Fortizzi Tondi tal-Vikingi
Il-Fortizzi Tondi tal-Vikingi, magħrufa wkoll bħala l-fortizzi tat-tip ta' Trelleborg jew anke trelleborgs, huma tip ta' forti ċirkolari b'disinn speċjali, li nbnew fl-Iskandinavja matul Żmien il-Vikingi.[1] Dawn il-fortizzi għandhom għamla strettament tonda, b'toroq u daħliet fl-erba' direzzjonijiet kardinali. Xi kultant mad-dawra tagħhom ikun hemm fortifikazzjonijiet avvanzati parzjali, għalkemm dawn mhux dejjem ikunu ċirkolari.
B'kollox hemm seba' fortizzi tondi magħrufa tal-Vikingi attwalment, u dawn jinsabu fid-Danimarka u fi Scania, l-Iżvezja. Ħafna minnhom imorru lura għal żmien ir-renju ta' Harold Bluetooth tad-Danimarka, għall-ħabta tad-980 W.K. L-iskop preċiż tagħhom huwa soġġett għal dibattitu. Il-Fortizzi Tondi tal-Vikingi fid-Danimarka tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[2]
Dan it-tip speċifiku ta' fortifikazzjoni ngħata isem l-ewwel eżempju li ġie skopert: Trelleborg qrib Slagelse, li ġie skavat fl-1936-1941. Tradizzjonalment, l-isem trelleborg ġie tradott u spjegat bħala "fortizza mibnija mill-iskjavi", peress li l-kelma bin-Norveġiż Antik għal skjav kienet thrall (attwalment træl bid-Daniż u träl bl-Iżvediż) u borg tfisser "fortizza jew belt". Il-kelma trel (plural: trelle) hija spjegazzjoni plawżibbli wkoll u hija marbuta mal-pilastri tal-injam fuq iż-żewġ naħat tal-ħitan ċirkolari protettivi.[3]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Għall-ħabta tad-974, ir-re Daniż tal-Vikingi Harald Bluetooth tilef il-kontroll tad-Danevirke u ta' partijiet min-Nofsinhar ta' Jutland li spiċċaw taħt il-kontroll tas-Sassoni. Il-kumpless kollu ta' fortifikazzjonijiet, pontijiet u toroq li nbnew għall-ħabta tad-980, uħud isostnu li huma xogħol Harald u li huma parti minn sistema difensiva ikbar. Il-fortifikazzjonijiet b'disinn u ta' data simili nstabu madwar irħula antiki oħra fl-Iskandinavja, pereżempju f'Aarhus, iżda ma għandhomx il-ġeometrija ċirkolari perfetta tal-fortizzi tondi tal-Vikingi. Il-biċċa l-kbira tal-fortizzi ġew datati li jmorru lura għar-renju ta' Harald Bluetooth, li dam mill-ħabta tad-958 sad-986. Madankollu, il-Forti ta' Borgeby, ġie datat li jmur lura għall-ħabta tas-sena 1000, għalkemm id-data preċiża mhix ċerta, u jista' jkun li nbena wkoll bħala parti mill-imbottatura ta' Bluetooth għall-fortifikazzjonijiet.
