Il-Merkant ta’ Venezja
Il-Merkant ta' Venezja (bl-Ingliż: The Merchant of Venice) hija traġikummiedja miktuba minn William Shakespeare, maħsuba li nkitbet bejn l-1596 u l-1598. Għalkemm fl-Ewwel Folju hija klassifikata bħala kummiedja, id-dramm hu magħruf l-iktar għax-xeni drammatiċi tiegħu, u għal Shylock u għad-diskors famuż 'Mela Lhudi m'għandux għajnejn'. Famuż ukoll id-diskors ta' Portia fuq il-'kwalità tal-ħniena'. Minkejja li d-dramm mhuwiex imsemmi għalih, Shylock, huwa l-iktar karattru magħruf tad-dramm.
Is-sorsi
[immodifika | immodifika s-sors]L-istorja ta' merkant li jħallas garanzija li twassal għall-mewt li kien għamel għal somma li kien issellef ħabib kienet magħrufa sew fl-Ingilterra tard fis-seklu 16.[1] Il-ħelsien tal-merkant mill-ħlas ta' "libbra laħam" mill-mara li kien għadu kif iżżewweġ liebsa ta' avukat u t-talba tagħha għaċ-ċurkett tal-għerusija bħala rikompens kollha qegħdin fil-ħrafa tas-seklu 14, Il Pecorone ta' Giovanni Fiorentino, li kienet ippubblikata Milan fl-1558 u tradotta għall-Ingliż minn William Painter.[2] L-elementi tax-xena fil-qorti wkoll nsibuhom f'L'Orateur ta' Alexandre Sylvane, ippubblikata f'traduzzjoni Ingliża fl-1596.[1]
It-trama fil-qosor
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel att
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel Xena
[immodifika | immodifika s-sors]Id-dramm jiftaħ fi triq ta' Venezja. Jidħlu Antonio, Salarino u Salanio. Antonio għandu qalbu sewda u qiegħed jistaqsi x'kienet ir-raġuni ta' dan in-niket. Ħbiebu jissuġġerulu li kien l-inkwiet li kellu fuq il-finanzi. Kien investa ħafna flus fuq merkanzija ġejja minn barra u jispjegawlu li ħaġa naturali li jkun inkwitat u mħawwad. Antonio jiżgurahom li mhux il-flus li kienu qegħdin jinkwitawh għax kien firex l-investimenti tiegħu. Salarino jgħidlu li ladarba mhux il-flus qegħdin jinkwitawh, allura kien tilef qalbu wara xi ħadd. Antonio jiċħad li hu hekk u jħalli 'l ħbiebu imħawdin dwar in-niket tiegħu li milli jidher ma kellux raġuni.
Jidħlu Bassanio, Lorenzo u Gratiano. Salanio u Salarino jiskużaw ruħhom għax kellhom x'jagħmlu. Gratiano jinduna kemm kellu qalbu sewda Antonio, u biex iferrħu jagħmel solilokwiju enigmatiku qasir fuq in-natura tal-għerf u nies li suppost għandhom l-għerf u jitlaq ma' Lorenzo. Il-kliem ta' Gratiano jħawdu 'l Antonio. Bassanio jispjegalu li Gratiano hu l-ikbar fanfarun ġo Venezja.
Antonio jistaqsi min hi l-mara li Bassanio marritlu qalbu bih warajha. Bassanio jammetti lil Antonio li kien irvinat bid-djun li kellu l-iżjed lil Antonio stess. Antonio jiżgura 'l Bassanio li jagħmel kull ma jista' biex jgħinu. Bassanio jfiehmu li ġġenen wara Portia, mara għanja li toqgħod Belmont. Madankollu kien inkwitat li mhux ħa jkun jista' jiżżewiġha, hi tant sabiħa daqskemm hi għanja u għandha ammiraturi abbli jiġru warajha mill-Ewropa kollha. Antonio joffri li jgħin, imma jfiehmu li billi l-iġfna tiegħu kienu għadhom barra, ma kellux flus x'jagħtih. Madankollu joffri l-kredtu tiegħu lil Bassanio biex ikun jista' jissellef bil-garanzija tiegħu u jmur Belmont bħala bniedem għani.
It-tieni xena
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xena tiftaħ f'kamra fid-dar ta' Portia f'Belmont. Jidħlu Portia u l-qaddejja tagħha, Nerissa. Portia mxabba' mill-ħajja tagħha, imma Nerissa tfakkarha li minkejja l-problemi li kellha, kien għad għandha ġid enormi. Portia tisħet xortiha li hi mara, tant kapaċi u intelliġenti, m'għandhiex kontroll fuq id-destin tagħha. Hawn jinkixef punt importanti mit-trama - Missier Portia miet u ħalliha għanja imma mingħajr ma għażillha żewġa. Però qabel ma miet fassal lobgħa tal-ażżard biex ikun jaf jekk ammiratur jistħoqqlux jiżżewwiġha. Kull ammiratur irid jagħżel minn tliet kaxxetti u min jagħżel il-kaxxetta t-tajba jiżżewwiġha.
Portia u Nerissa jiddiskutu l-ammiraturi u jmaqdruhom kollha. Portia tifraħ meta tisma' li l-ammiraturi kollha rrefjutaw li jieħdu sehem fil-logħba tal-kaxxetti u kienu ħa jitilqu.
Nerissa tfakkar lil Portia f'Bassanio, li kienet iltaqgħet miegħu meta kien ħaj missierha. Iż-żewġ nisa t-tnejn intlaqtu minnu, kif tgħid Nerissa "hu, mill-irġiel kollha li l-għajnejn boloh tiegħi waqgħu fuqhom, kien l-iżjed mistoqq ta' sinjura sabiħa".[3] Qaddej iġib messaġġ li kien ġej ammiratur ieħor, il-Prinċep tal-Marokk. Portia ma tiħux gost u t-tlieta joħorġu biex Portia ssellem lill-ammiraturi li kienu sejrin.
