Fabbrika ta' Fagus

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-faċċata tal-Fabbrika ta' Fagus

Il-Fabbrika ta' Fagus (bil-Ġermaniż: Fagus Fabrik jew Fagus Werk) hija fabbrika tal-forom tal-injam għall-produzzjoni taż-żraben f'Alfeld max-xmara Leine, Niedersachsen, il-Ġermanja, u hija eżempju importyant ta' arkitettura moderna bikrija. Ġiet ikkummissjonata mis-sid Carl Benscheidt li ried struttura radikali biex juri li l-kumpanija nqatgħet mill-imgħoddi. Il-fabbrika ġiet iddisinjata minn Walter Gropius u Adolf Meyer. Inbniet bejn l-1911 u l-1913, b'xi żidiet minn barra u minn ġewwa kkompletati fl-1925. Tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011.[1]

Influwenzi[immodifika | immodifika s-sors]

Il-fabbrika tat-turbini tal-AEG

Il-binja li kellha l-ikbar influwenza fuq id-disinn tal-Fabbrika ta' Fagus kienet il-fabbrika tat-turbini tal-AEG tal-1909 f'Berlin, iddisinjata minn Peter Behrens. Gropius u Meyer it-tnejn li huma kienu ħadmu fuq il-proġett u permezz tal-Fabbrika ta' Fagus ippreżentaw l-interpretazzjoni u l-kritika tagħhom tax-xogħol tal-għalliem tagħhom. Il-binja prinċipali ta' Fagus tista' titqies bħala inverżjoni tal-fabbrika tat-turbini tal-AEG. It-tnejn li huma għandhom irkejjen ħielsa mir-riffieda, u wċuħ tal-ħġieġ bejn il-pilastri li jiksu l-għoli kollu tal-binja. Madankollu, fil-fabbrika tat-turbini tal-AEG, l-irkejjen huma mgħottijin b'elementi tqal li jiġu skuntrati 'l ġewwa. L-uċuħ tal-ħġieġ jiġu skuntrati 'l ġewwa wkoll u qegħdin iktar lura mill-pilastri. L-elementi li jifilħu t-tagħbija tnaqqsu u l-binja tagħti idea ġenerali ta' stabbiltà u ta' monumentalità. Fil-Fabbrika ta' Fagus jiġri eżatt il-kontra ta' dan; l-irkejjen tħallew miftuħin u l-pilastri qegħdin iktar lura bl-uċuħ tal-ħġieġ quddiemhom.[2] Gropius jiddeskrivi din it-trasformazzjoni billi jgħid:

"Ir-rwol tal-ħitan isir ristrett għal dak ta' sempliċi element diviżorju bejn il-kolonni weqfin tal-qafas biex jilqgħu għax-xita, għall-kesħa u għall-istorbju".[3]

Dak iż-żmien tad-disinn tal-Fabbrika ta' Fagus, Gropius kien iġemma r-ritratti tal-binjiet industrijali fl-Istati Uniti biex jintużaw għal pubblikazzjoni tad-Deutscher Werkbund. Id-disinn ta' dawn il-fabbriki Amerikani kien ukoll sors ta' ispirazzjoni għall-Fabbrika ta' Fagus.

Storja tal-kostruzzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Sid ta' Fagus[immodifika | immodifika s-sors]

Carl Behrens għall-ħabta tal-1922

Carl Benscheidt (1858-1947) stabbilixxa l-kumpanija Fagus fl-1910. Dak iż-żmien beda jaħdem għal Arnold Rikkli, li kien jipprattika l-mediċina naturopatika, u hemmhekk tgħallem dwar il-forom tal-injam għall-produzzjoni taż-żraben ortopediċi. Fl-1887 Benscheidt ġie impjegat mill-manifattur tal-forom tal-injam għall-produzzjoni taż-żraben Carl Behrens bħala maniġer tax-xogħlijiet fil-fabbrika tiegħu f'Alfeld. Wara l-mewt ta' Behrens fl-1896, Benscheidt sar il-maniġer ġenerali tal-kumpanija, li kienet fi triqitha biex issir waħda mill-ikbar f'dak is-settur fil-Ġermanja. F'Ottubru 1910, huwa rriżenja mill-kariga tiegħu minħabba differenzi fil-ħsieb bejnu u iben Behrens.[4]

Kummissjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Wara r-riżenja tiegħu, Benscheidt minnufih stabbilixxa l-kumpanija tiegħu stess. Huwa stabbilixxa sħubija ma' kumpanija Amerikana u b'hekk kiseb kemm il-kapital kif ukoll l-għarfien espert. Huwa xtara l-art ta' faċċata tal-fabbrika ta' Behrens u impjega lill-arkitett Eduard Werner (1847-1923), li kien jafu minn rinnovazzjoni preċedenti tal-fabbrika ta' Behrens. Għalkemm Werner kien speċjalista fid-disinn tal-fabbriki, Benscheidt ma kienx sodisfatt mid-dehra esterna tad-disinn tiegħu. Il-fabbrika tiegħu kienet isseparata minn dik ta' Behrens minn linja ferrovjarja u Benscheidt kien tal-fehma li l-elevazzjoni tal-binja fuq dik in-naħa (it-Tramuntana) setgħet tkun reklami permanenti għall-fabbrika tiegħu.[5][6] F'Jannar 1911 huwa kkuntattja lil Walter Gropius u offrielu x-xogħol ta' disinn mill-ġdid tal-faċċati tal-pjanta ta' Werner. Gropius aċċetta l-offerta u bdiet kollaborazzjoni twila li baqgħet għaddejja sal-1925 meta tlestew l-aħħar binjiet tas-sit.

Kostruzzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Dettall tal-faċċata tal-ħġieġ tal-Fabbrika ta' Fagus

Matul il-kostruzzjoni, Gropius u sieħbu Meyer kellhom pressjoni kbira biex iżommu l-istess ritmu tax-xogħol. Il-kostruzzjoni bdiet f'Mejju 1911 abbażi tal-pjanta ta' Werner, u Benscheidt ried li l-fabbrika tkun operattiva sax-xitwa tal-istess sena. Dan inkiseb fil-biċċa l-kbira tiegħu u fl-1912 Gropius u Meyer kienu qed jieħdu ħsieb id-disinn fuq ġewwa tal-binja prinċipali u tal-binjiet sekondarji iżgħar tas-sit.

Sabiex iħallas l-ispejjeż addizzjonali tad-disinn ta' Gropius, Benscheidt u s-sħab Amerikani tiegħu ddeċidew li tinbena binja iżgħar minn dik skont il-pjanta. Sax-xitwa tal-1912 kien ċar li l-fabbrika ma setgħetx tlaħħaq mal-għadd ta' ordnijiet u ġie deċiż tkabbir maġġuri. Din id-darba l-kuntratt ingħata direttament lil Gropius u lil Meyer, u minn dak iż-żmien 'il quddiem kienet l-unika arkitetti tal-Fabbrika ta' Fagus. It-tkabbir prattikament irdoppja l-uċuħ tal-binjiet billi tkabbret in-naħa tat-triq (in-Nofsinhar). B'hekk setgħet tiġi ppjanata sew l-elevazzjoni tat-triq. Inizjalment l-elevazzjoni tat-Tramuntana ġiet ikkunsidrata bħala l-elevazzjoni prinċipali, faċċata tal-linja ferrovjarja u l-fabbrika ta' Behrens.

Ix-xogħol fuq it-tkabbir beda fl-1913 u malli tlestiet faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija. Matul il-gwerra setgħu jsiru xi ftit xogħlijiet żgħar biss bħal fil-kompartiment tal-magni u fiċ-ċumnija li saret karatteristika prominenti tal-Fabbrika ta' Fagus.

