Amburgu

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn Hamburg)
Jump to navigation Jump to search
Amburgu
Flag of Germany.svg Ġermanja
Landungsbrücken Hamburg.jpg
Flag of Hamburg.svg DEU Hamburg COA.svg
Amministrazzjoni
Stat sovranĠermanja
Kap tal-Gvern Peter Tschentscher
Isem uffiċjali Hamburg
Freie und Hansestadt Hamburg
Land Hamburg
Ismijiet oriġinali Freie und Hansestadt Hamburg
Kodiċi postali 20095–21149u 22041–22769
Ġeografija
Koordinati 53°33′N 10°00′E / 53.55°N 10°E / 53.55; 10Koordinati: 53°33′N 10°00′E / 53.55°N 10°E / 53.55; 10
Amburgu is located in Germany
Amburgu
Amburgu
Amburgu (Germany)
Locator map Hamburg in Germany.svg
Superfiċjenti 755.09 kilometru kwadru
Għoli 6 m
Fruntieri ma' Schleswig-Holstein (en) Translate, Lower Saxony (en) Translate, Seevetal (en) Translate, Neu Wulmstorf (en) Translate, Bönningstedt (en) Translate, Norderstedt (en) Translate, Halstenbek (en) Translate, Reinbek (en) Translate, Pinneberg (en) Translate, Segeberg (en) Translate, Stormarn (en) Translate, Herzogtum Lauenburg (en) Translate, Harburg (en) Translateu Stade (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 1,852,478 abitanti (30 Settembru 2021)
Informazzjoni oħra
Kodiċi tat-telefon 040u 4721
Żona tal-Ħin UTC+1u UTC+2
bliet ġemellati San Pietruburgu, Marseille (en) Translate, Shanghai, Dresden, Osaka, León (en) Translate, Praga, Chicago, Dar es Salaam (en) Translate, Varna (en) Translate, Auckland (en) Translate, Valdivia (en) Translate, Kaliningrad (en) Translateu São Paulo
hamburg.de…

Amburgu (Hamburg) hija t-tieni l-ikbar belt fil-Ġermanja (wara Berlin), u għandha l-akbar popolazzjoni fost il-bliet mhux kapitali fl-Unjoni Ewropea. Amburgu hija waħda mill-Istati Federali tal-Ġermanija.

Din il-Belt tgħodd madwar 1,8 milljun ruħ, iżda dan jitla' għal 4,3 milljun ruħ jekk wieħed iqis is-subborgi tagħha. Il-port ta' Amburgu huwa t-tieni l-akbar port fl-Ewropa (wara dak ta’ Rotterdam), u jinsab fid-disa' post ta’ l-akbar portijiet tad-dinja.

Il-belt ta’ Amburgu tinsab fit-Tramuntana tal-Ġermanja u hija ċentru industrijali b’fabbriki bħal Blohm + Voss u Norddeutsche Affinerie. L-industrija tal-midja hija importanti f’Hamburg u hawn jinsabu, fost oħrajn, l-istazzjon tar-radju u t-televiżjoni Norddeutscher Rundfunk u pubblikaturi bħal Gruner + Jahr u Spiegel-Verlag. B’kollox jinsabu aktar minn 120,000 intrapriżi f’din il-belt.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Din il-belt ħadet isimha mill-ewwel bini tagħha. Dan kien kastell mibni skond l-ordni ta’ l-Imperatur Karlumanju fis-sena 808 AD. Dan kien iġib l-isem ta’ Hammaburg, fejn burg tfisser kastell, filwaqt li t-tifsira tal-kumplament tal-kelma Hamma baqgħet inċerta, l-istess bħall-lokazzjoni ta’ dan il-kastell.