It-tielet xena
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xena tiftaħ f'misraħ f'Venezja. Bassanio u Shylock qegħdin jiftiehmu fuq kuntratt - Bassanio jrid jissellef tlett elef Dukat għal tliet xhur. Shylock qiegħed jaħsibha sew, jirrepeti kull kundizzjoni tal-kuntratt. Bassanio joffri l-garanzija ta' Antonio għall-flus. Shylock jaqbel li Antonio hu raġel sewwa, imma jargumenta li flusu kollha marbutin fuq merkanziji li minn natura tagħhom mhux ta' min jorbot fuqhom: "l-iġfna mhux ħlief twavel, il-baħrin mhux ħlief nies; hemm firien tal-art u tal-baħar, ħallelin tal-art u tal-baħar, --irrid ngħid pirati,--u mbagħad hemm il-periklu tal-ilma, irjieħ u blat." [4] Minkejja d-dubji li għandu, Shylock jaqbel li l-kelma ta' Antonio tajba biżżejjed bħala garanzija għad-dejn, imma jrid ikellem lil Antonio nnifsu. Bassanio jaċċetta u jistieden lil Shylock għall-ikel.
Jidħol Antonio. Shylock jdur lejn l-ispettaturi u jkellimhomm direttament, u jgħidilhom għaliex jobgħod lil Antonio. Jobgħodu mhux biss għax Nisrani, imma għax Antonio kien jislef mingħajr imgħax, u fl-istess ħin imaqdar lil dawk li jieħdu l-imgħax. Ħa jieħu din l-okkazjoni biex jirvinah 'l Antonio. Antonio jgħid li hu s-soltu ma jsellifx u ma jissellifx bl-imgħax imma ħa jagħmel eċċezzjoni biex jgħin lil Bassanio meta għandu bżonnu.
Shylock jaqbel mal-kundizzjonijiet tas-self, imbagħad jibda jfakkar lil Antonio fuq l-insulti kollha li għamillu. Antonio kien insultalu twemminu, għajru qattiel u kelb, u kien beżaqlu. Jiskanta kif wasal li jislef il-flus lil xi ħadd li kien jobgħodu daqshekk? Antonio jwieġbu li eħfef issellef li xi ħadd li tobgħod - hekk, Shylock ma jiddejjaqx jeżiġi l-kastig jekk id-dejn ma jiħallasx. Shylock jesklama li ma rridx ikun l-għadu ta' Antonio, u joffri li jinsa l-insulti kollha u jneħħi l-imgħax fuq il-flus li kien ħa jselfu. Kull ma jitlob kien li jmorru għand nutar u jiffirmaw kuntratt, bil-kundizzjoni li fil-każ ta' kontumaċja, Antonio jkollux iħallas multa, minflok, Shylock jieħu "libra eżatta ta' laħam, minn ġismek sabiħ, maqtugħa u meħuda minn liema parti ta' ġismek togħġobni." [5] Antonio ma jiħdux bis-serjetà, u jqis din l-offertà bħala att ta' ħbiberija. Bassanio jwissi 'l Antonio biex ma jiffirmax il-kuntratt, imma Antonio jiżgurah li ħa jkollu disagħt elef dukat kull xahar qabel jiskadi ż-żmien li fih kellu jħallas id-dejn. Wara li jiftiehmu biex jiltaqgħu għand in-nutar iktar tard, Shylock jitlaq. Ix-xena tintemm b'Antonio kuntent bil-bidla fl-imġiba ta' Shylock, waqt li Bassanio suspettuż tal-iskopijiet tiegħu.
It-tieni att
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel xena
[immodifika | immodifika s-sors]Din tiftaħ fid-dar ta' Portia f'Belmont. Id-daqq tat-trumbetti jħabbar il-wasla tal-Prinċep tal-Marokk, li jidħol bil-korteġġjani tiegħu. Jidħlu Portia u Nerissa, segwiti mill-korteġġjani ta' Portia. Il-Prinċep tal-Marokk ikellem lil Portia, u jitlobha li ma tiġġudikahx fuq id-dehra tiegħu li jiżguraha m'għandhiex x'taqsam mal-valur tiegħu bħala wieħed li jista' jsir żewġha: "Ġibli l-bniedem l-iżjed bjond imwieled fit-tramuntana, fejn in-nar ta' Febe bilkemm iħoll il-ponot indendlin tas-silġ, u ejjew nagħmlu qasma fil-ġilda biex għal imħabbtek nippruvaw liema demm hu l-iżjed aħmar, tiegħu jew tieghi" [6]
Portia tiżgura l-Prinċep li hi mhux daqshekk superfiċjali li se tiġġudikah fuq il-kulur ta' ġilditu, u anki kieku kienet hekk, ma kienx jimporta, għax ma setgħitx tagħżel 'l min tiżżewweġ. Il-Prinċep reġa' enfasizza kemm kien den li jiżżewwiġha, u jisħet ix-xorti li tħalli wieħed inqas den minnu li jkun ir-rebbieħ. Portia tfakkru li jekk jagħżel il-kaxxetta l-ħażina, ma jistax jerġa' jiġi biex jiżżewwiġha. Il-Prinċep jaqbel, u jitlob li jmur jipprova xortih billi jagħżel il-kaxxetta. Joħorġu kollha mad-daqq tat-trumbetti.
