Aqbeż għall-kontentut

Joya de Cerén

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Fdalijiet ta' villaġġ tal-Maja ta' Joya de Cerén.

Joya de Cerén (li bl-Ispanjol tfisser Ġojjell ta' Cerén) huwa sit arkeoloġiku fid-Dipartiment ta' La Libertad, El Salvador, li jinkludi villaġġ agrikolu pre-Kolombjan tal-Maja.[1] Is-sit tal-Maja tal-qedem ta' Joya de Cerén jinsab fil-Wied ta' Zapotitán, 36 kilometru fil-Majjistral ta' San Salvador, El Salvador. Spiss jitlaqqam bħala l-"Pompeii tal-Amerki", bi tqabbil mal-fdalijiet famużi tar-Rumani tal-qedem.

Is-sit huwa magħruf għall-preservazzjoni eċċellenti ta' insedjament tal-perjodu Klassiku li ntradam malajr mill-irmied ta' żbroff tal-Kaldera ta' Loma għall-ħabta tas-600 W.K.[2] L-abbundanza relattiva ta' fdalijiet paleoetnobotaniċi rkuprati f'Joya de Cerén, meta mqabbla ma' siti arkeoloġiċi oħra tal-Maja tal-qedem, wasslet biex Joya de Cerén jitqies bħala partikolarment sinifikanti fl-istudju tal-ħajja ta' kuljum tal-komunitajiet agrikoli tal-Maja tal-qedem. Kienet ta' importanza l-iskoperta ta' għalqa tal-manjoka, l-ewwel eżempju ta' kultivazzjoni tal-manjoka identifikata f'sit arkeoloġiku tad-Dinja l-Ġdida.[3] Kien maħsub li s-sit ġie insedjat bejn il-200 W.K. u 600 W.K. Is-sit arkeoloġiku ta' Joya de Cerén tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993 għall-importanza arkeoloġika tiegħu, u huwa attrazzjoni turistika ewlenija f'El Salvador.[4]

1,400 sena qabel ma l-villaġġ ġie abbandunat, ġie stmat li l-popolazzjoni kienet tammonta għal 200 ruħ.[5] L-iżbroff tal-vulkan tal-Kaldera ta' Loma wassal biex is-sit jintradam b'10 metri ta' fdalijiet piroklastiċi.[6] Is-sit baqa' ppreservat sew ħafna minħabba t-temperatura baxxa tal-iried u minħabba li kien niżel f'daqqa, tant li saff ta' bejn 4 u 8 metri għatta r-raħal fi ftit sigħat. L-użu tal-ikkastjar bil-ġibs mill-arkeologi, simili għal dak li ntuża f'Pompeii, għen fl-identifikazzjoni ta' pjanti tal-frott, abbundanza ta' fażola maħżuna, u qamħirrum matur, li minnhom ġie stabbilit li l-iżbroff kien seħħ f'Awwissu jew f'Settembru.[7]

Fost l-għelejjel ewlenin tal-komunità kien hemm il-gwava, l-agave, il-kawkaw u l-manjoka. Abbażi tal-mudelli tax-xquq osservati fil-ħitan tat-tajn u tal-ħuxlief relattivament reżistenti għat-terremoti u fil-kolonni tat-tajn f'Joya de Cerén, l-istudjużi jissuġġerixxu li terremot ta' 4.0 fuq l-iskala Richter seħħ qabel l-iżbroff, u b'hekk ir-residenti kellhom iċ-ċans li jaħarbu mis-sit. Barra minn hekk, x'aktarx li xi emissjonijiet tal-istim mill-vulkan jaf allertaw lir-residenti li kien hemm periklu imminenti, iżda ipoteżijiet biss jistgħu jsiru dwar x'seta' wissihom. Mhuwiex ċar għall-istudjużi jekk id-durata tal-iżbroffi kinitx ta' ftit jiem jew ta' ftit ġimgħat. Il-pożizzjoni tal-artefatti fis-sit wasslet biex l-istudjużi jissuġġerixxu li l-evakwazzjoni ta' Joya de Cerén seħħet kmieni filgħaxija: instabu kazzoli u tagħmir agrikolu ieħor maħżuna qrib l-istrutturi domestiċi, u kienu nxtegħel in-nar fil-ħuġġiġiet. Barra minn hekk, l-imfierex tal-irqad ma kinux għadhom tpoġġew mal-art fl-istrutturi domestiċi. Ma ġewx skoperti fdalijiet umani fis-sit tal-Maja tal-qedem.[8]