Amburgu ġiet, ħafna drabi, meqruda u maħkuma. Fis-sena 845, flotta ta’ 600 vapur tal-Vikingi waslu sax-xmara Elbe u qerdu l-belt. Dak iż-żmien kienet belt ta’ madwar 500 ruħ. Fis-sena 1030, il-Belt ġiet maħruqa mir-Re Mieszko II Lambert tal-Polonja. Valdemar II tad-Danimarka rebaħ il-belt fis-sena 1201 u 1214. Amburgu għaddiet minn numru ta’ nirien kbar, l-agħar tnejn seħħu fis-snin 1284 u 1842. Fis-sena 1842, tilfu ħajjiethom 51 ruħ, inqered diversi bini importanti u 20,000 spiċċaw bla dar. Ir-rikostruzzjoni damet aktar minn 40 sena. Għal perjodu ta’ żmien qasir kienet annessa minn Napuljun I ta' Franza (1810–14). Il-forzi Russi lliberaw il-belt fis-sena 1814. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, il-Belt soffriet numru ta’ attakki mill-ajru u ġew maqtula 42,000 nies ċivili. Fi Frar 16, 1962, kien hemm għargħar tax-xmara Elbe minħabba maltempata qawwija u 300 ruħ tilfu ħajjiethom.

Amburgu kien stat indipendenti tal-Konfederazzjoni Ġermaniża (1815–66), il-Konfederazzjoni tat-Tramuntana tal-Ġermanja (1866–71), l-Imperu Ġermaniż (1871–1918) u tar-Repubblika ta’ Weimar (1919–33). Waqt il-perjodu tal-Ġermanja Nażista, Hamburg kienet Gau mis-sena 1934 sas-sena 1945. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, din il-belt kienet fiż-żona Ingliża u saret stat tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fis-sena 1949.

Fl-ewwel nofs tas-seklu 19, saret referenza fil-proża u l-poeżija, għal qaddisa patruna bl-isem ta’ Amburgu (Hamburg) bil-Latin, Hammonia. B’hekk din saret is-simbolu tal-Belt f’dan iż-żmien. Fit-tieni nofs tas-seklu 19 il-populazzjoni ta’ Amburgu kibret b’rata qawwija. Il-Hamburg America Line saret l-akbar kumpanija tal-merkanzija transatlantika, b’Albert Ballin bħala d-direttur tagħha. Dan kien il-port minn fejn ħafna Ġermaniżi u nies mill-Ewropa tal-Lvant emigraw lejn l-Amerika u kont issib kumpaniji tan-negozju mid-dinja kollha.

Il-bombi ta’ l-Alleati waqt it-Tieni Gwerra Dinjija wasslu għal numru kbir ta’ persuni ċivili imweġġin, kif ukoll għal partijiet kbar tal-Belt u tal-port meqruda. Amburgu ċediet lill-Forzi Ingliżi fit-3 ta’ April tas-sena 1945. Il-fruntieri interjuri tal-Ġermanja isseparaw il-belt minn ħafna mill-Hinterland u n-negozju internazzjonali ta’ Amburgu mar għall-agħar. Ir-reunifikazzjoni tal-Ġermanja fis-sena 1990, u d-dħul ta’ diversi stati Ewropej u Baltiċi fl-Unjoni Ewropea fis-sena 2004, wasal sabiex dan il-port, flimkien mal-Belt kollha, jikseb mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu bħala l-akbar port reġjonali għall-merkanzija ta’ kontejners u ċ-ċentru ewlieni kummerċjali.

Kultura u Ħajja Kontemporanja[immodifika | immodifika s-sors]

F’Amburgu nsibu aktar minn 40 teatru, 60 mużew u 100 post u klabb tal-mużika. Fis-sena 2005 il-fuq minn 18 milljun attendew kunċerti, esibizzjonijiet, teatri, ċinema, mużewijiet u wirjiet oħra kulturali. Insibu aktar minn 8,552 kumpaniji taxxabbli –b’daqs medju ta’ 3,16 impjegat—fis-settur kulturali bħal, ma hija l-mużika, wirjiet ta’ arti artistika u letteratura.

