-belt ta' Himeji, Hyōgo, fil-quċċata ta' għolja msejħa Himeyama, li hija 45.6 metru (150 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Il-kumpless tal-kastell jinkludi network ta' 83 binja, fosthom imħażen, daħliet, kurituri u turretti (bil-Ġappuniż: 櫓, yagura). Minn dawn it-83 binja, 74 ġew iddeżinjati bħala Assi Kulturali Importanti: 11-il kuritur, 16-il turretta, 15-il daħla u 32 ħajt. L-ogħla ħitan fil-kumpless tal-kastell huma għoljin 26 metru (85 pied). Flimkien mal-kumpless tal-kastell hemm il-Kōko-en (bil-Ġappuniż: 好古園), ġnien Ġappuniż li nħoloq fl-1992 biex ifakkar il-100 anniversarju tal-belt ta' Himeji.[21]
Mil-Lvant għall-Punent, il-kumpless tal-Kastell ta' Himeji għandu tul ta' bejn 950 u 1,600 metru (3,120 sa 5,250 pied), u mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, għandu tul ta' bejn 900 u 1,700 metru (3,000 sa 5,600 pied). Il-kumpless tal-kastell għandu ċirkonferenza ta' 4,200 metru (2.6 mil). Ikopri erja ta' 233 ettaru (2,330,000 m2 jew 576 akru), u għaldaqstant bejn wieħed u ieħor huwa 50 darba ikbar mit-Tokyo Dome (stabbiliment tal-baseball) jew 60 darba ikbar mill-Istadium ta' Koshien.
Il-fortizza prinċipali (bil-Ġappuniż: 大天守, daitenshu) fiċ-ċentru tal-kumpless hija għolja 46.4 metru (152 pied), u tinsab 92 metru (302 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Flimkien mal-fortizza prinċipali, tliet fortizzi sussidjarji iżgħar (bil-Ġappuniż: 小天守, kotenshu) jiffurmaw raggruppament ta' torrijiet. Minn barra, il-fortizza tidher li għandha ħames sulari, peress li t-tieni u t-tielet sulari minn fuq jidhru qishom sular wieħed; madankollu, effettivament il-fortizza għandha sitt sulari u sular taħt l-art. Is-sular taħt l-art tal-fortizza prinċipali għandu erja ta' 385 m2 (4,140 pied kwadru), u minn ġewwa fih faċilitajiet speċjali li ma jeżistux f'kastelli oħra, inkluż kmamar tal-ħasil, kamra għat-tnixxif u kuritur tal-kċina.
Il-fortizza prinċipali għandha żewġ pilastri, wieħed fil-Lvant u l-ieħor fil-Punent. Il-pilastru tal-Lvant, li għandu dijametru fil-bażi ta' 97 cm (38 pulzier), oriġinarjament kien siġra sħiħa tal-abit, iżda minn dak iż-żmien ġie sostitwit. Il-bażi tal-pilastru tal-Punent huwa 85 b'95 cm (33 b'37 pulzier), u huwa magħmul miċ-ċipress Ġappuniż. Matul ir-restawr ta' Shōwa (1956-1964), siġra taċ-ċipress Ġappuniż twila 26.4 metru (87 pied) tniżżlet mill-muntanji Kiso minflok il-pilastru l-antik. F'dan il-proċess is-siġra nkisret, u għalhekk ġabu siġra oħra mill-muntanja Kasagata, u ż-żewġ siġriet ġew magħqudin flimkien fit-tielet sular.[22]
L-ewwel sular tal-fortizza prinċipali għandu erja ta' 554 m2 (5,960 pied kwadru) u spiss jissejjaħ il-"kamra tal-elf ħasira" minħabba li għandha iktar minn 330 ħasira tat-tip Tatami. Il-ħitan tal-ewwel sular għandhom xtillieri tal-armi (bil-Ġappuniż: 武具掛け, bugukake) għall-ixkubetti u għal-lanez, u fl-imgħoddi kien hemm żmien fejn fil-kastell kien hemm saħansitra 280 xkubetta u 90 lanza. It-tieni sular għandu erja ta' madwar 550 m2 (5,900 pied kwadru).
