Emir Kusturica
Emir Kusturica (imwieled fl-24 ta' Novembru 1954) huwa direttur, attur u mużiċist.[1][2] Huwa għandu wkoll ċittadinanza Franċiża.[3] Kusturica huwa magħruf għal bosta films akklamati internazzjonalment, kif ukoll għall-proġetti tiegħu fil-bini tal-bliet. Ix-xogħlijiet ċinematografiċi tiegħu kkompetew fil-Festival tal-Films ta’ Cannes Film Festival f'ħames okkażjonijiet u rebaħ il-Palme d'Or darbtejn (għal When Father Was Away on Business u Underground), kif ukoll il-premju tal-aħjar direttur għal Time of the Gypsies.
Kusturica rebaħ ukoll il-premju tal-Ors tal-Fidda fil-Festival tal-Films ta’ Berlin għal Arizona Dream u l-premju tal-Iljun tal-Fidda fil-Festival tal-Films ta’ Venezja għal Black Cat, White Cat. Barra minn hekk kien ukoll maħtur Kmandant tal-Ordre des Arts et des Lettres Franċiżi.[4]
Minn nofs l-ewwel deċennju tas-seklu 21, ir-residenza primarja ta' Kusturica kienet fi Drvengrad, belt mibnija għall-film tiegħu Life Is a Miracle, fir-reġjun ta' Mokra Gora fis-Serbja. Huwa kellu partijiet mill-villaġġ storiku rikostruwiti għall-film.[5] Kusturica ilu membru tal-Akkademja tax-Xjenzi u l-Arti tar-Repubblika Srpska mid-9 ta' Novembru 2011.
Ħajja bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]Kusturica twieled f'Sarajevo, iben Murat Kusturica, ġurnalist impjegat fis-Segretarjat tal-Informazzjoni ta' Sarajevo, u Senka (née Numankadić), segretarju tal-qorti. Emir kiber bħala l-uniku tifel ta' familja sekulari Musulmana[6][7] f'Sarajevo, il-belt kapitali tal-Bożnja-Ħerzegovina, dak iż-żmien repubblika kostitwenti fi ħdan l-FPR Jugoslavja.[8] Kif kiteb fl-1993, omm missieru kienet "marbuta ħafna mar-riti Musulmani" filwaqt li missieru "ma kien jappartjeni għal ebda kult, ma kien reliġjuż xejn".[2] Kusturica primarjament iddefinixxa lilu nnifsu bħala Jugoslav mill-inqas sas-snin 2000.[8]
Kusturica jiddeskrivi lilu nnifsu bħala żagħżugħ vivaċi, jekk mhux kważi delinkwenti, meta kien qed jikber fil-viċinat ta' Sarajevo f'Gorica.[2] Permezz tal-ħbiberija ta' missieru mad-direttur magħruf Hajrudin "Šiba" Krvavac, Kusturica, ta’ sbatax-il sena, kiseb parti żgħira fil-film Walter Defends Sarajevo ta' Krvavac, film partiġjan iffinanzjat mill-Istat Jugoslav fl-1972.
Karriera
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1978, Kusturica ggradwa mill-iskola tal-films (FAMU) fl-Akkademja tal-Arti tal-Ispettaklu fi Praga, u huwa għalhekk li xi drabi huwa meqjus bħala parti mill-iskola tal-films ta’ Praga, grupp informali ta’ diretturi tal-films Jugoslavi li studjaw fil-FAMU u żviluppaw influwenzi u estetika simili. Wara li ggradwa mill-FAMU, Kusturica beda jidderieġi films qosra magħmula għat-televiżjoni fil-Jugoslavja.
Kusturica għamel id-debutt ċinematografiku tiegħu fl-1981 bil-film Do You Remember Dolly Bell?, li rebaħ il-premju tal-Iljun tal-Fidda għad-debutt fil-Festival tal-Films ta’ Venezja ta' dik is-sena. Fl-istess sena, fl-età ta’ 27 sena, sar lekċerer fl-Akkademja tal-Arti tal-Ispettaklu li kienet għadha kif twaqqfet f’Sarajevo, xogħol li baqa’ jagħmel sal-1988.
