Foresti Muntanjużi ta' Odzala-Kokoua
Il-Foresti Muntanjużi ta' Odzala-Kokoua jew il-Park Nazzjonali ta' Odzala-Kokoua jew il-Park Nazzjonali ta' Odzala huma park nazzjonali fir-Repubblika tal-Kongo.[1][2] Il-park ġie protett għall-ewwel darba fl-1935, ġie ddikjarat riżerva ta' bijosfera fl-1977, u ngħata deżinjazzjoni uffiċjali permezz ta' digriet presidenzjali fl-2001. Il-Park Nazzjonali ta' Odzala-Kokoua fih bejn wieħed u ieħor 100 speċi ta' mammiferi, u waħda mill-popolazzjonijiet l-iktar diversi ta' primati fl-Afrika. L-organizzazzjoni tal-konservazzjoni mingħajr skop ta' qligħ tal-Parks Afrikani bdiet tiġġestixxi l-park b'kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ekonomija Forestali, għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-Ambjent tar-Repubblika tal-Kongo fl-2010.
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Odzala-Kokoua huwa park nazzjonali u riżerva ta' bijosfera ta' madwar 13,500 kilometru kwadru (5,200 mil kwadru) fil-Majjistral tar-Repubblika tal-Kongo li ġie stabbilit fl-1935.[3][4] Il-park ippreserva l-foresta tropikali primordjali u l-artijiet varjabbli, li tvarja minn għoljiet ta' 350 metru (1,150 pied) sa ġungla densa u foresti fil-beraħ. Il-Park Nazzjonali ta' Odzala-Kokoua jinkludi ekosistemi ta' foresti nexfin, ta' savanna u ta' foresti tropikali.[5][6] Il-park jiġi ġestit mill-Park Afrikani fi sħubija mal-gvern tar-Repubblika tal-Kongo.[7]
Storja u turiżmu
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Odzala-Kokoua huwa wieħed mill-eqdem parks nazzjonali tal-Afrika. Ġie protetta għall-ewwel darba fl-1935 u mbagħad ingħata deżinjazzjoni uffiċjali permezz ta' digriet presidenzjali mingħand Denis Sassou Nguesso fl-2001. Il-park ġie ddeżinjat riżerva ta' bijosfera fl-1977, u mill-1992 ġie amministrat bl-assistenza finanzjarja mill-Konservazzjoni u l-Użu Razzjonali tal-Ekosistemi Forestali fl-Afrika Ċentrali (ECOFAC), programm sponsorjat mill-Unjoni Ewropea li jistabbilixxi qafas għall-konservazzjoni tal-foresti tropikali fir-reġjun. L-isforzi ta' konservazzjoni kienu limitati matul il-Gwerra Ċivili tar-Repubblika tal-Kongo (1997-1999).[8] Il-Park Nazzjonali ta' Odzala-Kokoua ġie ttraskurat għal snin sħaħ għall-ħabta meta kien hemm it-tifqigħat tal-ebola, u kien fil-mira ta' bosta nassaba. It-turiżmu kien limitat sa ftit żmien ilu, b'saħansitra 50 turist biss żaru s-sit fl-2011.
L-organizzazzjoni tal-Parks Afrikani bdiet tiġġestixxi l-park fl-2010, bħala parti minn ftehim ta' 25 sena mal-Ministeru għall-Foresti u għall-Iżvilupp Sostenibbli tar-Repubblika tal-Kongo.[9] Fl-2013, l-organizzazzjoni tal-Parks Afrikani, is-Servizz tal-Istati Uniti għall-Ħut u għall-Organiżmi Selvaġġi, is-Soċjetà tal-Konservazzjoni tal-Organiżmi Selvaġġi, u l-Fond Dinji għan-Natura daħlu għal ftehim ta' 10 miljun dollaru fuq ħames snin biex jikkollaboraw u jaħdmu għall-konservazzjoni tal-Park Nazzjonali ta' Odzala-Kokoua u l-Park Trinazzjonali ta' Sangha. Is-Soċjetà tal-Konservazzjoni tal-Organiżmi Selvaġġi ilha tappoġġa l-ġestjoni u l-preservazzjoni tal-park u ta' parks nazzjonali oħra min-naħa tal-gvern mill-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20.[10] L-organizzazzjoni tal-Parks Afrikani bdiet l-ewwel programm ta' amnestija tal-armi tan-nar fil-Kongo fl-2013, u offriet karigi ta' rangers tal-park lin-nassaba bi tpartit għall-armi tan-nar u l-għarfien dwar l-insib.[11]
Skont CNN, fil-bidu tal-2014 kien hemm 76 gwadrjan jgħasses il-Park Nazzjonali ta' Odzala-Kokoua. Żewġ klieb tar-razza Malinois ġew imħarrġa jindividwaw l-avorju u l-laħam tal-annimali fl-2014, fi sforz sabiex jitnaqqas l-insib.[12] Minkejja l-istatus ta' park nazzjonali, li jħares il-park mill-estrazzjoni, Mongabay irrapportat fl-2016 li nħarġu xi permessi ta' estrazzjoni mill-gvern li ħallew li ssir l-estrazzjoni tal-minerali f'partijiet mill-park.