It-tielet sular għandu erja ta' 440 m2 (4,700 pied kwadru), filwaqt li r-raba' sular għandu erja ta' 240 m2 (2,600 pied kwadru). Kemm it-tielet kif ukoll ir-raba' sular għandhom pjattaformi ħdejn it-twieqi tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar imsejħa "pjattaformi tat-twaddib tal-ġebel" (bil-Ġappuniż: 石打棚, ishiuchidana), li minnhom id-difensuri kienu joqogħdu għassa jew iwaddbu l-oġġetti lejn l-għadu. Barra minn hekk għandhom kmamar żgħar imsejħa "moħbiet tal-ġellieda" (bil-Ġappuniż: 武者隠し, mushakakushi), fejn id-difensuri setgħu jistaħbew u jaħsdu lill-attakkanti li kien jirnexxilhom jidħlu fil-fortizza u joqtluhom. Is-sular ta' fuq nett, is-sitt sular, għandu erja ta' 115 m2 (1,240 pied kwadru) biss. It-twieqi tas-sitt sular issa għandhom vireg tal-ħadid, iżda fil-perjodu fewdali wieħed seta' jgawdi l-veduta panoramika mit-twieqi mingħajr il-vireġ tal-ħadid.
Sistemi ta' difiża
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kastell ta' Himeji fih sistemi avvanzati ta' difiża mill-perjodu fewdali. Mal-kastell kollu hemm tipi differenti ta' lamberżuni (bil-Ġappuniż: 狭間, sama) b'għamliet differenti: ċirkolari, triangolari, kwadri u rettangolari. Dawn kienu maħsuba biex id-difensuri armati b'tanegashima jew l-arċiera setgħu jisparaw fuq l-għadu mingħajr ma jesponu lilhom infushom. Bejn wieħed u ieħor hemm 1,000 lamberżuna mal-binjiet tal-kastell. F'diversi punti fil-ħitan tal-kastell tpoġġew qishom twieqi angolari msejħa "twieqi tat-twaqqigħ tal-ġebel" (bil-Ġappuniż: 石落窓, ishi-otoshi-mado), u permezz tagħhom id-difensuri tal-kastell setgħu jwaqqgħu ġebel kbir jew żejt jagħli fuq ras l-attakkanti li jkun għaddejjin taħthom. Barra minn hekk, fil-kostruzzjoni tal-kastell intuża ġibs abjad biex ikun reżistenti għan-nar.[23]
Il-kumpless tal-kastell kien jinkludi tliet ħniedaq, iżda wieħed minnhom — il-ħandaq ta' barra — issa huwa mirdum taħt l-art. Xi partijiet mill-ħandaq ċentrali u l-ħandaq ta' ġewwa kollu għadhom jeżistu. Il-ħniedaq għandhom wisa' medja ta' 20 metru (66 pied), wisa' massima ta' 34.5 metru (113-il pied), u fond ta' madwar 2.7 metri (8.9 piedi). Il-Ħandaq tat-Tliet Pajjiżi (bil-Ġappuniż: 三国堀, sangoku-bori) fih għadira ta' 2,500 m2 (27,000 pied kwadru) u għadu jeżisti fi ħdan il-kastell; wieħed mill-iskopijiet ta' dan il-ħandaq kien li jaħżen l-ilma biex jintuża f'każ ta' xi nirien.