Wara l-gwerra x-xoghħol kompla biż-żieda ta' binjiet minuri bħall-kamra tal-purtinar u l-ħajt mad-dawra tal-fabbrika. Matul dak iż-żmien, l-arkitetti, b'kollaborazzjoni mal-għalliema u mal-istudenti mill-Bauhaus, iddisinjaw l-inħawi fuq ġewwa u l-għamara tal-binja prinċipali. Huma rrakkomandaw ukoll diversi disinjaturi lil Benscheidt għall-kampanja ta' reklamar tal-Fabbrika ta' Fagus. Mill-1923 sal-1925, l-arkitetti ħadmu wkoll fuq tkabbir ġdid, iżda dan qatt ma twettaq. Fl-1927 Benscheidt kiteb lil Gropius biex jispjegalu li l-attivitajiet kollha kellhom jieqfu ħesrem minħabba diffikultajiet finanzjarji.

Binja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Fabbrika ta' Fagus fl-1911-1912

Il-binja li spiss tissejjaħ il-binja ta' Fagus hija l-binja prinċipali. Din inbniet fl-1911 skont il-pjanta ta' Werner iżda Gropius u Meyer iddisinjaw il-faċċati tal-ħġieġ u reġgħu kabbru l-binja kollha fl-1913. Il-binja ta' Fagus hija għolja 40 metru u hija magħmula minn brikks skuri pprojettati mill-faċċata b'erba' metri. Id-daħla bl-arloġġ hija parti mit-tkabbir tal-1913. Id-disinn fuq ġewwa tal-binja, li kien fiha l-iktar uffiċini, tlesta għall-ħabta ta' nofs is-snin 20 tas-seklu 20. Iż-żewġ binjiet kbar l-oħra fis-sit huma s-sala tal-produzzjoni u l-maħżen. It-tnejn li huma nbnew fl-1911 u tkabbru fl-1913. Is-sala tal-produzzjoni hija binja għolja sular. Kienet kważi inviżibbli mill-elevazzjoni tal-linja ferrovjarja (fit-Tramuntana) u ngħatat faċċata tagħha wara t-tkabbir. Il-maħżen huwa binja ta' erba' sulari bi ftit aperturi. Id-disinn tiegħu segwa l-pjanta oriġinali ta' Werner fid-dettall, u jitħalla barra mill-maġġoranza tar-ritratti tas-sit. Minbarra dawn il-binjiet, is-sit fih diversi binjiet żgħar iddisinjati minn Gropius u Meyer. Gropius u Meyer irnexxielhom jinfurżaw bidliet żgħar biss fil-konfigurazzjoni kumplessiva tal-fabbrika. B'mod ġenerali, il-pjanta maħsuba ta' Werner għall-binjiet individwali fi ħdan il-fabbrika twettqet; madankollu, inkisbu uniformità u koerenza ikbar permezz tar-riduzzjoniżmu ta' Gropius u ta' Meyer fl-għamla, fil-materjal u fil-kulur tal-Fabbrika ta' Fagus.

Sistema ta' kostruzzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Għal bosta snin, in-nies kienu jaħsbu li l-binja prinċipali kienet magħmula mill-konkos jew mill-azzar, minħabba l-faċċata tal-ħġieġ tagħha. Madankollu, waqt ir-rinnovazzjoni tal-binja matul is-snin 80 tas-seklu 20, kien ċar li dan ma kienx il-każ. Jürgen Götz, l-inġinier responsabbli għar-rinnovazzjoni mill-1982, jiddeskrivi s-sistema ta' kostruzzjoni kif ġej:

"Il-binja prinċipali nbniet fuq pjan terran sod strutturalment b'soqfa ċatti. Għall-ħitan tal-pjan terran intuża konkos mhux rinfurzat (konkos ikkumpressat), imħallat biċ-ċagħaq, taħlita batuta li ma kinitx kapaċi tiflaħ tagħbijiet individwali kbar. Mill-pjan terra 'l fuq, il-binja nbniet bil-brikks u b'art tal-injam rinfurzat. Is-soqfa ġew mirfuda b'qafas li jagħtih il-forma u kompluti bit-tkaħħil tal-ġibs fuq in-naħa tal-installazzjoni tas-servizzi. L-art kienet magħmula minn tavli fuq riffieda mhux fissi, jiġifieri bejn it-travi ta' taħthom. B'hekk, is-soqfa fil-binja prinċipali ma kinux kontinwi u ma setgħux jissodisfaw il-funzjoni meħtieġa ta' tisħiħ".[7]