It-tieni xena
[immodifika | immodifika s-sors]Din ix-xena tiftaħ fi triq ġo Venezja. Jidħol Launcelot Gobbo li għandu dilemma. Qiegħed jaħsibha jitlaqx l-impjieg tiegħu ma' Shylock imma ma jistax jiddeċiedi.
Jidħol missieru, Gobbo x-xiħ li hu għama, b'ġewlaq f'idu fejn kellu rigal għal Shylock. Wara diskussjoni ma' ibnu, li għall-ewwel ma għarafx, dwar l-impjieg tiegħu fid-dar ta' Shylock, Lancelot jitlob 'il missieru li jagħti r-rigal lil Bassanio minflok u jitolbu jimpjegah f'daru.
Jidħlu Bassanio, Leonardo, u s-segwaċi tagħhom. Gobbo x-xiħ joffri r-rigal lil Bassanio, u jitolbu favur, li ibnu Launcelot isir qaddej tiegħu. Bassanio jaċċetta li jimpjega 'l Lancelot bħala qaddej u jibgħat qaddej ieħor ilestilu fejn joqgħod. Launcelot jirringrazzja 'l Bassanio bl-abbundanza, u jitlaq ma' missieru.
Jidħol Gratiano u joħroġ Leonardo. Gratiano jrid imur Belmont ma' Bassanio, imma Bassanio ma' tantx irid għax billi hu storbjuż jista' joffendi 'l xi ħadd f'Belmont u jgħarraqlu kollox. Gratiano jiżgurah bil-qawwa li mil-lejla stess jibda jġib ruħu sewwa. Bassanio jgħidlu li m'hemmx għalfejn jibda mil-lum u joħorġu.
It-tielet xena
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xena tibda Venezja, f'kamra f'dar Shylock. Jessica, bint Shylock, qiegħda tkellem lil Launcelot. Ma tixtiqux jitlaq u titolbu jwassal ittra lil Lorenzo bil-moħbi. Lancelot jiżguraha li hi l-aħjar persuna Lhudija li qatt iltaqa' magħha. Jitlaq u Jessica tkellem lill-ispettaturi. Tilfet qalbha wara Lorenzo, u tistħi billi hi Lhudija u ma tistax tiżżewġu. Jekk irid, tikkonverti u ssir Nisranija biex ikunu jistgħu jiżżewġu.
Ir-raba' xena
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xena hi triq ġo Venezja. Jidħlu Gratiano, Lorenzo, Salarino u Salanio. Qegħdin jikkonfoffaw xi ħaġa li tinvolvi l-ilbies tal-maskri wara l-ikel. Salanio jgħid li ma jaqbilx għal kollox. Jidħol Launcelot b'ittra minn għand Jessica . Lorenzo jagħraf il-kitba tagħha. Launcelot ikun ħa jitlaq biex jistieden lil Shylock għall-ikel f'dar Bassanio. Lorenzo jitolbu jgħidilha li mhux ħa jonqosha. Launcelot joħroġ. Salarino u Salanio jiftiehmu li jiltaqgħu iżjed tard għad-'divertiment' li lestew u jitilqu. Lorenzo jgħarraf lil Gratiano li hu u Jessica kienu ppjanaw li joħodha minn dar missierha. Joħorġu flimkien eċitati dwar il-pjan.
Il-ħames xena
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xena tiftaħ barra d-dar ta' Shylock. Jidħlu Shylock u Launcelot, Shylock iwiddeb lil Launcelot li ħajtu tkun ħafna iżjed iebsa bħala qaddej ta' Bassanio. Isejjaħ lil Jessica u jgħidilha li sejjer jiekol għand Bassanio. Jagħtiha ċ-ċwievet u jgħidilha toqgħod attenta. Launcelot javża lil Shylock li Bassanio u sħabu qegħdin jikkonfoffaw kontra tiegħu. Shylock jibgħat lil Launcelot biex jgħid lil Bassanio li kien sejjer għall-ikel. Qabel ma jitlaq Lancelot lil Jessica jagħtiha xi ħjiel dwar il-pjan ta' Lorenzo: "Sinjorina, ħares mit-tieqa, għal dan kollu. Jiġi Nisrani li jiswieha ħarsa ta' Lhudija". [7] Imbagħad joħroġ. Shylock irid jaf x'qallha Launcelot, imma Jessica ma tgħidlux u Shylock joħroġ. Wara li joħroġ Jessica tgħidlu: "Saħħa, jekk xortija ma' tmurx kontrija, jien tlift missier u inti bintek". [8]
Is-sitt xena
[immodifika | immodifika s-sors]Dix-xena sseħħ fl-istess post, iktar tard fil-għaxija. Jidħlu Gratiano u Salarino, libsin il-maskri li semmew qabel u jitħassbu għaliex Lorenzo għadu ma għadu ġiex. Jasal Lorenzo, u Jessica toħroġ fit-tieqa fuqhom liebsa ta' tifel. Lorenzo jwiegħedha mħabbtu u Jessica titfa' kaxxetta bil-ġojjelli u tidħol 'l ġewwa. Qiegħda tistħi liebsa ta' tifel imma tinżel u ġġib magħha iżjed muniti tad-deheb u taħrab mal-maħbub tagħha, Lorenzo. Dak il-ħin jidħol Antonio bl-aħbar li mhux ħa jkun hemm ikla dak inhar; ir-riħ kien dar u Bassanio ħa jitlaq fuq il-ġifen lejn Belmont. Gratiano ħa gost bl-aħbar u hu ħerqan li jmur ma' Bassanio. Joħorġu kollha jiġru.