Il-kumpless tal-kastell, b'mod partikolari l-hekk imsejjaħ Kwartier tal-Qadd (bil-Ġappuniż: 腰曲輪, koshikuruwa), fih għadd ta' mħażen li kienu jintużaw għall-ħżin tar-ross, tal-melħ u tal-ilma f'każ ta' assedju. Binja magħrufa bħala t-Turretta tal-Melħ (bil-Ġappuniż: 塩櫓, shioyagura) kienet tintuża b'mod speċifiku għall-ħżin tal-melħ, u huwa stmat li kien ikun hemm fiha sa 3,000 xkora tal-melħ meta l-kumpless tal-kastell kien għadu jintuża. Il-kumpless tal-kastell kien fih ukoll 33 bir fi ħdan il-ħandaq ta' ġewwa, 13 minnhom għadhom jeżistu; l-iktar bir fond huwa fond 30 metru (98 pied).
Wieħed mill-iżjed elementi difensivi importanti tal-kastell huwa l-labirint ta' mogħdijiet li jwasslu sal-fortizza prinċipali tal-kastell iżda li jekk ma tkunx midħla tagħhom igerfxuk. Id-daħliet, il-barrikati u l-ħitan ta' barra tal-kumpless huma organizzati b'tali mod li tgerfex il-forza tal-għadu, u tobbligah idur u jagħqad f'għamla ta' spirali fi triqtu lejn il-fortizza prinċipali. Il-kumpless tal-kastell oriġinarjament kien fih 84 daħla, u t-tismija ta' 15 minnhom kienet skont is-sillabarju Ġappuniż iroha (I, Ro, Ha, Ni, Ho, He, To, eċċ.). Attwalment, hemm 21 daħla intatta fil-kumpless tal-kastell, u t-tismija ta' 13 minnhom hija skont is-sillabarju Ġappuniż.
F'ħafna każijiet, il-mogħdijiet tal-kastell saħansitra jduru fuqhom infushom, apposta biex igerfxu lil min ma jkunx jaf triqtu sew (jiġifieri l-għadu). Pereżempju, id-distanza dritta mid-Daħla ta' Hishi (bil-Ġappuniż: 菱の門, hishinomon) sal-fortizza prinċipali (bil-Ġappuniż: 大天守, daitenshu) hija 130 metru (430 pied) biss, iżda l-mogħdija nnifisha hija ferm itwal, saħansitra 325 metru (1,066 pied). Il-passaġġi huma dojoq u weqfin ukoll biex iktar jirrestrinġu d-dħul. Din is-sistema kienet tippermetti lid-difensuri jaraw l-għadu biex ikunu jistgħu jisparawlu mill-fortizza sakemm ikun għaddej mit-triq twila mid-daħla, iżda l-Kastell ta' Himeji qatt ma ġie attakkat b'dan il-mod, għaldaqstant is-sistema qatt ma ġiet ittestjata. Madankollu, anke llum il-ġurnata fejn ir-rotta hija mmarkata bit-tabelli, bosta viżitaturi xorta waħda xi kultant jitgerfxu huma u jżuru l-kumpless tal-kastell.[10]
Impatt kulturali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kastell ta' Himeji huwa magħruf ukoll bħala Hakuro-jō jew Shirasagi-jō (il-"Kastell tal-Agrett Abjad" jew il-"Kastell tar-Russett Abjad") minħabba l-kulur abjad jgħajjat tiegħu minn barra u peress li suppost jixbah lil għasfur qed itir. Il-kastell deher b'mod estensiv f'bosta films barranin u Ġappuniżi, inkluż il-film ta' James Bond "You Only Live Twice" (1967), u l-films Kagemusha (1980) u Ran (1985) ta' Akira Kurosawa. Fil-minisensiela televiżiva Shōgun (1980), il-kastell intuża taparsi kien il-Kastell ta' Osaka tal-perjodu fewdali. Fil-logħob elettroniku Civilization Revolution u Civilization V, il-Kastell ta' Himeji jista' jinbena bħala wieħed mill-għeġubijiet tad-dinja. Huwa wkoll wieħed mill-binjiet grandjużi f'Forge of Empires.[24]