L-istess tip ta' perċezzjoni żbaljata teżisti fir-rigward tal-faċċata tal-ħġieġ tal-binja li bosta kittieba jiddeskrivu bħala ħajt diviżorju qisu purtiera, simili għal dak li Gropius uża għall-binja tal-Bauhaus f'Dessau. Götz jiddeskriviha kif ġej:

"L-aperturi tat-twieqi kienu gwarniċi intradossi magħmula minn travi b'għamla tal-ittra L; il-kompożizzjoni interna b'muntini (id-diviżjonijiet tal-panewijiet tat-twieqi) orizzontali u vertikali kienet differenzjata b'tali mod li dawk vertikali kienu jidhru iktar irqaq fuq barra, filwaqt li dawk orizzontali kienu jidhru usa'. Madankollu, dawn il-gwarniċi kellhom għoli biss minn sular għall-ieħor, u kienu invitati mal-binja fuq erba' naħat; fil-fatt, sezzjoni waħda tul tliet sulari kienet tikkonsisti minn tliet sezzjonijiet differenti. Fuq in-naħa laterali tal-binja, pjanċi tal-azzar ħoxnin tliet millimetri kienu jissiġillaw il-feles bejn il-gwarniċ tat-twieqi u l-pilastri".[8]

Din id-deskrizzjoni tapplika biss għall-binja prinċipali. Götz innota li l-binjiet l-oħra kien ferm iktar sempliċi u wħud minnhom kienu fil-fatt magħmula mill-konkos u/jew mill-azzar.

Disinn[immodifika | immodifika s-sors]

Għall-ewwel darba faċċata sħiħa hija magħmula mill-ħġieġ. Il-pilastri riffieda huma ridotti għal sempliċi diviżjonijiet dojoq tal-panewijiet magħmula mill-brikks. L-irkejjen tħallew mingħajr ebda riffieda, u b'hekk il-binja toħloq sens ta' ftuħ u ta' kontinwità bejn ġewwa u barra bla preċedent. L-espressjoni tas-saqaf ċatt tal-binja nbidlet ukoll. Fil-binja [id-Dar ta' Steiner, fi Vjenna] ta' Adolf Loos biss, li saret sena qabel il-Fabbrika ta' Fagus, ningħataw l-istess sensazzjoni ta' kubu pur. Kwalità ferm importanti oħra tal-binja ta' Gropius hi li bis-saħħa tas-sezzjonijiet kbar ta' ħġieġ ċar, is-separazzjoni skjetta tas-soltu bejn barra u ġewwa ġiet eliminata għalkollox. — Nikolaus Pevsner, Pioneers of Modern Design[9][10]

Għalkemm inbnew b'sistemi differenti, il-binjiet kollha tas-sit iqanqlu l-istess immaġni komuni u jidhru bħala kumpless wieħed. L-arkitetti dan kisbuh bl-użu ta' xi elementi komuni fil-binjiet kollha. L-ewwel huwa l-użu ta' twieqi tal-ħġieġ mill-art sas-saqaf fuq oqfsa tal-azzar madwar l-irkejjen tal-binjiet mingħajr riffieda strutturali viżibbli (u fil-biċċa l-kbira saħansitra mingħajr riffieda). L-element l-ieħor li jgħaqqad il-binjiet flimkien huwa l-użu tal-brikks. Il-binjiet kollha għandhom bażi ta' madwar 40 ċentimetru ta' brikks suwed u l-kumplament huwa magħmul minn brikks sofor. L-effett tagħhom f'daqqa huwa sensazzjoni ta' binja ħafifa jew kif sejħilha Gropius sensazzjoni ta' "eterealizzazzjoni".

