Fortizza ta' Diyarbakır
Il-Fortizza ta' Diyarbakır hija fortizza storika f'Sur, Diyarbakır, it-Turkija. Tikkonsisti minn fortizza interna u fortizza esterna.[1]
Id-daħliet prinċipali tal-fortizza huma: id-Daħla tal-Muntanja (bit-Tork: Dağ), id-Daħla ta' Urfa, id-Daħla ta' Mardin, u d-Daħla l-Ġdida (bit-Tork: Yeni). Il-ħitan joriġinaw mill-belt Rumana antika ta' Amida u nbnew fl-għamla attwali tagħhom f'nofs is-seklu 4 W.K. mill-Imperatur Kostanzju II. Skont l-istoriku Armen Movses Khorenatsi, il-fortifikazzjonijiet u s-swar sodi setgħana ta' Amid-Diyarbakır inbnew f'nofs is-seklu 6 Q.K. taħt ir-Re Tigranes u matul id-dinastija Yervanduni (Orontid). Is-swar kienu l-usa' u l-itwal ħitan difensivi kompluti fid-dinja wara biss il-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina (il-Ħitan ta' Teodożju pereżempju huma itwal iżda mhumiex kontinwi).[2][3]
It-Turkija żiedet il-Fortizza ta' Diyarbakır bħala sit indikattiv tal-UNESCO fis-sena 2000[1], u s-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2015 flimkien mal-Ġonna ta' Hevsel.[4]
Konservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Mis-sena 2000 sal-2007, taħt it-tmexxija tas-sindku Feridun Çelik, twettaq restawr ewlieni tal-ħitan tal-fortizza. Il-binjiet li kien inbnew direttament mas-swar tneħħew, il-ħitan tnaddfu u nħoloq ġnien mad-dawra kollha tal-ħitan.[5] Għalkemm il-ħitan u l-fortizza stess xi darba kien tqabblu mal-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina, l-affarijiet bdew jinbidlu meta beda jinqala' l-inkwiet u saħansitra gwerra fir-reġjun matul l-2015;[6] xi ħitan mill-fortizza ġġarrfu, flimkien ma' moskea, żewġ knejjes, u d-djar ta' bosta ċittadini ċivili, u b'hekk xi sezzjonijiet ġew abbandunati.[6]
Mat-tkomplija tal-gwerra, il-gvern tat-Turkija u l-UNESCO b'mod konġunt bdew sforz ta' rikostruzzjoni u ta' preservazzjoni, bil-ħsieb li x-xogħlijiet jitlestew fi żmien sentejn, bil-qerda ta' parti mill-belt.[7] Fl-4 ta' Lulju 2015, l-UNESCO żiedet il-fortizza u l-Ġonna ta' Hevsel fuq il-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[8] L-enfasi ewlenija tal-UNESCO kienet li jiġi protett l-ambjent tat-territorju stess, iktar milli l-wirt tat-territorju biss. Il-Prim Ministru Tork semma wkoll pjanijiet ta' rikostruzzjoni tas-swar tal-belt bħala attrazzjoni turistika kbira bil-ħsieb li jħaqquha ma' Pariġi, Franza; dan ħoloq kontroversja konsiderevoli f'Diyarbakır, u xi ċittadini lokali bdew jibżgħu li b'hekk kienu se jitilfu l-wirt kulturali antik tagħhom.[6]
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Fortizza ta' Diyarbakır inbniet bil-ġebel, bażalt iswed, u tajn u ħamrija kkumpattjati, u sarulha bosta rinnovazzjonijiet tul is-snin; il-fortifikazzjonijiet tal-bażalt huma tassew sodi, waħda mir-raġunijiet għaliex l-istruttura baqgħet pjuttost intatta għal iżjed minn 2,000 sena. Il-Fortizza ta' Diyarbakır hija fost l-aqwa eżempji eżistenti ta' kastell jew forti li nbnew b'karatteristika naturali bħal irdum jew korp tal-ilma fuq naħa waħda bħala konfini. Il-ħitan għandhom funzjoni simbolika kif ukoll difensiva, b'kitbiet imnaqqxa fuq il-ħitan interni tal-belt (il-forti) li huma xhieda tal-istorja tal-belt ta' Diyarbakır.[9]
Illum il-ġurnata, il-Fortizza ta' Diyarbakır tista' tiġi maqsuma f'żewġ kategoriji, il-bastjun u ċ-ċittadella. Fil-Grigal, iċ-ċittadella fiha l-ewwel insedjament ġo Diyarbakır, u s-swar ta' madwarha huma twal 598 metru. Il-bastjun fih torrijiet u l-kumplament tas-swar tal-belt, madwar il-parti ferm iktar urbana tal-belt ta' Diyarbakır. Il-biċċa l-kbira ta' dawn is-swar inbnew b'sengħa tax-xogħol bil-ġebel u bi stili tal-kostruzzjoni tradizzjonali; it-torrijiet fihom bejn żewġ u erba' sulari u għandhom ħxuna ta' 4.4 metri fuq il-pjan terran u jirqaqu fis-sulari ta' fuq.[9]
Il-pjanta tal-kastell tiżvela d-dominanza ta' żewġ forom differenti ta' binjiet, ċirkolari u tetragonali. Is-swar kienu maqsuma f'ħames gruppi, u erba' minnhom kellhom it-torrijiet madwar l-erba' daħliet prinċipali, filwaqt li l-ħames grupp kellu torrijiet madwar iċ-ċittadella. Instab li 65 mit-82 torri oriġinali għadhom jeżistu fuq il-parti esterna tas-swar tal-belt u għad fadal 18-il torri taċ-ċittadella. Minħabba differenzi kulturali, il-forti sarulu xi modifiki; ġie rikostruwit, ġie msewwi u ġie mgħolli maż-żmien. Madankollu, it-tipoloġija kumplessiva baqgħet kostanti fir-rinnovazzjonijiet tal-forti.[9]
Kostruzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Fortizza ta' Diyarbakır inbniet għall-ewwel darba fil-297 W.K. mir-Rumani. Fit-349 W.K. is-swar ġew imkabbra b'mod sinifikanti fuq ordni tal-Imperatur Kostanzju II. Matul l-1,500 sena ta' wara, is-swar tkabbru u ġew iffortifikati bl-użu ta' blat vulkaniku mir-reġjun tal-madwar. Hemm erba' daħliet prinċipali u 82 torri tal-għassa mas-swar.[10] Is-swar tal-Fortizza ta' Diyarbakır għandha storja antika li tmur lura sar-Rumani. It-torrijiet tal-Fortizza ta' Diyarbakır inbnew l-iktar mir-Rumani u iktar 'il quddiem ġew rikostruwiti mill-Ottomani meta ħakmu l-belt fis-sekli 15 u 16. Matul it-telfa tas-Safavidi f'Diyarbakır, l-Ottomani qerdu s-swar bil-kanuni u b'hekk kellhom jiġu rikostruwiti.[10] Illum il-ġurnata, is-swar huma fil-biċċa l-kbira intatti u jiffurmaw qisu ċirku madwar iċ-ċentru storiku tal-belt b'ċirkonferenza ta' iktar minn tliet mili. Is-swar huma għoljin iktar minn 33 pied u ħoxnin madwar 10-16-il pied. Fl-1930 parti mis-swar twaqqgħu.[4] Is-swar tal-Fortizza ta' Diyarbakır huma l-usa' u l-itwal ħitan difensivi kompluti fid-dinja wara l-Ħajt il-Kbir taċ-Ċina.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Fortizza ta' Diyarbakır inbniet, intużat u ġiet rikostruwita matul il-perjodi taħt ir-Rumani u l-Ottomani, inkluż is-swar tal-belt ta' Diyarbakır li huma twal sa 53 metru. Hemm swar interni u esterni; is-sit fih ukoll bosta daħliet u torrijiet. Fuq is-swar hemm madwar 63 kitba mnaqqxa minn diversi perjodi storiċi, inkluż fdalijiet mill-Urri, il-Medi, l-Armeni, ir-Rumani, is-Sassanji, il-Biżantini, il-Marwanidi, l-Ajjubidi u l-Ottomani.[11] Il-belt titqies li għandha "karattru multikulturali u multilingwi".[12] Dan l-aħħar, il-gwerra bejn l-Armata Torka u l-milizji Kurdi wasslet għal ħsarat fil-fortizza u fil-monumenti tal-madwar, u fixklet il-pjanijiet tal-gvern biex il-fortizza storika tiġi kkonservata bit-tama li jiġu attirati t-turisti lejn iż-żona kulturali ta' Diyarbakır.[13] Kważi terz taċ-ċentru storiku tal-belt inqered mill-gvern Tork wara li ntemm il-ġlied, u b'hekk ikkawża ħsara irreversibbli f'parti mill-belt antika.[14]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Pajsaġġ Kulturali tal-Fortizza ta' Diyarbakır u tal-Ġonna ta' Hevsel ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2015.[4]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[4]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b "Diyarbakır Kalesi ve Surları (Diyarbakır)". web.archive.org. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2015-09-01. Miġbur 2022-04-12.
- ^ "Diyarbakır Surları". web.archive.org. 2015-05-23. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-05-23. Miġbur 2022-04-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Surlar". web.archive.org. 2018-09-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-09-02. Miġbur 2022-04-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Diyarbakır Fortress and Hevsel Gardens Cultural Landscape". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-12.
- ^ Watts, Nicole F. (2011-07-01). Activists in Office: Kurdish Politics and Protest in Turkey. University of Washington Press. p. 155. ISBN 9780295800820.
- ^ a b ċ "Heartbreak in Turkey's Diyarbakir as development transforms ancient Sur - Al-Monitor: The Pulse of the Middle East". www.al-monitor.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-12.
- ^ "Historic structures damaged in Diyarbakır". Hürriyet Daily News (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-12.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Sites in Denmark, France and Turkey inscribed on UNESCO's World Heritage List". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-12.
- ^ a b ċ Halifeoglu, Fatma Meral (2013-06-01). "Castle architecture in Anatolia: Fortifications of Diyarbakir". Frontiers of Architectural Research. 2 (2): 209–221. ISSN 2095-2635.
- ^ a b "Diyarbakir City Walls" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-12.
- ^ ebrulitur, About The Author. "Diyarbakır Fortress and Hevsel Gardens Cultural Landscape (2015) | EBRULI TOURISM- IZMIR-TURKEY" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-04-12.
- ^ "Diyarbakır Castle and Fortress". www.ktb.gov.tr. Miġbur 2022-04-12.
- ^ "No return from damage". www.rudaw.net. Miġbur 2022-04-12.
- ^ Duvar, Gazete (2017-11-29). "Sur'da neler yaşandı?." (bit-Tork).