Folklor u leġġendi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kastell ta' Himeji huwa assoċjat ma' għadd ta' leġġendi lokali. Il-kaidan (jew ġrajja Ġappuniża tal-fatati) magħrufa sew ta' Banchō Sarayashiki (bil-Ġappuniż: 番町皿屋敷, "Il-Villa f'Banchō") hija ambjentata f'Edo (Tokjo), iżda varjant imsejjaħ Banshū Sarayashiki (bil-Ġappuniż: 播州皿屋敷, "Il-Villa fil-Provinċja ta' Harima") huwa ambjentat fil-Kastell ta' Himeji. Hemm għajdut mhux aċċettati minn kulħadd li l-kastell huwa l-post bona fide fejn hija ambjentata l-leġġenda kollha, u l-Bir allegat ta' Okiku għadu jeżisti fil-kastell sa llum il-ġurnata. Skont il-leġġenda, Okiku ġiet akkużata għalxejn li tilfet xi platti li kienu teżori ta' valur tal-familja tal-villa, u b'hekk inqatlet u ntefgħet fil-bir. Il-fatat tagħha baqa' jidher fil-bir billejl, u tinstema' tgħodd il-platti b'ton kiebi.[25]
Jingħad ukoll li l-Kastell ta' Himeji huwa abitat mill-yōkai Osakabehime, li tgħix fit-torri tal-kastell u tevita l-bnedmin li tant tobgħod. F'xi leġġendi din tieħu l-forma ta' anzjana (jew ta' mara li għandha xi tletin sena) liebsa kimono ċerimonjali bi tnax-il saff. Tista' taqra l-imħuħ tan-nies u tikkontrolla lill-yōkai ta' annimali inferjuri msejħa kenzokushin.[26]
Il-leġġenda tal-"Ġebla tal-Armla l-Anzjana" (bil-Ġappuniż: 姥が石, Ubagaishi) hija ġrajja folkloristika oħra assoċjata mal-kastell. Skont il-leġġenda, Toyotomi Hideyoshi spiċċa bla ġebel matul il-kostruzzjoni tal-fortizza oriġinali ta' tliet sulari, u mara anzjana semgħet dwar il-problema li kellu. Hija tatu l-mola manwali tagħha minkejja li kellha bżonnha għas-sengħa tagħha. Jingħad li n-nies li semgħu l-ġrajja ġew ispirati minnha u offrew ukoll xi ġebel lil Hideyoshi sabiex ikun jista' jtemm il-kostruzzjoni tal-kastell. Sa llum il-ġurnata, il-ġebla li suppost kienet il-mola manwali tal-anzjana għadha tidher u hija miksija b'xibka tal-ħadid fin-nofs ta' wieħed mill-ħitan tal-ġebel tal-kumpless tal-kastell.
Hemm ġrajja folkloristika assoċjata wkoll ma' Sakurai Genbei, li kien il-mastrudaxxa ewlieni ta' Ikeda Terumasa fil-kostruzzjoni tal-fortizza. Skont il-leġġenda, Sakurai ma kienx sodisfatt bil-kostruzzjoni tiegħu, għaliex ħass li l-fortizza kienet immejla daqsxejn lejn ix-Xlokk. Eventwalment, tant baqa' rrabjat li tela' sal-quċċata tal-fortizza u qabeż għal isfel, fejn instab mejjet bi skarpell f'ħalqu.
