Gżira tal-Mużewijiet
Il-Gżira tal-Mużewijiet (bil-Ġermaniż: Museumsinsel) hija kumpless ta' mużewijiet fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-Gżira ta' Spree fil-qalba storika ta' Berlin, il-belt kapitali tal-Ġermanja. Hija waħda mill-iktar attrazzjonijiet turistiċi viżitati ta' Berlin u hija wieħed mill-iktar siti importanti ta' mużewijiet fl-Ewropa. Il-kumpless inbena bejn l-1830 u l-1930 fuq l-ordni tar-rejiet tal-Prussja skont il-pjanijiet ta' ħames arkitetti.
Il-Gżira tal-Mużewijiet tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1] Il-kumpless inizjalment kien jinkludi ħames mużewijiet b'kollox: il-Mużew l-Antik (bil-Ġermaniż: Altes Museum), il-Mużew il-Ġdid (bil-Ġermaniż: Neues Museum), il-Gallerija Nazzjonali l-Antika (bil-Ġermaniż: Alte Nationalgalerie), il-Mużew ta' Bode (bil-Ġermaniż: Bode-Museum) u l-Mużew ta' Pergamon (bil-Ġermaniż: Pergamonmuseum). Peress li l-kumpless tal-Gżira tal-Mużewijiet inbena fuq il-Gżira ta' Spree kollha fit-Tramuntana tat-triq prinċipali l-kbira Unter den Linden, il-Katidral ta' Berlin (bil-Ġermaniż: Berliner Dom) jinsab hawnhekk ukoll, ħdejn il-park imsejjaħ Lustgarten. Fin-Nofsinhar, il-Palazz ta' Berlin rikostruwit jospita l-mużew tal-Forum ta' Humboldt, is-sitt mużew li nfetaħ fl-2020. Mir-riunifikazzjoni tal-Ġermanja, il-Gżira tal-Mużewijiet ġiet rikostruwita u estiża skont pjan direzzjonali ewlieni.[2] Fl-2019, infetaħ ċentru tal-viżitaturi ġdid u gallerija tal-arti msejħa l-Gallerija ta' James Simon (bil-Ġermaniż: James-Simon-Galerie).
Mużewijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżira tal-Mużewijiet ingħatat isimha minħabba l-kumpless ta' mużewijiet sinifikanti fuq livell internazzjonali li hemm fuqha, kollha kemm huma parti mill-Mużewijiet Statali ta' Berlin, li jokkupaw il-parti tat-Tramuntana tal-Gżira ta' Spree:
- il-Mużew l-Antik (Altes Museum), meta nbena fit-3 ta' Awwissu 1830, kien ingħata l-isem ta' Mużew Irjali (bil-Ġermaniż: Königliches Museum) sal-1841, meta mbagħad ingħata l-isem attwali. Il-mużew tlesta skont il-pjanta u l-ordnijiet tal-arkitett Karl Friedrich Schinkel u huwa meqjus bħala kapulavur ewlieni tal-arkitettura Neoklassika;
- il-Mużew il-Ġdid (Neues Museum) tlesta fl-1859 skont il-pjanijiet ta' Friedrich August Stüler, student ta' Schinkel. Il-mużew inqered fit-Tieni Gwerra Dinjija, u reġa' nbena taħt id-direzzjoni ta' David Chipperfield għall-Mużew Eġizzjan ta' Berlin u reġa' nfetaħ fl-2009;
- il-Gallerija Nazzjonali l-Antika (Alte Nationalgalerie) tlestiet fl-1876 skont id-disinni ta' Friedrich August Stüler ukoll, u tospita kollezzjoni ta' arti tas-seklu 19 li ngħatat bħala donazzjoni mill-bankier Joachim H. W. Wagener;
- il-Mużew ta' Bode (Bode-Museum) fit-tarf tat-Tramuntana tal-gżira, infetaħ fl-1904 u dak iż-żmien kien imsejjaħ il-Mużew tal-Imperatur Friedrich (bil-Ġermaniż: Kaiser-Friedrich-Museum). Jospita kollezzjonijiet ta' skulturi u arti Biżantina u tal-aħħar parti ta' Żmien l-Antikità;
- il-Mużew ta' Pergamon (Pergamonmuseum) inbena fl-1930. Fih diversi binjiet oriġinali immensi u sinifikanti storikament bħall-Artal ta' Pergamon u l-Bieb ta' Ishtar tal-Babilonja li wara li ġew skavati, ittieħdu mill-post oriġinali tagħhom u ġew rikostruwiti fil-mużew;