Is-seba' xena
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xena fid-dar ta' Portia f'Belmont. Tidħol Portia mal-Prinċep tal-Marokk u tieħdu jagħżel il-kaxxetta. Jistaqsi kif ħa jkun jaf li għażel il-kaxxetta t-tajba, u Portia tgħidlu li jkun hemm fiha ritratt tagħha. Il-prinċep jifli l-kitba fuq il-kaxxetti, Jagħżel dik tad-deheb għax jirraġuna li Portia u hu tant huma sbieħ u tajbin li d-deheb biss jista' jirrappreżentahom. Madankollu meta jiftaħ il-kaxxetta jsib rotlu bil-kitba "Mhux kull ma jleqq hu deheb". Il-prinċep jitlaq malajr u Portia tifraħ li telaq.
It-tmien xena
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xena tiftaħ fi triq ta' Venezja. Jidħlu Salarino u Salanio, ipaċpċu fuq Shylock. Meta sab li bintu kienet ħarbet ma' Nisrani u ħaditlu ġidu wkoll, Shylock jisplodi u jibda jgħajjat fuq bintu u d-dukati li kellu. Salerio u Solanio jindunaw li ħabibhom Antonio qiegħed fil-periklu; jekk Antonio ma jħallasx id-dejn, Shylock iġiegħlu jħallas għal kull ma jaħseb li bata. Imbagħad Salerio u Solanio jsemmu t-tjubija ta' Antonio, u l-imħabba tiegħu għal Bassanio; Salerio jgħid kif għajnejn Antonio imtlew bid-dmugħ meta qal saħħa lil Bassanio. Iż-żewġt iħbieb imorru jfittxu 'l Antonio biex iferħuh.
Id-disa' xena
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xena tibda fid-dar ta' Portia f'Belmont. Jidħlu l-Prinġep ta' Aragona bil-korteġġjani tiegħu u Portia. Il-prinċep irid jiżżwweġ lil Portia u ġie jagħżel il-kaxxetta. Iqis il-kaxxetti u jirrifjuta dik taċ-ċomb li għandha miktub fuqha "Min jagħżilni jkollu jagħti u jazzarda kull ma għandu." Billi ma jridx ikun wieħed mill-"folla ta' boloħ", jirrifjuta wkoll il-kaxxetta tad-deheb li fuqha hemm miktub, "Min jagħżilni jikseb dak li ħafna nies jixtiequ." Togħġbu l-kitba fuq il-kaxxetta tal-fidda, "Min jagħżilni jingħata dak li jistħoqqlu," u jagħżilha għax jaħseb li jistħoqqlu ħafna. Fiha jsib ras ta' iblaħ bil-messaġġ li hu wkoll iblaħ. Jitlaq minnufih u jasal messaġġier li jgħid li wasal namrat ieħor minn Venezja. Portia toħroġ tiġri tara min hu, u Nerissa tittama li hu Bassanio.
It-tielet att
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel xena
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xena tiftaħ fi triq f'Venezja. Jidħlu Salanio u Salarino, jiddiskutu l-isfortuna ta' Antonio għax semgħu li kien għeriqlu ġifen. Jixtiqulu x-xorti tajba għax jafu li Shylock mhux ħa jħenn għalih.
Jidħol Shylock u Solanio jistaqsih jekk semax xi aħbar "fost il-merkanti." Solanio u Salerio jridu jkun jafu jekk Shylock semax fuq il-ġifen li tilef Antonio, imma Shylock iffissa fuq bintu. Jgħidilhom, "Intom tafu, daqskom ħadd, daqskom ħadd ma jaf fuq il-ħarba ta' binti," [9] qishom kienu ttradewh, imma Salerio u Solanio jiżżufjettaw bih. Wara dan, Salerio jistaqsi d-domanda li l-iżjed għandu f'moħħu: "Imma għidilna jekk Antonio kellux xi telfa fuq il-baħar jew le?" [10] Kif isemmgħu 'il Antonio, Shylock jirrabja; jgħid li Antonio aħjar jaħseb fil-garanzija. Salerio jistaqsi, "Għala, jien żgur li jekk ma jħallsikx mhux ħa toħodlu laħmu: x'tambih?" [11] "Nużah lixka għall-ħut" [12] iwieġeb Shylock b'sarkażmu aħrax. Shylock imbagħad isemmi d-deni kollu li kien għamillu Antonio, u jistaqsi, "għaliex?" Shylock jirrispondi l-mistoqsija tiegħu stess: "Jiena Lhudi." U jkompli, "Jekk tniggiżna, ma joħroġilniex demm? jekk tagħraxna, ma nidħqux? jekk tivvelenana, ma mmutux?" [13] U l-konklużjoni tal-biża' tiegħu hi "jekk tagħmlilna d-deni, ma npattuhilikx?" [14]
Kif Shylock jispiċċa dal-kliem aħdar fuq Antonio, jidħol Tubal, ħabib Lhudi ta' Shylock. Tubal kien qiegħed ifittex lil Jessica imma ma sabhiex. Jgħidlu fuqha u li Antonio x'aktarx ma jkunx jista' jħallas id-dejn lil Shylock. Sakemm jispiċċa, Shylock jsir tant ħerqan li "jieħu qalb" Antonio li jgħid lil Tubal biex iqabbad uffiċjal biex jarresta 'l Antonio minnufih malli ma jkunx jista' jħallas id-dejn.