Is-sit arkeoloġiku ta' Joya de Cerén jista' jinqasam f'żona tal-Grigal, f'żona tax-Xlokk u f'żona tal-Majjistral. Iż-żona tal-Majjistral fiha l-Istruttura Domestika Nru 1, maġenb l-Istrutturi Nri 1, 5-6, 10-12 u 17, b'milpas u ġnien bil-ħxejjex aromatiċi. Iż-żona tax-Xlokk fiha l-Istruttura Domestika Nru 2 maġenb l-Istrutturi Nri 2, 7, 9, 13 u 18, b'temascal, milpas u basurero (foss tal-iskart). Iż-żona tal-Majjistral fiha l-Istruttura Domestika 3-4 maġenb l-Istrutturi Nri 3-4, 8 u 14-16, b'milpas, siġar tal-frott u foss ieħor tal-iskart. Fl-istħarriġ arkeoloġiku ġew identifikati 18-il struttura. Minnhom, 10 strutturi ġew skavati mill-arkeologi. L-istudjużi jiddistingwu l-binjiet ċerimonjali mill-binjiet mhux ċerimonjali abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li ġejjin: l-orjentazzjoni tal-binjiet, l-għoli tal-pjattaformi, il-pjanti tat-tqassim tal-istrutturi, l-assemblaġġi, it-teknika tal-kostruzzjoni, l-artali, l-imħażen, id-difniet, eċċ.

Struttura Nru 10

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa tal-Pjazza ta' Cerén f'El Salvador.

L-Istruttura Nru 10 hija struttura b'diversi kmamar u b'ħafna kurituri. L-arkeologi jinterpretaw li l-Istruttura Nru 10 kienet tintuża għal festivals komunitarji fil-perjodu Klassiku tal-Maja, abbażi ta' karatteristiċi assoċjati ma' attivitajiet ċerimonjali. Fi ħdan l-Istruttura Nru 10 kien hemm kuritur fit-Tramuntana li kien jintuża għat-tħejjija tal-ikel, filwaqt li l-kuritur tal-Lvant kien jintuża biex jinħażnu diversi reċipjenti. Pereżempju, fl-Istruttura Nru 10 ġew irkuprati reċipjenti mżejna u mpittra bi ċriev ħomor u b'xedd ir-ras, u dawn ġew interpretati mill-arkeologi bħala kkollegati ma' ritwali tal-fertilità u tal-ħsad. Reċipjenti mimlijin biż-żrieragħ tal-achiote, li nstab li kienu assoċjati ma' oġġetti ċerimonjali, jissuġġerixxu li l-iżbroff jaf interrompa ċerimonja ħesrem. Barra minn hekk, l-arkeologi jsostnu li kuritur tat-Tramuntana kien jintuża għat-tħejjija tal-ikel, filwaqt li l-kuritur tal-Lvant x'aktarx li kien jintuża għall-ħżin tal-oġġetti.

Struttura Nru 12

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Istruttura Nru 12 tinsab 5 metri 'l bogħod mill-Istruttura Nru 10 u kienet definita minn daħla u żewġ twieqi tal-kannizzata li kienu jiddirezzjonaw u jirrestrinġu t-traffiku fi ħdan l-istruttura. B'mod simili għall-Istruttura Nru 10, l-arkeologi jemmnu li l-Istruttura Nru 12 kienet assoċjata wkoll mat-twettiq ta' attivitajiet reliġjużi. Il-ħżin ta' artefatti mixxellanji assoċjati man-nisa, li ġew skoperti fin-niċċa ta' bank tal-ħamrija, jaf kienu parti minn sett ta' għodod sovranaturali tan-nisa. Is-sett ta' għodda magħmul minn figurini taċ-ċeramika, frammenti tal-qxur tal-baħar, fażola u qrejjen tal-annimali wassal biex l-istudjużi jemmnu li l-binja kienet tintuża għal attivitajiet spiritwali fil-kmamar ta' wara u minn ġo tieqa tal-kamra tal-Punent.

Struttura Nru 1

[immodifika | immodifika s-sors]

L-Istruttura Nru 1 hija magħrufa wkoll bħala l-Istruttura Domestika Nru 1 fil-letteratura arkeoloġika, u ġiet skavata għalkollox. L-arkeologi jemmnu li hemm rabta ta' servizz bejn l-Istrutturi Nri 1, 10 u 12 peress li l-kċina tal-Istruttura Nru 1 x'aktarx li kienet tintuża għall-produzzjoni tal-masa, bil-provvista ta' metates għaċ-ċerimonji fi ħdan l-Istrutturi Nri 10 u 12. Id-differenza fil-ħuġġiġiet abbażi tal-użu tagħhom kienet indikatur għall-istudjużi biex jidentifikaw jekk il-binja kinitx tintuża għal attivitajiet ritwalistiċi jew le. Il-kombinament tad-detezzjoni tal-fosfru u l-estrazzjoni ta' metalli tqal fi ħdan is-sit ippermettew lill-arkeologi jiskopru li kull struttura domestika kienet taħżen madwar 70 reċipjent għat-tisjir, u kienu jservu l-ikel u x-xorb fiż-żoni tal-kċejjen u tas-servizzi, għad-differenza ta' kompartimenti oħra.