- il-mużew tal-Forum ta' Humboldt (Humboldt Forum) infetaħ fl-aħħar tal-2020 fil-Palazz ta' Berlin, faċċata tal-park imsejjaħ Lustgarten, u kien jinkorpora l-Mużew Etnoloġiku ta' Berlin u l-Mużew tal-Arti Asjatika; it-tnejn li huma kienu istituzzjonijiet suċċessuri tal-Kamra Antika tal-Arti tal-Prussja, li wkoll kienet ospitata fil-Palazz ta' Berlin u li ġiet stabbilita f'nofs is-seklu 16.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1797 inbniet l-ewwel sala tal-wiri fuq suġġeriment tal-arkeologu Aloys Hirt. Fl-1822, Schinkel iddisinja l-pjanijiet għall-Mużew l-Antik sabiex jospita l-kollezzjoni rjali tal-antikitajiet, u l-arranġament tal-kollezzjoni kien issorveljat minn Wilhelm von Humboldt. Il-gżira, oriġinarjament żona residenzjali, kienet iddedikata lill-"arti u x-xjenza" mir-Re Frederick William IV tal-Prussja fl-1841. Wara estensjoni ulterjuri taħt rejiet tal-Prussja differenti, il-kollezzjonijiet tal-arti u tal-arkeoloġija tal-mużew saru fondazzjoni pubblika wara l-1918. Attwalment il-kollezzjoni tieħu ħsiebha l-fergħa tal-Wirt Kulturali tal-Prussja tal-Mużewijiet Statali ta' Berlin.
Il-Gżira tal-Mużewijiet tinkludi wkoll il-park ta' Lustgarten u l-Katidral ta' Berlin. Bejn il-Mużewijiet ta' Bode u ta' Pergamon tgħaddi mogħdija ferrovjarja tal-iStadtbahn. It-territorju maġenbha lejn in-Nofsinhar huwa s-sit tal-eks Palazz irjali u imperjali ta' Berlin u l-Palazz tar-Repubblika.
Il-kollezzjonijiet tal-Prussja ġew separati waqt il-Gwerra Bierda matul id-diviżjoni tal-belt, iżda reġgħu ngħaqdu wara r-riunifikazzjoni tal-Ġermanja, bl-eċċezzjoni ta' xi opri tal-arti u artefatti li tneħħew wara t-Tieni Gwerra Dinjija mit-truppi tal-Alleati. Dawn jinkludu t-Teżor ta' Priamu, magħruf ukoll bħala d-deheb ta' Troia, skavat minn Heinrich Schliemann fl-1873, u mbagħad maħruġ mit-Turkija bil-kuntrabbandu lejn Berlin, u maħruġ bil-kuntrabbandu mill-Ġermanja lejn Moska. Attwalment jinsab miżmum fil-Mużew ta' Pushkin f'Moska.
Bħall-iktar mużewijiet maġġuri tal-belt, kellhom jgħaddu l-biċċa l-kbira tas-snin 90 tas-seklu 20 biex jintlaħaq konsensus li l-binjiet tal-Gżira tal-Mużewijiet għandhom jiġu rrestawrati u mmodernizzati, permezz tal-pjan kawt għall-użu tagħhom tad-Direttur Ġenerali Wolf-Dieter Dube li ġie approvat f'Jannar 1999. Imbagħad, sitt xhur wara, Peter-Klaus Schuster ħa r-riedni f'idejh u vara programm ferm iktar ambizzjuż bil-ħsieb li l-Gżira tal-Mużewijiet tinbidel f'Louvre fuq il-Gżira ta' Spree.[3] Il-gvern federali wiegħed $20 miljun fis-sena sal-2010 għal proġetti biex jissaħħaħ il-prestiġju ta' Berlin bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]
Il-kontenut tal-mużewijiet ġie deċiż kif ġej: il-Mużew ta' Pergamon, bl-artal Grieg li jagħti isem il-mużew, żamm il-biċċa l-kbira tal-kollezzjoni li kellu u ġie definit bħala mużew tal-arkitettura tal-qedem. Il-Mużew il-Ġdid ippreżenta oġġetti arkeoloġiċi kif ukoll skulturi Eġizzjani u Etruski, inkluż il-bust rinomat tar-Reġina Nefertiti. Il-Mużew l-Antik, l-eqdem mużew fuq il-gżira, fih oġġetti tal-arti Griegi u Rumani fl-ewwel sular tiegħu u jospita l-wirjiet fit-tieni sular. Il-pitturi tal-Mużew ta' Bode kienu jvarjaw mill-aħħar ta' Żmien il-Biżantini sal-1800. Filwaqt li l-Gallerija Nazzjonali l-Antika tkopri s-seklu 19. Ladarba dan il-proċess jitlesta għalkollox, x'aktarx matul is-snin 20 tas-seklu 21, il-kollezzjoni ta' pitturi tal-Gemäldegalerie terġa' tiġi ttrasferita lejn il-Mużew ta' Bode, u f'anness ġdid. Il-Gżira tal-Mużewijiet ladarba titlesta se tippreżenta l-arti kollha minn żmien iċ-ċivilizzazzjonijiet tal-qedem sal-1900. Il-Gallerija ta' James Simon, ċentru tal-viżitaturi li sewa $94 miljun u li ġie ddisinjat mill-arkitett Brittaniku David Chipperfield, inbena maġenb il-Mużew il-Ġdid. Maż-żmien dan jiġi kkollegat mal-Mużew il-Ġdid, mal-Mużew l-Antik, mal-Mużew ta' Pergamon u mal-Mużew ta' Bode permezz ta' passaġġ taħt l-art imżejjen b'oġġetti arkeoloġiċi.[5]