It-tieni xena
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xena fid-dar ta' Portia f'Belmont. Jidħlu Bassanio, Portia, Gratiano, Nerissa u bosta qaddejja oħra. Bassanio ġie jagħżel il-kaxxetta. Portia li ħadet grazzja miegħu, tistenna l-għażla b'nifisha maqtugħ. Waqt li Bassanio qiegħed jaħsibha, titkanta għanja li tagħtih ħjiel fuq liema għandu jagħżel. L-għanja tgħid li "il-ġenn tal-imħabba" (u mhux l-imħabba vera) jibda b'ħarsa. Minn din Bassanio jikkonkludi li d-dehra mhux importanti u jagħżel il-kaxxetta taċ-ċomb. Il-kaxxetta taċ-ċomb fiha ritratt ta' Portia u messaġġ li jgħid "Int li mid-dehra ma tagħżilx, / Ix-xorti t-tajba w żbal tagħmilx!" [15] Bassanio u Portia jimtlew bil-ferħ, u Portia tagħti 'l Bassanio ċurkett li Bassanio jwiegħed li jilbes għal dejjem. Imbagħad Nerissa u Gratiano jħabbru li huma t-tnejn ukoll qabdithom l-imħabba lejn xulxin u kienu tgħarrsu. Kulħadd jifraħ.
Jidħlu Lorenzo, Jessica u Salerio messaġġier minn Venezja. Salerio ġab aħbar ħażina: L-iġfna kollha ta' Antonio għerqu u Antonio m'għandux mnejn iħallas il-flus li ssellef minn għand Shylock. Shylock qed jiġri wara d-Duka biex jinforza l-kondizzjonijiet tal-kuntratt, u Antonio hu żgur — kif kiteb f'ittra lil Bassanio — li ħa jmut. Antonio jiktiblu, "id-djun bejnietna imħassrin, nixtieq biss narak waqt mewti." Meta Portia tisma' b'dan, tiżgura 'l Bassanio li m'hemmx problema. Bi flusha, Bassanio jista' jħallas id-doppju tad-dejn jew iżjed. Ftiehmu li minnufih wara t-tieġ, Bassanio jmur Venezja biex iħallas id-dejn. Bassanio jaċċetta l-offerta ta' Portia bil-gratitudni.
It-tielet xena
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xena tiftaħ fi triq ġo Venezja. Jidħlu Shylock, Solanio, Antonio u karċrier. Huwa u dieħel Shylock jgħid, "Issemmulix il-ħniena; / Dan l-iblaħ li jsellef flusu gratis." Warajh hemm Antonio, miżmum mill-karċrier, u warajhom ħabib Antonio, Solanio. Jidher li qal xi ħaġa fuq li Shylock għandu jħenn għal Antonio, imma Shylock ma jridx jisma', minkejja li Antonio biddel kliemu. Iżjed kmieni fid-dramm, Antonio qal li Shylock hu xitan, imma issa jitolbu, "Erġa' ismagħni, twajjeb Shylock." Minkejja l-bidla fit-ton, Shylock jibqa' sod; jgħid, "Nieħu l-garanzija," u joħroġ.
Meta joħroġ Shylock, Solanio jibda jgħajru "kelb rasu iebsa" imma Antonio jifhem. Jgħid li Shylock jobgħodu għax ħeles ħafna nies li kellhom jagħtu 'l Shylock minn multi ħorox. Solanio jipprova jiżgura 'l Antonio li d-Duka ta' Venezja qatt m'hu ħa jħalli 'l Shylock joħodlu libbra laħam, imma Antonio jaħseb li jħallih, u jittama biss li "Bassanio jiġi / Biex jarani nħallas dejnu." [16]
Ir-raba' xena
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xena fid-dar ta' Portia f'Belmont. Jidħlu Portia, Nerissa, Lorenzo, Jessica u Balthasar qaddej ta' Portia. Lorenzo, ir-raġel Nisrani ta' Jessica, jgħid lil Portia kemm kien raġel tajjeb Antonio, li għalih Portia qed tbati billi ir-raġel li għadha kif iżżewġet, Bassanio, kellu jitlaq malajr. Portia twieġeb "Qatt ma sogħobini li għamilt il-ġid," [17] u tgħid lil Lorenzo li ħa tagħtih id-dar tagħha f'idejh biex hi u Nerissa jgħaddu ż-żmien sakemm jiġi lura Bassanio "f'talb u kontemplazzjoni" f'kunvent.
Joħorġu Jessica u Lorenzo. Portia tikkmanda 'l Balthasar joħdilha ittra għand kuġinuha, Dottor Bellario, li mbagħad jagħti 'l Balthasar ċerti noti u lbies biex iġibhom għand Portia fuq il-moll tal-lanċa li tmur Venezja. Minn dan jidher li Portia fasslet xi pjan. Kif jitlaq Balthasar, Portia tikxef iżjed mill-pjan. Tgħid lil Nerissa li dalwaqt jaraw lil żwieġhom imma dawn mhux ħa jagħrfuhom għax ikunu libsin ta' rġiel. U twiegħed li tgħidilha iżjed fuq il-karozzella.
Il-ħames xena
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xena fil-ġnien tad-dar ta' Portia f'Belmont. Jidħlu l-buffu Lancelot u Jessica. Il-buffu qiegħed jinki 'l Jessica. Jgħidilha li hi indannata għax missierha Lhudi, jew jekk Shylock mhux missierha, hi illeġitma u allura indannata xorta. Jessica twieġbu "Ħa jslavani żewġi; għamilni Nisranija."[18] Il-buffu biċ-ċajt jgħidilha li iżjed ma jkun hemm Lhud li jsiru Nsara, iżjed jgħola l-prezz tal-majjal. Jidħol Lorenzo li jsofri bumbardament ta' botti mill-Buffu qabel ma jġiegħlu jidħol ġewwa biex jordna li jservu l-pranzu. Meta jitlaq il-Buffu, Lorenzo u Jessica jfaħħru 'l sidt id-dar, Portia. Jessica tgħid li Bassanio miżżewweġ lil Portia, "Isib l-hena tal-ġenna hawn fl-art."