Statistika dwar il-viżitaturi
[immodifika | immodifika s-sors]- Fl-14 ta' April 2009, l-għadd totali ta' viżitaturi minn żmien ir-restawr tal-era ta' Showa qabeż l-40 miljun ruħ.[27]
- 1964 – 1,738,000 (tlesta x-xogħol ta' restawr tal-era ta' Showa)
- 1989 – 1,197,000
- 1990 – 811,000
- 1991 – 871,000
- 1992 – 885,000
- 1993 – 1,019,000
- 1994 – 983,000
- 1995 – 695,000
- 1996 – 861,000
- 1997 – 716,000
- 1998 – 792,000
- 1999 – 713,000
- 2000 – 662,000
- 2001 – 708,000
- 2002 – 729,000
- 2003 – 814,000
- 2004 – 771,000
- 2005 – 778,000
- 2006 – 899,000
- 2007 – 1,023,000
- 2008 – 1,195,000
- 2009 – 1,561,000
- 2010 – 458,000 (beda x-xogħol ta' restawr)
- 2011 – 611,000
- 2012 – 711,000
- 2013 – 881,000[28]
- 2014 – 919,000
- 2015 – 2,860,000 (f'Marzu tlesta x-xogħol ta' restawr)[26]
Tagħrif addizzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]Teżori nazzjonali u kastelli ġemellati
[immodifika | immodifika s-sors]Fost il-kastelli Ġappuniżi li huma wkoll teżori nazzjonali, apparti l-Kastell ta' Himeji, hemm il-Kastell ta' Matsumoto, il-Kastell ta' Inuyama, il-Kastell ta' Matsue u l-Kastell ta' Hikone. Il-kastelli ġemellati mal-Kastell ta' Himeji huma x-Château de Chantilly fi Franza u l-Kastell ta' Conwy f'Wales, ir-Renju Unit.[29][30] Il-kastelli li għandhom l-istess stil hirayama fil-quċċata ta' għolja huma l-Kastell ta' Matsuyama li nbena fl-1603 u l-Kastell ta' Tsuyama.
Kastell ta' Matsumoto
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kastell ta' Matsumoto (bil-Ġappuniż: 松本城 Matsumoto-jō) huwa wieħed mill-eqdem kastelli tal-Ġappun u jinsab fil-belt ta' Matsumoto, fil-Prefettura ta' Nagano. Il-kostruzzjoni tad-donjon prinċipali (bil-Ġappuniż: 天守閣 tenshukaku) saret mill-familja Ishikawa bejn l-1593 u l-1594, meta l-familja kellha l-kompitu li tieħu ħsieb il-kastell. Id-donjon tal-Kastell ta' Matsumoto hija wieħed mill-eqdem Tenshu b'ħames sulari eżistenti fil-Ġappun.
Kastell ta' Inuyama
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kastell ta' Inuyama (bil-Ġappuniż: 犬山城 Inuyama-jō) jinsab fil-kosta tan-Nofsinhar tax-xmara Kiso fil-belt ta' Inuyama, fil-Prefettura ta' Aichi. Fl-1537, iz-ziju ta' Oda Nobunaga, Oda Nobuyasu saħħaħ il-kastell. Il-Kastell ta' Inuyama jingħad li huwa wieħed mill-eqdem kastelli tal-Ġappun u huwa wieħed mill-kastelli li rnexxielu jżomm l-istruttura oriġinali tiegħu.
Kastell ta' Hikone
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kastell ta' Hikone (bil-Ġappuniż: 彦根城 Hikone-jō) jinsab fil-kosta tal-Lvant tal-Lag ta' Biwa, fil-Prefettura ta' Shiga. Il-kastell tlesta fl-1622 minn Ii Naokatsu wara 20 sena ta' kostruzzjoni.
Château de Chantilly
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-Château de Chantilly huwa ġemellat mal-Kastell ta' Himeji, u spiss jingħad li huwa l-isbaħ kastell fi Franza. Jinsab 40 kilometru fit-Tramuntana ta' Pariġi. Il-kastell huwa rappreżentazzjoni tal-istil arkitettoniku meraviljuż tar-Rinaxximent. Il-ġemellaġġ bejn iż-żewġ kastelli beda fl-1989.[29]
Kastell ta' Conwy
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kastell ta' Conwy huwa ġemellat mal-Kastell ta' Himeji. Il-ġemellaġġ bejn iż-żewġ kastelli beda fl-2019.[30]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Experience the wonders of Japan with sansen-ya". sansenya.com. Miġbur 2022-09-01.