Ladarba l-Pjan Direzzjonali Ewlieni tal-Gżira tal-Mużewijiet jitlesta, l-hekk imsejjaħ Xatt Arkeoloġiku jikkollega erbgħa mill-ħames mużewijiet fil-Gżira tal-Mużewijiet. Ix-Xatt se jkun jibda mill-Mużew l-Antik fin-Nofsinhar, jgħaddi mill-Mużew il-Ġdid u mill-Mużew ta' Pergamon u jintemm fil-Mużew ta' Bode, fin-naħa tat-Tramuntana tal-gżira. Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, dawn il-mużewijiet kienu kkollegati permezz ta' passaġġi bil-pontijiet 'il fuq mill-art; dawn inqerdu minħabba l-effetti tal-gwerra.
Qatt ma kien hemm pjanijiet biex jerġgħu jinbnew; minflok, l-ispazji ċentrali miftuħa tal-mużewijiet individwali se jiġu baxxuti, xi ħaġa li diġà saret fil-Mużew ta' Bode u fil-Mużew il-Ġdid. Dawn se jiġu kkollegati permezz ta' galleriji taħt l-art. Sa ċertu punt, dan ix-Xatt Arkeoloġiku jista' jitqies bħala s-sitt mużew tal-gżira, għaliex huwa maħsub mhux biss bħala kuritur ta' kollegament iżda wkoll bħala kamra miftuħa għall-wirjiet għal preżentazzjonijiet interdixxiplinari. Ix-Xatt Arkeoloġiku jista' jiġi kkaratterizzat bħala salib it-toroq ta' kollezzjonijiet li jintwerew b'mod separat (skont ir-reġjuni kulturali, l-epoki, u l-ġeneri tal-arti) fil-mużewijiet individwali tal-gżira. Ix-Xatt Arkeoloġiku se jindirizza diversi suġġetti ta' interess li okkupaw il-moħħ uman, irrispettivament miż-żmien u mir-reġjun kulturali, kemm jekk hija kwistjoni ta' ħajja wara l-mewt kif ukoll jekk hija kwistjoni ta' sbuħija jew suġġetti oħra.[6]
Il-Gżira tal-Mużewijiet tissemma fil-kanzunetta "Fuq il-Gżira tal-Mużewijiet" tal-artist folkloristiku Emmy il-Kbir.
Is-sezzjoni tan-Nofsinhar tal-gżira, fin-Nofsinhar ta' Gertraudenstraße, spiss tiġi msejħa bħala l-Gżira tas-Sajjieda (bil-Ġermaniż: Fischerinsel) u hija s-sit fejn ġie żviluppat appartament għoli meta l-Mitte kien jifforma parti minn Berlin tal-Lvant.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Gżira tal-Mużewijiet f'Berlin ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-1999.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) “Wirja ta’ skambju importanti ta’ valuri umani, tul perjodu ta’ żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ”; u l-kriterju (iv) “Eżempju straordinarju ta’ tip ta’ bini, ta’ grupp ta’ siti jew ta’ pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem”.[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Museumsinsel (Museum Island), Berlin". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-21.
- ^ "Home". www.museumsinsel-berlin.de. Miġbur 2021-07-21.
- ^ Riding, Alan (2002-03-12). "Berlin, Banking on Its Museums; Seeking a New Identity, the City Shakes Up Its Art Legacy" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-21.
- ^ Butler, Desmond (2001-12-02). "Berlin Museum's Revival Bolsters German Identity" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-21.
- ^ Riding, Alan (2006-11-27). "German Museums Move Closer to Reunification" (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-21.
- ^ journal, SCIENCE First Hand. "Museum Island and Humboldt-Forum". SCIENCE First Hand (bl-Ingliż). Miġbur 2021-07-21.