Ir-raba' att
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel xena
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xena qorti f'Venezja. Jidħlu d-Duka, Antonio, Bassanio, Gratiano, Salerio, il-Manjifiċi, u oħrajn. Id-Duka li ħa jiġġudika l-każ ta' Antonio u Shylock, jesprimi simpatija kbira għal Antonio, li jgħid li hu lest għal kull ma jista' jagħmillu Shylock.
Jidħol Shylock. Id-Duka jagħmillu ħafna pressjoni biex jerġa' jibdielu, u jaħfer il-piena tal-libbra laħam. Shylock jirrifjuta u jisħaq li m'għandux għalfejn jagħti raġuni, barra li hi fin-natura tiegħu li jobgħod 'il Antonio, kif hi fin-natura ta' xi nies li jagħmlu taħthom meta jisimgħu id-daqq taċ-ċirimella. Bassanio jipprova jargumenta miegħu imma Antonio jgħidlu li għal xejn, għax xejn mhu ħa jrattab il-qalb Lhudija kiefra ta' Shylock. Bassanio imbagħad joffri sitt elf dukat għal dejn ta' tlett elef. Shylock jirrifjuta l-offerta u d-Duka jistaqsih, "Kif tistenna l-ħniena, meta ma tagħti xejn?" Id-Duka jgħidilhom li ħa jxolji l-laqgħa tal-qorti jekk ma' jiġix id-duttur tal-liġi Bellario, biex jiddeċiedi l-każ. F'dak il-waqt Salerio jħabbar li hemm messaġġier mingħand Bellario jistenna barra.
Tidħol Nerissa (liebsa taparsi skrivan tal-avukat) u ġġib ittra mingħand id-duttur tal-liġi, Bellario. L-ittra titlob id-Duka li jħalli id-duttur tal-liġi żagħżugħ, Balthasar, jiġġudika l-każ. Waqt li d-Duka qiegħed jaqra l-ittra, Shylock qiegħed isinn sikkina fuq il-qiegħ taż-żarbun biex ilesti biex jaqta' libbra laħam minn ġisem Antonio. Meta Portia (liebsa taparsi ta' "Balthasar") tibda tiġġudika l-każ, tipprova tħajjar 'il Shylock li jkun ħanin, u Bassanio joffri d-doppju tas-somma, imma Shylock jisħaq fuq "il-ħaqq" u l-kuntratt. Portia tgħid lil Antonio biex ilesti ruħu għas-sikkina u Shylock jifraħ. Imma fl-aħħar minuta Portia tinsisti li Shylock ma jistax joħroġ lanqas qatra waħda demm meta jaqta', għaliex ma kienx hemm demm imsemmi fil-garanzija. Meta induna li tilef, Shylock jitlob il-flus li kien offra Bassanio, imma Portia tgħid li la Shylock kien diġà rrifjuthom quddiem il-qort ma jistax joħodhom. Infatti, Shylock lanqas ma jista' jieħu s-somma mislufa u ma jistax iħalli l-qorti għax hu mixli li kkonfoffa kontra l-ħajja ta' ċittadin ta' Venezja — Antonio. Il-piena għad-delitt ta' Shylock hi l-mewt u t-telf ta' ġidu kollu - nofsu jmur għand Antonio u n-nofs l-ieħor għand l-istat ta' Venezja. Id-Duka jaħfirlu l-piena tal-mewt 'il Shylock, u Antonio jistipula li Shylock jagħti ġidu kollu lil bintu Jessica. Shylock joħroġ.
Lil Bassanio u Antonio, id-Duka jgħidilhom li jafulu ħafna gratitudni lill-imħallef żagħżugħ u joħroġ mal-korteġġjani tiegħu. Jibqgħu hemm Portia u Nerissa waħidhom ma' Antonio, Gratiano, u Bassanio. Bassanio lill-mħallef joffrilu bħala ħlas it-tlett elef dukat li kien ħa jagħti 'l Shylock. Portia tirrifjuthom, għax tgħid li s-sodisfazzjoni li s-salva 'l Antonio biżżejjed għaliha. Bassanio jinsisti li l-imħallef għandu jieħu xi ħaġa bħala ħlas, u Portia ċċedi u titolbu ċ-ċurkett li kellu f'subajh. Bassanio jweġibha li ma' jistax jagħtihulha għax kien rigal mingħand martu. Portia tirrispondi li dik skuża u tgħidlu "jekk martek mhux miġnuna, / U taf sew kemm ħaqqni dak iċ-ċurkett, / Mhux ħa tibqa' għadu għal dejjem, / Għax tajtuli."[19] Imbagħad toħroġ ma' Nerissa. Kif joħorġu, Antonio jipperswadi 'l Bassanio li għamel żball u Bassanio jibgħat 'il Gratiano jiġri wara l-imħallef biex jagħtih iċ-ċurkett.
It-tieni xena
[immodifika | immodifika s-sors]Jidħlu Portia u Neriisa. Portia tibgħat lil Nerissa għand Shylock biex jiffirma l-kuntratt biex jagħti kollox lil bintu. Gratiano jilħaqhom u jagħti ċ-ċurkett lill-"imħallef". Portia titlob lil Gratiano biex iwassal l-"iskrivan" tagħha (Nerissa) għand Shylock. Nerissa tiġiha idea u tgħidha 'l Portia f'widnejha. Kienet ħa titlob lil Gratiano ċ-ċurkett li tatu martu (hi stess) u Portia taqbel magħha. Ħa jaraw kemm ħa jkollhom inkwiet iż-żewġ irġiel biex jispjegaw lil marthom li taw iċ-ċurkett.