Teatri[immodifika | immodifika s-sors]

It-teatru pubbliku Deutsches Schauspielhaus, it-Thalia Theater, u l-Kampnagel huma magħrufa sew fil-Ġermanja u barra mill-pajjiż. The English Theatre twaqqaf fis-sena 1976 u huwa l-eqdem teatru professjonali bl-Ingliż fil-Ġermanja, bl-impjegati tiegħu kollha kelliema nattivi ta’ l-Ingliż.

Turiżmu[immodifika | immodifika s-sors]

Żjara tipika f’Amburgu tikkonsisti minn żjara tar-Rathaus u l-knisja ta’ St. Michaelis (imsejjħa Michel), kif ukoll dawra mad-distrett ta’ l-imħażen antiki (Speicherstadt) u mall-port. Il-postijiet ta’ interess kollha jistgħu jintleħqu permezz ta’ kowċijiet turistiċi. Ħafna turisti jagħmlu dawra bid-dgħajjsa madwari il-port u/jew il-kanali (Große Hafenrundfahrt, Fleetfahrt) li jibdew mill-Landungsbrücken. Il-mużewijiet huma destinazzjoni ewlenija oħra. Filgħaxija t-turisti jistgħu jagħmlu mixja mar-Reeperbahn fid-distrett ta’ St. Pauli, li huwa meqjus bħala l-akbar distrett ta’ red lights fl-Ewropa, b’numru kbir ta’ barijiet u nightclubs. Kien hawnhekk fejn il-Beatles bdew il-karriera tagħhom, b’residenza ta’ 48 lejl fil-klabb Indra, u wara 58 lejl fil-Kaiserkeller. Oħrajn jippreferu l-parti aktar rilassanti bl-isem ta’ Schanze, fejn wieħed isib ħafna ħwienet tal-kafè, jew inkella xi barbikju fuq ix-xatt tax-xmara Elbe. F’Amburgu nsibu wkoll zu popolari bl-isem ta’ Tierpark Hagenbeck. Hawn ukoll min iżur din il-belt minħabba xi interess speċjali: għal xi wirja mużikali, xi avveniment sportiv, kungress jew fiera.

Festi u avvenimenti[immodifika | immodifika s-sors]

Amburgu hija belt magħrufa għal ħafna festi u avvenimenti. Fosthom hemm festi fit-toroq bħall-festival gay pride Christopher Street Day u l-fiera ta’ l-Alster.. Il-Hamburger Dom hija l-akbar fiera ta’ divertiment fit-Tramuntana tal-Ġermanja u tiġi organizzata tliet darbiet fis-sena. IL-Hafengeburtstag hija fiera ta’ divertiment oħra għaċ-ċelebrazzjoni ta’ għeluq snin tal-port permezz ta’ party u parata tal-vapuri. Fil-knisja ta’ San Mikiel issir quddiesa għall-motoċiklisti.

F’Diċembru jiġu organizzati fieri tal-Milied f’ħafna lokazzjonijiet tal-Belt, fosthom fil-pjazza tal-Hamburg Rathaus. Għal min japprezza l-arti u l-kultura jiġi organizzat il-lejl tal-mużewijiet. Sa nofs il-lejl wieħed jista jżur madwar 40 mużew bil-prezz ta’ wieħed biss. Fis-sena 2008 ġie organizzat is-sitt Festival tal-Kulturi fix-xahar ta’ Settembru, għaċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja multikulturali. Waqt il-Filmfest Hamburg jiġu preżentati numru kbir ta’ films.

Il-Hamburg Messe and Congress toffri lokazzjoni għal diversi fieri kummerċjali, bħal per eżempju il-Hanseboot, wirja internazzjonali tad-dgħajjes, jew Du und deine Welt, esibizzjoni kbira tal-konsumatur. Isiru wkoll avveniment sportivi bħall-kompetizzjoni taċ-ċikliżmu Vattenfall Cyclassics, il-Maratona ta’ Amburgu, l-akbar maratona tal-Ġermanja wara dik ta’ Berlin, it-turnament tat-tenis bl-isem ta’ Hamburg Masters u sports ta’ l-ekkwestriju bħad-Deutsches Derby.