Minkejja dan, l-iskop preċiż tal-fortizzi tondi tal-Vikingi mhux magħruf. Xi storiċi jsostnu li kienu jiffunzjonaw bħala barrakki militari jew postijiet għat-taħriġ, fosthom Sweyn Forkbeard. Madankollu, x'aktarx li kienu maħsuba bħala fortizzi difensivi tul punti kummerċjali strateġiċi u/jew stazzjonamenti amministrattivi ta' stat li kien qed jiffjorixxi.[4][5] Søren Sindbæk ħareġ bl-ipoteżi li l-fortizzi tondi kienu jippermettu lill-popolazzjonijiet lokali jistkennu fi ħdan il-fortizzi kontra l-għadu sakemm jingħataw l-għajnuna minn forzi sħabhom mill-bogħod. Dan ifisser li l-fortizzi tondi għenu lil Harald Bluetooth jikkontrolla territorju enormi u seta' jibgħat l-armata tiegħu lejn parti partikolari tat-territorju tiegħu mingħajr ma kellu għalfejn jinkwieta li l-partijiet mhux difiżi kienu se jinħakmu jew jinsterqulhom ir-rikkezzi tagħhom.[6] Oħrajn iddibattew jekk il-fortizzi tondi kinux tassew strutturi difensivi, fortizzi militari jew intużawx primarjament bħala barrakki, kif ukoll dwar l-importanza ekonomika, reliġjuża u simbolika tal-fortizzi.[7]
Ħafna mill-fortizzi tondi ġew abbandunati sal-aħħar ta' Żmien il-Vikingi. Bosta minnhom kienu inkorporati f'insedjamenti oħra, bħal Nonnebakken li issa tinsab taħt Odense, u Trelleborgen taħt il-belt Żvediża ta' Trelleborg. Oħrajn, intesew u nħakmu mill-pajsaġġ. L-iskoperta moderna mill-ġdid ta' dawn is-siti bdiet fis-snin 30 tas-seklu 20, bl-iskavi ta' Trelleborg fid-Danimarka. Minn dak iż-żmien 'l hawn, total ta' seba' siti ġew rikonoxxuti uffiċjalment bħala fortizzi tondi tal-Vikingi. Fl-2009 ġie ssuġġerit possibbilment it-tmien sit f'Helsingborg wara skavi arkeoloġiċi li kienu ilhom isiru mill-1987. Il-fortizza tonda ta' Helsingborg jaf kienet l-ikbar fosthom, b'dijametru ta' 270 metru. Sit ieħor f'Rygge ġie propost ukoll, iżda ma ġiex ikkonfermat.[8]
Instabu strutturi simili f'diversi postijiet fit-Tramuntana tal-Ewropa, b'mod partikolari fl-Irlanda, iżda l-ebda minnhom ma għandhom l-istess disinn ġeometriku rigoruż u preċiż tal-fortizzi tondi Skandinavi. Mal-kosta tan-Netherlands u tal-Belġju hemm kastelli tondi daqsxejn simili wkoll. Fuq il-gżira ta' Walcheren, pereżempju, hemm il-fdalijiet ta' kastell b'daħliet fl-erba' punt kardinali, flimkien ma' toroq differenti. Fortijiet simili jinsabu wkoll fl-Ingilterra, bħall-Kamp ta' Warham. Dawn ġeneralment imorru lura għall-ħabta tal-ħakma Rumana tal-Brittanja Ċeltika u kienu ilhom fi stat ta' fdalijiet għal mijiet ta' snin qabel ma nbnew il-fortijiet tondi tal-Vikingi.
Ħames fortizzi tondi tal-Vikingi fid-Danimarka tniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[2]
Fortizzi tondi tal-Vikingi
[immodifika | immodifika s-sors]Konfermati
- Aggersborg, qrib Aggersund, id-Danimarka;
- Borgeby, fit-Tramuntana ta' Lund fi Scania, l-Iżvezja;
- Borrering, qrib Køge, id-Danimarka;
- Fyrkat, qrib Hobro, id-Danimarka;
- Nonnebakken, f'Odense, id-Danimarka;
- Trelleborg, qrib Slagelse, id-Danimarka;
- Trelleborgen, fi Trelleborg, Scania, l-Iżvezja.
Suspettati
- Helsingborg, fi Scania, l-Iżvezja;
- Rygge (59.38712°N 10.7062°E), f'Østfold, in-Norveġja.
Tqabbil tas-seba' fortifikazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Il-fortizzi tondi tal-Vikingi jvarjaw ferm minn tipi oħra ta' fortifikazzjonijiet ta' Żmien il-Vikingi. Għad-differenza ta' fortijiet ċirkolari oħra minn ta' dak iż-żmien, il-fortijiet tondi li jsegwu l-mudell ta' Trelleborg inbnew fuq pjanta stettament ġeometrika u mkejla bil-piedi Rumani. Il-qiegħ ippuntat tal-ħniedaq huwa element ieħor misluf mir-Rumani Antiki. Dawn il-fortijiet kollha kellhom disinn simili, "perfettament ċirkolari b'daħliet li jagħtu għall-erba' punti kardinali tad-dinja, u spazju miftuħ maqsum f'erba' fejn kien ikun hemm djar kbar ħdejn xulxin f'għamla kwadra".