Il-ħames att
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel xena
[immodifika | immodifika s-sors]Ix-xena f'Belmont. Jidħlu Lorenzo u Jessica u jistennew 'l Portia. Lejla sabiħa b'qamar jiddi u żiffa ħelwa. It-tnejn jitkellmu fuq l-imħabba.
Jidħol il-messaġġier Stephano u jgħidilhom li Portia ħa tasal qabel jisbaħ. Imbagħad jasal Launcelot bl-aħbar li Bassanio wkoll ħa jasal matul il-lejl.
Jidħlu Portia u Nerissa kif ikun qiegħed jisbaħ. Portia tistaqsi jekk żwieġhom kinux waslu u meta jgħidulhom li għadhom ma waslux jikkmandawhom li ma jgħidulhomx li kienu telqu minn Belmont.
Jidħlu Bassanio, Antonio, Gratiano u n-nies tagħhom. Bassanio jsellem lil Portia bit-tifħir fuq sbuħitha. Bassanio jintroduċi 'l Antonio, u waqt li Portia qiegħda tagħtih il-merħba, ifaqqa' argument bejn Gratiano u Nerissa. Nerissa takkuża 'l Gratiano li ta ċ-ċurkett tat-tieġ lil mara oħra u Gratiano jinsisti li tah lill-"iskrivan tal-imħallef". Bassanio ma jdumx ma jkollu jammetti li ċ-ċurkett tiegħu tah ukoll u n-nisa jgħidulhom li ħa jorqdu mal-irġiel li ħadu ċ-ċrieket. Wara li jdumu jinkuhom in-nisa jtuhom lura ċ-ċrieket. L-irġiel jagħrfuhom u jibqgħu skantati. In-nisa jkomplu jinkuhom u jgħidulhom li diġà raqdu mal-irġiel li rċivew iċ-ċrieket. Imbagħad Portia tgħidilhom il-verità: hi kienet l-imħallef u Nerissa l-iskrivan. Portia għandha aħbar tajba oħra: Tlieta mill-iġfna ta' Antonio daħlu fil-port qawwin u sħaħ. Mhux hekk biss, Nerissa għandha d-dokument mingħand Shylock li jagħmel 'il Lorenzo l-werriet tiegħu. Jidħlu ġewwa biex Portia tirrakkontalhom kollox.
Adazzjonijiet u referenzi kulturali
[immodifika | immodifika s-sors]Adazzjonijiet għall-film
[immodifika | immodifika s-sors]Id-dramm ta' Shakespeare ispira ħafna films.
- 1910 — Shylock, le marchand de Venise, film Franċiż ta' Henri Desfontaines
- 1914 — film sieket dirett minn Lois Weber
- Lois Weber, li ħadmet ukoll il-parti ta' Portia, b'dan il-film saret l-ewwel mara li d-diriġiet film twil sħiħ fl-Amerika.
- 1916 — The Merchant of Venice, film sieket Brittaniku dirett minn Walter West għal Broadwest.
- 1923 — Der Kaufmann von Venedig, film sieket Ġermaniż dirett minn Peter Paul Felner
- 1953 — Le Marchand de Venise, film Franċiż ta' Pierre Billon
- 1969 — The Merchant of Venice, telefilm ta' 40 minuta dirett u jaħdem fih Orson Welles; il-film qatt ma ħareġ, infatti tlesta imma is-soundtrack insteraq kollu ħlief l-ewwel bubun qabel ma ħareġ.
- 1973 — film għat-televiżin dirett minn John Sichel
- Fost l-atturi kien hemm Laurence Olivier fil-parti ta' Shylock, Anthony Nicholls bħala Antonio, Jeremy Brett bħala Bassanio, Joan Plowright bħala Portia, Louise Purnell bħala Jessica.
- 1972 — telefilm dirett minn Cedric Messina magħmul għall-BBC taħdem fih Maggie Smith
- 1980 — telefilm tal-BBC dirett minn Jack Gold
- Fost l-atturi hemm Gemma Jones fil-parti ta' Portia u Warren Mitchell ta' Shylock.
- 1980 — Le Marchand de Venise, telefilm Franċiż ta' Jean Manceau
- 1996 — telefilm ta' Channel 4 dirett minn Alan Horrox
- Fost l-atturi hemm Paul McGann fil-parti ta' Bassanio u Haydn Gwynne ta' Portia.
- 2001 — telefilm tal-BBC dirett minn Trevor Nunn
- Produzzjoni tar-Royal National Theatre b'Henry Goodman fil-parti ta' Shylock
- 2003 — Shakespeare's Merchant, dirett minn Paul Wagar
- 2004 — The Merchant of Venice, dirett minn Michael Radford.
- Fost l-atturi hemm Al Pacino fil-parti ta' Shylock, Jeremy Irons bħala Antonio, Joseph Fiennes bħala Bassanio, Lynn Collins bħala Portia, u Zuleikha Robinson fil-parti ta' Jessica.
Opri
[immodifika | immodifika s-sors]- 1905 — Jessika opra Ċeka fi tliet atti ta' Josef Bohuslav Foerster, l-ewwel rappreżentazzjoni fit-teatru Nazzjonali ta' Praga, 16 ta' April 1905.
- 1935 — Le marchand de Venise opra Franċiża fi tliet atti ta' Reynaldo Hahn, l-ewwel rappreżentazzjoni fit-teatru Paris Opéra, 25 ta' Marzu 1935.
- 2013 — The Merchant of Venice fi tliet atti ta' André Tchaikowsky's (1935–1982), l-ewwel rappreżentazzjoni fil-festival ta' Bregenz, 18 ta' Lulju 2013.