Il-komunità ta' Joya de Cerén lokalment kienet tipproduċi fibri tal-agave, manos u metates, kif ukoll reċipjenti tal-fuħħar, filwaqt li kienet tikseb importazzjonijiet ta' għodod tal-qtugħ magħmula mill-ossidjana u miċ-ċert, ġada mit-Tramuntana (Sierra de las Minas), jew bċejjeċ ornamentali tal-fuħħar minn Copán, x'aktarx minn swieq barranin ġestiti mill-elit. Ladarba l-unitajiet domestiċi kien ikollhom dawn il-prodotti bażiċi, spiss kienu jieħdu sehem fi skambji orizzontali ma' unitajiet domestiċi oħra fil-villaġġ jew fil-postijiet fil-qrib, f'każ ta' surplus. L-orjentazzjoni tal-istrutturi domestiċi fil-villaġġ u l-assemblaġġi ta' kull waħda minnhom għenu lill-istudjużi jiddeterminaw li l-binja kienet tintuża għal skopijiet mhux ċerimonjali.

Is-sit ġie skopert fl-1976 minn sewwieq ta' gaffa li kien qed iwitti l-art għal proġett agrikolu tal-gvern. L-ewwel strutturi li ġew skavati kienu l-Istrutturi Nri 10 u 12 li kienu parti miż-żona tal-Grigal tal-villaġġ. Is-sit ġie esplorat fid-dettall minn Payson Sheets, professur tal-antropoloġija fl-Università ta' Colorado f'Boulder, fl-1978 u fl-1980. L-iskavi tkomplew fl-1988, u ilhom għaddejjin bla heda minn dak iż-żmien. Madwar 70 binja ġew żvelati sa issa, fosthom imħażen, kċejjen, kwartieri residenzjali, postijiet tax-xogħol, struttura reliġjuża u sawna komunali.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Sit Arkeoloġiku ta' Joya de Cerén ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]

  • Before the Volcano Erupted: The Ancient Cerén Village in Central America. Texas University Press, 2002. ISBN 0-292-77761-2.
  • Conyers, Lawrence B. (1996) "Archaeological evidence for dating the Loma Caldera eruption, Ceren, El Salvador", in Geoarchaeology Vol. 11, Iss. 5, pp. 377–391.
  • Lentz, David L.; Beaudry-Corbett, Marilyn; de Aguilar, Maria Luisa Reyna; Kaplan, Lawrence (1996) "Foodstuffs, Forests, Fields, and Shelter: A Paleoethnobotanical Analysis of Vessel Contents from the Ceren Site, El Salvador" in Latin American Antiquity Vol. 7, No. 3 (Sep., 1996), pp. 247–262.
  • Castellanos, Carolina, and Descamps, Francoise 2004 Joya de Cerén, El Salvador: site interpretation in participatory management planning. Blackwell Publishing. 56(3), 94-103.
  • Brown, Linda, and Payson Sheets 2000 Distinguishing Domestic from Ceremonial Structures in Southern Mesoamerica: suggestions from Cerén, El Salvador. Mayab 13, 11-21.
  • Farahani, Alan, et al. 2017 Identifying ‘plantscapes’ at the Classic Maya village of Joya de Cerén, El Salvador. Antiquity Publications, Ltd. 980-997.
  • Miller, D.C. 1989 Stratigraphy of Volcanic Deposits at El Cerén. In P.D. Sheets and B.R. McKee, Eds., 1989 Archaeological Investigations at the Cerén Site, El Salvador: A Preliminary Report. Boulder: Department of Anthropology, University of Colorado. 8-19.
  • Parnell, J., Terry, R., and Sheets, P. 2002 Soil Chemical Analysis of Ancient Activities in Cerén, El Salvador: A Case Study of a Rapidly Abandoned Site. Latin American Antiquity, 13(3), 331-342.
  • Sharer, Robert, and Loa Traxler 2005 The Ancient Maya, 6th edition. Stanford University Press, Redwood City. 1-984.
  • Sheets, Payson 1992 The Cerén Site: A Prehistoric Village Buried by Volcanic Ash in Central America. Fort Worth: Harcourt Brace Jovanovich.
  • Sheets, Payson, 2000, PROVISIONING THE CERÉN HOUSEHOLD: The Vertical Economy, Village Economy, and Household Economy in the Southeastern Maya Periphery. Ancient Mesoamerica, 11(2), 217-230.
  • Sheets, Payson, 2013, Revealing Ancestral Central America: Dwelling on the Ancestral Joya de Cerén Village. The Smithsonian Latino Center and the National Museum of the American Indian Smithsonian Institution. 22-31.
  1. ^ Castellanos, p. 94.
  2. ^ Conyers, pp. 377-378.
  3. ^ "Colorado Arts & Sciences Magazine » CU team discovers Mayan crop system". web.archive.org. 2015-07-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-07-15. Miġbur 2025-01-01.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  4. ^ a b ċ "Joya de Ceren Archaeological Site - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-01.
  5. ^ Sheets 2013, p. 23.
  6. ^ Conyers, p. 377.
  7. ^ Conyers, p. 377; Brown u Sheets, p. 11; Farahani, p. 982.
  8. ^ Sheets, 1992.