Permezz tad-datazzjoni bid-dendrokronoloġija nstab l-injam li ntuża għall-kostruzzjoni ta' Trelleborg kien inqata' fil-ħarifa tad-980 u b'hekk x'aktarx li ntużaw għall-bini fir-rebbiegħa tad-981. Iż-żmien pjuttost qasir ta' kostruzzjoni u n-nuqqas sħiħ ta' xi sinjali ta' manutenzjoni jindikaw użu qasir biss tal-binjiet, forsi ħames snin sa mhux iktar minn għoxrin sena. L-oħrajn ġew datati li jmorru lura bejn wieħed u ieħor għall-istess żmien. Is-sit ta' Fyrkat jaf hu kemxejn eqdem, filwaqt li dak ta' Aggersborg hu kemxejn iktar reċenti. Ma nstabx biżżejjed fis-siti l-oħra għal datazzjoni preċiża, iżda l-kostruzzjoni u l-konfigurazzjoni tat-trelleborgs fi Slagelse, Fyrkat, Aggersborg, Nonnebakken taħt Odense u l-forti taħt Trelleborg moderna fl-Iżvezja tant huma simili li x'aktarx inbnew bi pjanta unika.
Isem | Dijametru intern | Wisa' tal-ħitan tal-fortifikazzjoni | Għadd ta' djar | Tul tad-djar | Pożizzjoni | Sena tal-iskoperta | Sena tal-kostruzzjoni |
---|---|---|---|---|---|---|---|
Aggersborg | 240 metru | 11-il metru | 48 | 32 metru | 56°59′44″N 9°15′18″E | 975-980 | |
Borgeby | 150 metru | 15-il metru | 55°45′05″N 13°02′12″E | 1997 | |||
Borrering | 122 metru | bejn 10 metri u 11-il metru | 55°28′11″N 12°7′19″E | 2014 (1875) | |||
Fyrkat | 120 metru | 13-il metru | 16 | 28.5 metru | 56°37′24″N 9°46′14″E | 1950 | 980 |
Nonnebakken | 120 metru | 55°23′32″N 10°23′17″E | 1953 | 980-1000 | |||
Trelleborg | 136 metru | 19-il metru | 16 (30) | 29.4 metru | 55°23′39″N 11°15′55″E | 1936 | 981 |
Trelleborgen | 112-il metru | 55.3762°N 13.1476°E | 1988 | għall-ħabta tat-800 |
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Fortijiet Tondi tal-Vikingi ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]-
Veduta ta' Fyrkat mill-ajru.
-
Rikostruzzjoni ta' binja tipika ta' Fyrkat.
-
Rikostruzzjoni tal-ħitan tal-fortizza ta' Trelleborg.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Weidhagen-Hallerdt, Margareta (2009). "A possible ring fort from the late Viking period in Helsingborg. Current Swedish Archaeology. 17" (PDF). Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-2014-10-19. Miġbur 2023-10-05.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Viking-Age Ring Fortresses". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-05.
- ^ Janne Bøje Andersen (2010). Veje ind i arkæologien (bid-Daniż). p. 66. ISBN 978-87-993972-0-4.
- ^ Brown, Hannah; Goodchild, Helen; Sindbæk, Søren M. (2014). "Making Place for a Viking Fortress. An archaeological and geophysical reassessment of Aggersborg, Denmark". Internet Archaeology. 36 (36).
- ^ Dobat, Andres Siegfried (2009). "The State and the Strangers: The Role of External Forces in a Process of State Formation in Viking-Age South Scandinavia (c. ad 900-1050)". Viking and Medieval Scandinavia. 5: 65–104.
- ^ Sindbæk, Søren (2020-01-01). "Borgring and Harald Bluetooth's Burgenpolitik". Viking Encounters. Proceedings of the Eighteenth Viking Congress, Denmark, August 6-12, 2017.
- ^ Price, T. Douglas (2015). Ancient Scandinavia: An Archaeological History from the First Humans to the Vikings. Oxford University Press. p. 350. ISBN 978-0-19-023199-6.
- ^ "Arkeologi i nord: En trelleborg i Rygge?". 2005-03-29. Miġbur 2023-10-05.