Referenzi kulturali
[immodifika | immodifika s-sors]- The Merchant dramm ta' Arnold Wesker jirrakonta l-istorja mill-punto di vista ta' Shylock. Hawn Shylock u Antonio huma ħbieb tal-qalb bi mħabba komuni għall-kotba u l-kultura u bl-istmerrija tal-anti-Semitiżmu sfaċċat tal-liġijiet tal-Insara. New york fis-16 ta' Novembru 1977.
- Shylock's Revenge dramm ta' David Henry Wilson, li jista' jitqis bħala segwita tad-dramm ta' Shakespeare. Id-dramm ittella' għall-ewwel darba Hamburg fis-9 ta' Ġunju.
- Id-drammaturgu u poeta Franċiż, Edmond Haraucourt, kiteb verżjoni tad-dramm ta' Shakespeare bil-Franċiż bil-vers, ordnata mid-direttur teatrali Paul Porel. Id-dramm Shylock, kellu l-ewwel rappreżentazzjoni fit-Théâtre de l'Odéon ta' Pariġi f'Diċembru tal-1889, b'mużika ta' akkompanjament mill-kompożitur Franċiż Gabriel Fauré. Aktar tard il-mużika ġiet inkorporata fi suite orkestrali bl-istess isem.[20]
- Il-mużika korali ta' Ralph Vaughan Williams, Serenade to Music tuża t-test mid-diskussjoni dwar il-mużika u l-mużika tal-isferi f'Att V, xena 1.
- Fiż-żewġ verżjonijiet tal-film komiku To Be or Not to Be il-persunaġġ "Greenberg", imsemmi bħala Lhudi fit-tieni verżjoni biss, jirreċta d-diskors "Lhudi m'għandux għajnejn?" lis-suldati Nażisti.[21]
- F' Śmierć miasta (Il-Pjanista), Henryk Szpilman jikkwota silta mid-diskors ta' Shylock "Lhudi m'għandux għajnejn?" lil ħuh Władysław Szpilman f'getto Lhudi f'Warsaw, matul l-okkupazzjoni Nażista fit-Tieni Gwerra Dinjija.
- Il-film ta' Steven Spielberg, Schindler's List juri l-lokotenent tal-SS Amon Göth jikkwota d-diskors ta' Shylock "Lhudi m'għandux għajnejn?" meta jkun qiegħed jaħsibha jistuprax is-seftura tiegħu Lhudija.
- Ir-rock musical, Fire Angel kien ibbażat fuq l-istorja tad-dramm, bil-post mibdul għad-distrett ta' Little Italy f'New York. Il-musical ittella' għall-ewwel darba Edinburgu fl-1974 u f'form riveduta Londra fl-1977.
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]- The Merchant of Venice - Analiżi kritika minn Shakespeare Online
- The Merchant of Venice Navigator – Tinkludi test annotat, numri tal-versi, navigatur u x-xeni fil-qosor.
- Entire Script- The Merchant of Venice
- The Merchant of Venice – Project Gutenberg
- The Merchant of Venice – verżjoni HTML
- The Merchant of Venice – Verzjoni li fiha wieħed jista' jfittex.
- CliffsNotes
- SparkNotes: Study Guide
- Lesson plans for The Merchant of Venice
- The Merchant of Venice
- A Contemporary English Version of The Merchant of Venice
- [1]
- [2]
- Verżjoni bit-Taljan
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b Muir Kenneth, Shakespeare's Sources: Comedies and Tragedies, 2005, Routledge, New York, ISBN 0-415-35269-X, p. 49
- ^ Bloom (2007: 112–113)
- ^ "he, of all the men that my foolish eyes looked upon, was the best deserving of a fair lady" Att 1, Xena 2, versi 129-31.
- ^ "ships are but boards, sailors but men; there be land-rats and water-rats, land-thieves and water-thieves,--I mean pirates,--and then there is the peril of waters, winds, and rocks." Atct 1, Xena 3, versi 22-5.
- ^ "an equal pound of your fair flesh, to be cut off and taken in what part of your body pleaseth me." Act 1, Xena 3, versi 150-3
- ^ "Bring me the fairest creature northward born, where Phoebus' fire scarce thaws the icicles, and let us make incision for your love to prove whose blood is reddest, his or mine." Att 2, Xena 1, versi 4-7
- ^ "Mistress, look out at window, for all this. There will come a Christian by will be worth a Jewess' eye." Act 2, Scene 5, lines 40-3
- ^ "Farewell, and if my fortune be not crost, I have a father, you a daughter, lost." Act 2, Scene 5, lines 56-7
- ^ "You know, none so well, none so well as you, of my daughter's flight,"
- ^ "But tell us, do you hear whether Antonio have had any loss at sea or no?"
- ^ "Why, I am sure, if he forfeit, thou wilt not take his flesh: what's that good for?"
- ^ "To bait fish withal,"
- ^ "If you prick us, do we not bleed? if you tickle us, do we not laugh? if you poison us, do we not die?"
- ^ "if you wrong us, shall we not revenge?"
- ^ "You that choose not by the view, / Chance as fair and choose as true!"
- ^ "Bassanio come / To see me pay his debt."
- ^ "I never did repent for doing good,"
- ^ "I shall be saved by my husband; he hath made me a Christian."
- ^ "if your wife be not a madwoman, / And know how well I have deserved the ring, / She would not hold out enemy for ever, / For giving it to me."
- ^ Jean-Michel Nectoux, Gabriel Fauré: A musical life, Cambridge University Press, 1991, ISBN 0-521-23524-3 }}</nowiki>
- ^ Sammond, Nicholas, Mukerji, Chandra, editur Bernardi, Daniel, Classic Hollywood, Classic Whiteness, 2001, University of Minnesota Press ISBN 0-8166-3239-1