Il-Park Nazzjonali ta' Odzala-Kokoua fetaħ għaż-żjarat turistiċi f'Awwissu 2012. Il-kumpanija Wilderness Safaris investiet fil-park billi tejbet l-infrastruttura, bniet żewġ loġoġ lussużi, u pprovdiet taħriġ addizzjonali lill-gwidi u lir-rangers. Il-loġoġ damu sitt snin biex isiru operattivi għalkollox, u rċevew finanzjament mill-filantropu Sabine Plattner,[13] il-mara tan-negozjant Ġermaniż Hasso Plattner.[14] Il-kuntratt operattiv tal-kumpanija ntemm fl-2015, u l-loġoġ minn dak iż-żmien 'l hawn ġew ġestiti direttament mill-Kumpanija tal-Konservazzjoni tal-Kongo, stabbilita u ffinanzjata minn Sabine Plattner.[15][16]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Foresti Muntanjużi ta' Odzala-Kokoua ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[17]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[17]
Flora u fawna
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Foresti Muntanjużi ta' Odzala-Kokoua fih bejn wieħed u ieħor 4,500 speċi ta' pjanti u ta' siġar. Il-maġġoranza enormi tal-foresti tal-park huma b'kanopew fil-beraħ b'siġar Marantaceae.
Mammiferi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-park fih madwar 100 speċi ta' mammiferi, u waħda mill-iżjed popolazzjonijiet bl-iktar diversità ta' primati fil-kontinent. Il-Foresti Muntanjużi ta' Odzala-Kokoua fl-imgħoddi kien fihom kważi 20,000 gorilla. Madankollu, fl-2002-2005 sensiela ta' tifqigħat tal-marda bil-virus tal-ebola qatlu 70-95 % tal-popolazzjoni tal-park.[18] Fl-2005, il-virus tal-ebola qatel kważi 5,000 gorilla f'erja ta' 1,042 mil kwadru (2,700 km2) tal-park, skont is-Servizz tal-Istati Uniti tal-Ħut u tal-Organiżmi Selvaġġi. L-għadd ta' gorilli fil-Foresti Muntanjużi ta' Odzala-Kokoua żdied minn dak iż-żmien, bis-saħħa tal-isforzi tal-organizzazzjonijiet ta' konservazzjoni u mill-inqas kumpanija waħda tat-turiżmu biex il-park jiġi ppreservat u riabilitat.
Stħarriġ tal-primati li jkunu attivi binhar, li twettaq lejn nofs is-snin 90 tas-seklu 20, wera li hemm popolazzjoni sinifikanti ta' xadini fir-reġjun forestali tar-Repubblika tal-Kongo. Fost l-ispeċijiet li ġew individwati kien hemm il-gorilla tal-artijiet baxxi tal-Punent u ċ-chimpanzee tal-artijiet ċentrali, kif ukoll tmien speċijiet ta' xadini: it-talapoin tal-Angola, il-mangabej tat-toppu iswed, ix-xadina mona, ix-xadina ta' De Brazza, ix-xadina l-kbira ta' mneħirha bit-tikek, il-guereza tal-mant, il-gwenon tal-mustaċċi, u l-mangabej tax-xmara Tana.[19] L-għadd ta' bejtiet tal-gorilli kien l-ikbar fil-foresti fil-beraħ bis-siġar Marantaceae; il-bejtiet taċ-chimpanzees kienu abbundanti l-iktar fil-foresti primarji bis-siġar Marantaceae. L-ispeċijiet kollha ta' xadini nstabu fl-iżjed żoni densi bil-foresti, iżda erba' speċijiet biss kienu preżenti fil-foresti tat-terra firma. Il-Foresti Muntanjużi ta' Odzala-Kokoua kellhom l-ogħla densitajiet ta' gorilli tal-artijiet baxxi tal-Punent u ta' chimpanzees fl-Afrika Ċentrali rreġistrati sa issa. Il-produttività għolja tal-foresti u t-tnaqqis tal-insib huma maħsuba li kkontribwew għal dan is-suċċess.
