Aqbeż għall-kontentut

Kastell ta' San Pedro de la Roca

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Kastell ta' San Pedro de la Roca.

Il-Kastell ta' San Pedro de la Roca (bl-Ispanjol: Castillo de San Pedro de la Roca (magħruf ukoll bl-isem inqas formali ta' Castillo del Morro) huwa fortizza tul il-kosta tal-belt Kubana ta' Santiago de Cuba. Il-kastell jinsab madwar 6 mili (10 kilometri) fil-Lbiċ taċ-ċentru tal-belt u jħares lejn il-bajja. Il-kastell tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997, minħabba li tqies bħala l-iżjed eżempju komplut u ppreservat sew tal-arkitettura militari Spanjola-Amerikana.[1]

Disinn inizjali

[immodifika | immodifika s-sors]

Fis-sit inbnew rivellin u batterija bejn l-1590 u l-1610 sabiex iħarsu l-belt ta' Santiago de Cuba. Fil-bidu tas-seklu 17 ġie ddisinjat forti ikbar minn Battista Antonelli (magħruf ukoll bħala Juan Battista Antonelli), membru tal-familja ta' inġiniera militari minn Milan, f'isem il-gvernatur tal-belt, Pedro de la Roca de Borja, bħala difiża kontra l-attakki tal-pirati. Id-disinn ta' Antonelli ġie adattat għall-pożizzjoni tal-fortizza fuq ix-xaqlibiet weqfin tal-promontorju (il-morro) san-naħa ta' ġewwa tal-bajja. Inbena fuq sensiela ta' artijiet imtarrġin; b'kollox kien hemm erba' livelli prinċipali u tliet murati għall-artillerija. Il-provvisti kienu jiġu kkonsenjati bil-baħar u mbagħad kienu jinħażnu fil-maħżen il-kbir, li kien tħaffer direttament fil-blat, jew kienu jiġu ttrasportati sal-livell ta' fuq nett li kien jospita ċ-ċittadella. Il-kostruzzjoni taċ-ċittadella damet 62 sena, mill-1638 sat-tlestija fl-1700, għalkemm ix-xogħol fuq il-fortifikazzjoni ma kienx kontinwu. Antonelli reġa' ssejjaħ lejn Kuba fl-1598, ftit wara li kien beda l-proġett daqstant kbir, u eżempji oħra tax-xogħol tiegħu huma preżenti bħall-fortijiet tewmin ta' Fuerte del Cojimar u ta' Torreón de la Chorrera (Fuerte de Santa Doratea de Luna de Chorrera). Uħud mill-istrutturi mill-fortifikazzjoni bikrija iktar 'il quddiem ġew inkorporati fl-istruttura prinċipali.

Kostruzzjoni ulterjuri

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta tal-bajja mill-fortizza.

Il-biża' ta' attakki tal-pirati kellu bażi sew. Waqt li l-fortizza kienet għadha qed tinbena fl-1662, pirati Ingliżi taħt it-tmexxija ta' Christopher Myngs ħadu l-kontroll ta' Santiago għal ġimagħtejn. Matul is-soġġorn tagħhom, huma qerdu parti mill-fortifikazzjoni u ħatfu l-artillerija. Wara li telqu, il-gvern Spanjol ordna r-rikostruzzjoni tal-parti tal-fortizza li kienet inqerdet u żied il-gwarniġjon għal 300 raġel. Bejn l-1663 u l-1669 l-inġiniera Juan Císcara Ibáñez, Juan Císcara Ramirez u Francisco Perez ħadu fuq it-tiswija tal-ħsarat u tejbu l-fortifikazzjonijiet billi saħħew il-ġnub u bnew pjattaforma ġdida għall-artillerija. Fl-1678 il-kastell felaħ għall-attakk ta' battaljun Franċiż u fl-1680 felaħ għal attakk ieħor minn 800 raġel immexxijin minn Franquesma, it-tieni persuna fil-kmand tal-pirati tal-Antilli.[2]

Bejn l-1675 u l-1692 il-fortizza ġarrbet ħsarat minn sensiela ta' terremoti u r-rikostruzzjoni kellha titwettaq taħt it-tmexxija ta' Francisco Pérez bejn l-1693 u l-1695. Fl-1738–1740 sar xogħol ieħor mill-inġinier Antonio de Arredondo, li kabbar iċ-ċittadella u lesta wħud mill-pjattaformi li kienu għadhom ma tlestewx, filwaqt li Juan Martín Cermeño u Francisco Calderín wettqu t-tibdiliet finali fl-istruttura wara li reġgħet ġarrbet xi ħsarat minn terremoti bejn l-1757 u l-1766.

Sal-1775, il-biża' ta' xi attakk kien naqas, u l-partijiet tal-fortizza magħrufa bħala l-Blata (la Roca) u l-Istilla (la Estrella) ġew ikkonvertiti f'ħabs għall-priġunieri politiċi, għalkemm il-bqija tal-fortizza baqgħet tintuża bħala bażi militari. Reġgħet intużat bħala fortizza fl-1898 meta l-flotta tal-Istati Uniti attakkat lil Santiago de Cuba matul il-Gwerra bejn Spanja u l-Amerka.

Matul il-bidu tas-seklu 20 il-kastell ġie mitluq, iżda mbagħad ġie rrestawrat matul is-snin 60 tas-seklu 20 minn Francisco Prat Puig.[2]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kastell ta' San Pedro de la Roca f'Santiago de Cuba ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

  1. ^ a b ċ "San Pedro de la Roca Castle, Santiago de Cuba - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-11-26.
  2. ^ a b "San Pedro de la Roca (Cuba): No 841 (ICOMOS Evaluation). ICOMOS Report". whc.unesco.org. Miġbur 2024-11-26.