Sabiex isaħħu din is-sensazzjoni, Gropius u Meyer użaw sensiela ta' soluzzjonijiet ottiċi bħal elementi orizzontali ikbar mill-elementi vertikali fit-twieqi, twieqi itwal fl-irkejjen u twieqi iktar għoljin fl-aħħar sular.

Id-disinn tal-binja kien orjentat lejn in-naħa tal-linja ferrovjarja. Benscheidt ikkunsidra li l-puntdivista tal-passiġġieri fuq il-ferroviji kien dak li ddetermina l-immaġni tal-binja u ta piż kbir lill-faċċata ta' dik in-naħa. Diġà kien ġie nnutat minn Peter Behrens (Gropius u Meyer ħadmu miegħu sena qabel bdew ix-xogħol fuq il-Fabbrika ta' Fagus), li l-arkitetti għandhom iqisu l-mod kif il-veloċità tat-trasport modern taffettwa l-perċezzjoni rigward l-arkitettura. Gropius kien ikkummenta wkoll dwar dan fil-kitbiet tiegħu. Skont l-istoriku tal-arkitettura Annemarie Jaeggi, dawn il-ħsibijiet kienu importanti fid-disinn tal-Fabbrika ta' Fagus:

"Il-fluttwazzjoni animata fl-għoli, il-bidla bejn l-istruttura orizzontali u r-ritmi vertikali, il-volumi magħluqa tqal u t-tessuti milwiema ħfief, huma indikaturi ta' approċċ li deliberatament juża l-kuntrasti filwaqt li jasal għall-armonija tal-opposti b'mod li jista' jiġi espress bl-aħjar mod bħala struttura ta' immaġnijiet jew viżiva, maħluqa mill-perspettiva tal-binarji ferrovjarji".[11]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Uħud mill-forom moderni (mhux iktar tal-injam) tal-Fabbrika ta' Fagus għall-produzzjoni taż-żraben

Il-Fabbrika ta' Fagus f'Alfeld ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2011.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b c Centre, UNESCO World Heritage. "Fagus Factory in Alfeld". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-05-09.
  2. ^ Jaeggi, Annemarie (2000). Fagus: Industrial Culture from Werkbund to Bauhaus, New York, Princeton Architectural Press. ISBN 1-56898-175-9. pp. 43-44.
  3. ^ Walter Gropius, "The New Architecture and the Bauhaus", Londra, 1937, p. 22-23.
  4. ^ Jaeggi, Annemarie (2000). Fagus: Industrial Culture from Werkbund to Bauhaus, New York, Princeton Architectural Press. ISBN 1-56898-175-9. pp. 11-17.
  5. ^ Jaeggi, Annemarie (2000). Fagus: Industrial Culture from Werkbund to Bauhaus, New York, Princeton Architectural Press. ISBN 1-56898-175-9. pp. 89-103.
  6. ^ Schwartz, Frederic J. (1996). The Werkbund: Design Theory and Mass Culture before the First World War, New Haven u Londra, Yale University Press. ISBN 0-300-06898-0. pp. 187-190.
  7. ^ Götz, Jürgen. "Maintaining Fagus", f'Jaeggi (2000), p. 134.
  8. ^ Götz, Jürgen. "Maintaining Fagus", f'Jaeggi (2000), p. 135.
  9. ^ Pevsner, Nikolaus (1949), Pioneers of Modern Design. ISBN 0-300-10571-1. p. 214.
  10. ^ Schwartz, Frederic J. (1996). The Werkbund: Design Theory and Mass Culture before the First World War, New Haven u Londra, Yale University Press. ISBN 0-300-06898-0. pp. 4-5.
  11. ^ Jaeggi, Annemarie (2000). Fagus: Industrial Culture from Werkbund to Bauhaus, New York, Princeton Architectural Press. ISBN 1-56898-175-9. p. 38.