Ir-riżultati ta' stħarriġ li twettaq fl-irqajja' fil-beraħ fil-parti tat-Tramuntana tal-park, li ġew ippubblikati fl-1998, urew il-preżenza ta' tlettax-il mammiferu kbir, fosthom l-iżjed frekwenti kienu l-bongo, il-buflu, l-iljunfant Afrikan, il-ħanżir selvaġġ tal-foresti, il-ħanżir selvaġġ ġgantesk tal-foresti, il-gorilla u s-sitatunga.[20] Speċijiet oħra ta' mammiferi li ġew irreġistrati jinkludu ż-żibett Afrikan,[21] l-iljunfant tal-foresti Afrikan, ix-xadina colubus bajda u sewda, u ċ-chimpanzee komuni. L-insib ġie attribwit bħala l-kawża tad-deklin fil-popolazzjoni tal-iljunfanti fil-park. Stħarriġiet dwar il-popolazzjoni tal-iljunfanti Afrikani tal-Foresti Muntanjużi ta' Odzala-Kokoua stmaw li kien hemm madwar 18,200 iljunfant u 13,500 iljunfant fis-sena 2000 u fl-2005, rispettivament.[22] Fl-2014 kien hemm madwar 9,600 iljunfant.
Fl-2007 instab li l-jeni tat-tikek kienu abbundanti fiż-żona tas-savanna tal-park.[23] Fl-2013, l-iljun kien meqjus estint lokalment, peress li l-ispeċi ma ġietx irreġistrata għal ħmistax-il sena. Ir-riżultati ta' stħarriġ ippubblikati fl-2014 żvelaw l-assenza tal-iljun, iżda mill-inqas 46 jena ġew irreġistrati fl-ekosistema tas-savanna tal-park. Barra minn hekk, ġew irreġistrati wkoll il-qattus selvaġġ Afrikan, il-leopard u s-serval. Id-deklin fil-popolazzjonijiet tal-iljuni u tal-jeni tat-tikek x'aktarx li ġie kkawżat mill-isfruttament żejjed.[24] Fost l-ispeċijiet ta' għażżiela hemm id-duiker tal-bajja, id-duiker ta' wiċċu iswed, id-duiker ta' Peters u d-duiker ta' żaqqu bajda.[25]
Diversi awturi nnutaw l-importanza tal-irqajja' forestali fil-beraħ għall-popolazzjonijiet tal-mammiferi fil-park.[26]
Għasafar
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-park ġew irreġistrati bejn wieħed u ieħor 440 speċi ta' għasafar.[27] L-ispeċijiet jinkludu l-ajkla Afrikana wikkiela tal-ħut, il-pespus ta' dahru iswed, l-apalis ta' sidru iswed, il-perniċjotta tal-ġwienaħ suwed, id-daqquqa tal-għalla tal-Lvant, il-pitirross tal-foresti, id-daqquqa tat-toppu tal-foresti, il-bekkaċċ, il-ħamiema ħadra, il-pappagall griż, il-beggazzina ta' rasha griża, l-ispanjulett sekond, il-kokka ta' Pel, l-għasfur ta' San Martin abjad u iswed, il-krombek tal-kappa ħamra, il-ħuttafa tal-irdumijiet ta' sidirha aħmar, il-vjolin tal-Uganda, is-sitagra tal-kappa safra. Ir-russetti, il-buċerotidi u l-għasafar ta' San Martin huma preżenti wkoll, u r-russett ġgantesk, il-buċerotidi pigmej suwed, u l-għasafar ta' San Martin ġganteski.
Rettili, anfibji, ħut u insetti
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kukkudrilli, il-gremxul u ż-żrinġijiet jgħixu fil-Park Nazzjonali ta' Odzala-Kokoua. Studju ppubblikata f'Zootaxa fl-2010 irrapporta l-preżenza ta' ħdax-il speċi ta' Petrocephalus.[28] L-ispeċi distikodontida ta' ħut Hemigrammocharax rubensteini, deskritt fl-2013, ġiet irreġistrata fil-park.[29] Il-Park Nazzjonali ta' Odzala-Kokoua jospita varjetà ta' speċijiet ta' insetti, inkluż in-nemel, in-naħal, il-friefet u t-termiti.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Swails, Arwa Damon,Brent (2014-01-06). "Poachers are the prey in a park in the Republic of Congo". CNN (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-22.