Sport[immodifika | immodifika s-sors]

F’Hamburg insibu numru ta’ timijiet sportivi u matul is-sena jsiru ħafna attivitajiet sportivi. Hamburger SV, huwa tim tal-futbol fil-Bundesliga, li rebaħ ħafna titli lokali kif ukoll il-European Cup fis-sena 1983. Dan it-tim jilgħab fil-HSH Nordbank Arena. FC St. Pauli huwa klabb ieħor tal-futbol li jilgħab fit-tieni diviżjoni fl-istadju Millerntor-Stadion. Il-Hamburg Freezers jirrapreżentaw lill-Hamburg fid-DEL, il-lega tal-ħoki tas-silġ fil-Ġermanja. It-tim ta’ HSV Handball jilgħab fil-lega tal-ħandbol u jilgħab fil- Color Line Arena. F’din il-Belt insibu timijiet ta’ ħafna sports ieħor, bħal dak tar-rugbì, volibol u tenis. Matul is-sena isiru turnament u avvenimenti tat-tenis, sports ekkwestriju, maratoni u kompetizzjonijiet bħall-Vattenfall Cyclassics, u triathlon ITU. L-arena HSH Nordbank intużat fit-Tazza tad-Dinja tas-sena 2006. Fis-sena 2010 ser jintlgħab il-finali tal-UEFA Cup f’din l-arena.

Ekonomija[immodifika | immodifika s-sors]

Il-prodott gross domestiku ta’ Amburgu huwa ta’ €88,9 billjun, l-akbar wieħed fil-Ġermanja u hawn insibu 120,000 intrapriża. Fis-sena 2007, d-dħul medju ta’ l-impjegati kien ta’ €30,937. L-akbar unità ekonomika ta’ Amburgu huwa l-port, li wara r-reunifikazzjoni tal-Ġermanja, kiber b’rata mgħaġġla. Amburgu, fiimkien mal-Bliet ta’ Seattle u Toulouse, hija lokazzjoni importanti għall-industrija ajruspazjali ċivili. Il-kumpanija Airbus, li għandha impjanta ta’ l-immuntar f’Amburgu, timpjega aktar minn 13,000 ruħ fid-distrett ta’ Finkenwerder. L-industrija kbira tinkludi l-produzzjoni ta’ l-azzar, l-aluminju, r-ram u numru ta’ ta’ tarzni bħal Blohm + Voss.

Midja[immodifika | immodifika s-sors]

Industriji importanti oħra huma kumpaniji tal-midja b’aktar minn 70,000 impjegat. Is-sezzjoni Norddeutscher Rundfunk tan-netwerk tat-televiżjoni u r-radju ARD hija bbażata f'Amburgu; kif ukoll stazzjonijiet kummerċjali tat-televiżjoni Hamburg 1 and Tide TV. Insibu wkoll diversi stazzjonijiet reġjonali tar-radju bħal Radio Hamburg, kif ukoll numru kbir ta’ kumpaniji tal-pubblikazzjoni kbar li jinkludu Axel Springer AG, Gruner + Jahr, Bauer Media Group. Ħafna gazzetti u magazins nazzjonali bħal ma huma Der Spiegel u Die Zeit jiġu ppubblikati hawnhekk, kif ukoll gazzetti ta’ xi interess speċjali bħal Financial Times Deutschland. Il-Hamburger Abendblatt hija gazzetta reġjonali li toħroġ kuljum b’distribuzzjoni kbira. Insibu numru ta’ kumpaniji tal-mużika (l-akbar waħda hija Warner Bros. Records Germany) u kumpaniji ta’ l-Internet (per eżempju., AOL, Adobe Systems u Google Germany, u anke kumpaniji tal-Web 2.0 bħal Qype).