- ^ Bornoff, Nicholas (2000). The National Geographic Traveler: Japan. Washington: National Geographic Society. pp. 256–257. ISBN 0-7894-5545-5.
- ^ Eyewitness Travel Guides: Japan. New York: Dorling Kindersley Publishing. 2000. pp. 200–203. ISBN 0-7894-5545-5.
- ^ Jacqueline A., Ball (2005). Himeji Castle: Japan's Samurai Past. New York: Bearport Publishing. p. 32. ISBN 1-59716-001-6.
- ^ "Japan Atlas: Himeji Castle". web-japan.org. Miġbur 2022-09-01.
- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Himeji-jo". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-01.
- ^ "Gwida tat-Teżori Nazzjonali tal-Ġappun" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-10. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b "姫路市|国宝". web.archive.org. 2010-09-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-09-27. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b "The Three Famous Castles of Japan | Himeji Castle | Matsumoto Castle | Kumamoto Castle". web.archive.org. 2010-03-22. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-03-22. Miġbur 2022-09-01.
- ^ a b "姫路市|今週の姫路城(27年2月9日現在)". web.archive.org. 2015-02-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-02-15. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Kronoloġija tal-kastell". study.com. Miġbur 2022-09-01.
- ^ Hinago, Motoo (1986). Japanese Castles. Kodansha International Ltd. u Shibundo. pp. 121–125. ISBN 0-87011-766-1.
- ^ "Japanese Castle Explorer - Himeji Castle - 姫路城". www.japanese-castle-explorer.com. Miġbur 2022-09-01.
- ^ "城の楽しみ方 | 姫路城公式サイト". 姫路市 (bil-Ġappuniż). Miġbur 2022-09-01.
- ^ "Best Western's Travel Blog - You Must Be Trippin' - Restoring a Japanese Treasure". web.archive.org. 2010-05-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2010-05-24. Miġbur 2022-09-01.
- ^ "姫路市|姫路城大天守". web.archive.org. 2016-06-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-24. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "姫路城乾小天守". 姫路市 (bil-Ġappuniż). Miġbur 2022-09-01.
- ^ "姫路市|姫路城西小天守". web.archive.org. 2016-06-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-24. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "姫路市|姫路城東小天守". web.archive.org. 2016-06-24. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-24. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "姫路市|姫路城イ・ロ・ハ・ニの渡櫓附台所1棟". web.archive.org. 2016-05-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-05-08. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Kokoen Garden, Traditional Japanese Garden in Himeji City, Hyogo". www.eok.jp. Miġbur 2022-09-01.
- ^ "Himeji - Kansai's Little Feudal City". www.kanpai-japan.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-01.
- ^ Turnbull, Stephen (2003). Japanese Castles 1540–1640. Oxford: Osprey Publishing. p. 64. ISBN 978-1-84176-429-0.
- ^ "Osakabe hime | Yokai.com" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-01.
- ^ Ishikawa, Ichirō; 石川一郎 (1989). Edo bungaku zokushin jiten (Shohan ed.). Tōkyō: Tōkyōdō Shuppan. p. 63. ISBN 4-490-10255-0. OCLC 22591554.
- ^ a b "姫路城:来場者、日本一に 過去最多286万人". 毎日新聞 (bil-Ġappuniż). Miġbur 2022-09-01.
- ^ "姫路城、入場者4000万人突破 昭和の大修理から45年で - 47NEWS(よんななニュース)". web.archive.org. 2014-07-12. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-07-12. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "平成26年度姫路市入込客数、観光動向" (PDF). Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-06-16. Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b Jan 29, Ochimusya |; 2018 | 079 | 0 | (2018-01-29). "The bond between the city of Himeji and France has been strengthened 2" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-09-01.Manutenzjoni CS1: ismijiet bħala numri: authors list (link)
- ^ a b "Conwy and Himeji castles' twinning starts 'beautiful friendship'" (bl-Ingliż). 2019-11-07. Miġbur 2022-09-01.