- ^ "Sangha Trinational & Odzala National Park" (PDF).
- ^ "Gorilla spotting in the Republic of Congo". www.bbc.com. Miġbur 2024-02-22.
- ^ Sayer, Jeffrey (1992). The Conservation Atlas of Tropical Forests: Africa. Springer. p. 129. ISBN 9781349129614.
- ^ "Gamble in the jungle". www.ft.com. Miġbur 2024-02-22.
- ^ "When safaris are too tame, try trekking in the Congo instead". The Independent (bl-Ingliż). 2017-02-06. Miġbur 2024-02-22.
- ^ "Brazzaville-issued mining permits dip into Congo's flagship park". Mongabay Environmental News (bl-Ingliż). 2016-10-31. Miġbur 2024-02-22.
- ^ Caldecott, Julian Oliver; Miles, Lera (2005). World Atlas of Great Apes and Their Conservation. University of California Press. p. 325. ISBN 9780520246331.
- ^ "Secrets of the Forest - Cape Times (South Africa) | HighBeam Research". web.archive.org. 2018-03-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-03-18. Miġbur 2024-02-23.
- ^ "Congo Shows Impressive Leadership on Wildlife Trafficking - Cape Times (South Africa) | HighBeam Research". web.archive.org. 2018-03-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-03-18. Miġbur 2024-02-23.
- ^ Tanna, Asha (2014-02-13). "'Poaching is too much risk' – the pygmy poacher who became elephant protector" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-23.
- ^ "S. African Dogs Trained to Fight Poaching - Sunday Gazette-Mail | HighBeam Research". web.archive.org. 2018-03-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-03-18. Miġbur 2024-02-23.
- ^ "Education and Ecotourism in Congo - The Mercury (South Africa) | HighBeam Research". web.archive.org. 2018-03-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-03-18. Miġbur 2024-02-23.
- ^ Grainger, Lisa (2016-02-05). "The Congo: Gorillas in the wild" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-23.
- ^ "Développement touristique : la Cuvette ouest, un département potentiellement riche | adiac-congo.com : toute l'actualité du Bassin du Congo". www.adiac-congo.com. Miġbur 2024-02-23.
- ^ "At home: Sabine Plattner". www.ft.com. Miġbur 2024-02-23.
- ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Forest Massif of Odzala-Kokoua". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-22.
- ^ "Ebola Die-Off: Gorilla Losses Tallied in Central Africa - Science News | HighBeam Research". web.archive.org. 2018-03-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-03-18. Miġbur 2024-02-23.
- ^ Bermejo, M. (1999). "Status and conservation of primates in Odzala National Park, Republic of the Congo". Oryx. 33 (4): 323–331.
- ^ Vanleeuwe, H.; Cajani, S.; Gautier-Hion, A. (1998). "Large mammals at forest clearings in the Odzala National Park, Congo". Revue d'Écologie. 53 (2): 171–180.
- ^ "Leo's Star Sets in the West - Natural History | HighBeam Research". web.archive.org. 2018-03-18. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-03-18. Miġbur 2024-02-23.
- ^ Blanc, J. J. (2007). African Elephant Status Report 2007: An Update from the African Elephant Database. International Union for Conservation of Nature. p. 46. ISBN 9782831709703.
- ^ Hayward, M. W.; Somers, M. (20 April 2009). Reintroduction of Top-Order Predators. John Wiley & Sons. p. 223. ISBN 9781405192736.
- ^ Henschel, P.; Malanda, G.-A.; Hunter, L. (2014). "The status of savanna carnivores in the Odzala-Kokoua National Park, northern Republic of Congo". Journal of Mammalogy. 95 (4): 882–892.
- ^ East, R. (1990). Antelopes: Global Survey and Regional Action Plans, Part 3. International Union for Conservation of Nature. p. 124. ISBN 9782831700168.
- ^ Vanleeuwé, H.; Gautier-Hion, A. (June 1998). "Forest elephant paths and movements at the Odzala National Park, Congo: the role of clearings and Marantaceae forests". African Journal of Ecology. 36 (2): 174–182.
- ^ "BirdLife Data Zone". datazone.birdlife.org. Miġbur 2024-02-23.
- ^ Issues in Life Sciences: Zoology: 2011 Edition. ScholarlyEditions. January 9, 2012. p. 695. ISBN 9781464964381.
- ^ Jerep, Fernando C.; Vari, Richard P. (27 March 2013). "New Species of Hemigrammocharax (Characiformes: Distichodontidae) from the Northwestern Congo River Basin". Copeia. 2013: 31–37.