It-tieni film ta' Kusturica, When Father Was Away on Business (1985), rebaħ il-Palme d'Or fil-Festival tal-Films ta’ Cannes, ħames premjijiet tal-films Jugoslavi, kif ukoll nominazzjoni għall-Academy Award għall-Aħjar Film Barrani. Fl-1989 kien membru tal-ġurija fis-16-il Festival Internazzjonali tal-Films ta' Moska.[2]
1990
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1993 Kusturica għamel id-debutt Amerikan tiegħu, bil-kummiedja assurdista Arizona Dream (1993). Huwa rebaħ il-Palme d'Or għall-epika kummiedja sewda tiegħu Underground (1995), ibbażata fuq xenarju ta' Dušan Kovačević, drammaturgu Serb.[2]
Fl-1998, rebaħ il-premju tal-Iljun tal-Fidda fil-Festival tal-Films ta’ Venezja għall-Aħjar DIrezzjoni għall-film Black Cat, White Cat. Il-mużika għall-film kienet komposta mill-grupp No Smoking Orchestra bbażat f'Belgrad.
2000
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2001, Kusturica dderieġa Super 8 Stories, film dokumentarju dwar il-grupp mużikali No Smoking Orchestra, li kien ukoll membru tiegħu.[9] Huwa nħatar President tal-Ġurija tal-Festival tal-Films ta’ Cannes fl-2005. Fl-2007 ħareġ il-film Maradona by Kusturica, dokumentarju dwar l-istilla tal-futbol Arġentin Diego Maradona.[10] Fl-istess sena, Kusturica dderieġa l-vidjo mużikali għas-single "Rainin in Paradize" ta' Manu Chao.
Fl-2002 Kusturica sar Ambaxxatur Nazzjonali tal-UNICEF għas-Serbja.[11]
2010
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-14 ta' Mejju tal-2011, Kusturica ngħata l-insinja ta' Chevalier (Kavallier) tal-Leġjun tal-Unur, l-ogħla unur ta' Franza.
Matul l-aħħar xhur tal-2013, Kusturica beda jiġbed dokumentarju dwar il-ħajja tal-President Urugwajan José Mujica, li huwa jqis bħala "l-aħħar eroj tal-politika".[12] El Pepe: A Supreme Life ħareġ fl-2018.
Ħajja personali
[immodifika | immodifika s-sors]Familja
[immodifika | immodifika s-sors]Kusturica huwa miżżewweġ lil Maja Mandić; il-koppja għandha żewġt itfal.[8] Huma jgħixu f'Drvengrad.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]
- ^ "Kusturica: Srbija je moja otadžbina". b92 (bis-Serb). 19 Jannar 2014. Miġbur 8 April 2021.
- ^ a b ċ d e "Biography". Kustu.com (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-15 May 2013. Miġbur 8 April 2021.
- ^ "Emir Kusturica, artist, builder and anti-globalist". Serbia.com (bl-Ingliż). 28 Novembru 2012. Miġbur 8 April 2021.
- ^ "Renaud Donnedieu de Vabres remettra jeudi 8 février 2007, les insignes de Commandeur dans l'Ordre des Arts et des Lettres à Emir Kusturica". Ministeru tal-Kultura, Franza (bil-Franċiż). 7 Frar 2007. Miġbur 8 April 2021.
- ^ "'I will not cut my film'". The Guardian (bl-Ingliż). 4 Marzu 2005. Miġbur 8 April 2021.
- ^ "Сидран се хвалио да има јарана међу четницима". Politika.rs (bis-Serb). 31 Lulju 2015. Miġbur 8 April 2021.
- ^ Bouineau, Jean-Marc (1993). Le Petit Livre d’Emir Kusturica (bil-Franċiż). Spartorange. ISBN 2-9506112-2-2.
- ^ a b ċ Halpern, Dan (8 Mejju 2005). "The (Mis)Directions of Emir Kusturica". The New York Times Magazine (bl-Ingliż). Miġbur 8 April 2021.
- ^ Hays, Matthew (4 Settembru 2000). "Cinema has been 'abused horrifically'". The Globe and Mail. Miġbur 2021-04-08.
- ^ "Promise Me This". Festival de Cannes. Miġbur 8 April 2021.
- ^ "I Jelena ambasadorka UNICEF". Blic. 6 Diċembru 2007. Miġbur 8 April 2021.
- ^ "Archive copy". Arkivjat minn l-oriġinal fl-2014-10-29. Miġbur 2021-04-08.Manutenzjoni CS1: kopja arkivjata bħala titlu (link)