El Torcal
El Torcal jew El Torcal de Antequera hija riżerva naturali fil-katina muntanjuża tas-Sierra del Torcal, li tinsab fin-Nofsinhar tar-raħal ta' Antequera fil-Provinċja ta' Málaga, lil hinn mill-awtostrada A45 fl-Andalusija, Spanja.[1] Hija magħrufa għall-formazzjonijiet tal-blat mhux tas-soltu tagħha, u titqies bħala wieħed mill-iżjed pajsaġġi karstiċi impressjonanti fl-Ewropa. Iż-żona ta' El Torcal ġiet iddeżinjata bħala Sit Naturali ta' Interess Nazzjonali f'Lulju 1929, u Riżerva u Park Naturali ta' madwar 17-il kilometru kwadru ġew maħluqa f'Ottubru 1978. Fl-2016 saret waħda mill-ħames komponenti li jsawru s-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tas-Sit tad-Dolmens ta' Antequera.[2]
Ġeoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Sierra del Torcal (jew El Torcal) hija katina muntanjuża żgħura li tissepara r-raħal ta' Antequera u l-belt ta' Málaga. Għandha erba' sezzjonijiet ġeoloġiċi: Sierra Pelada, Torcal Alto, Torcal Bajo kif ukoll Tajos u Laderas. L-ogħla punt f'El Torcal huwa Camorro de las Siete Mesas (1,336 metru) f'Torcal Alto.
Il-ġebla tal-ġir ta' żmien il-Ġurassiku għandha madwar 150 miljun sena u kienet tifforma parti minn baċir u kuritur tal-baħar li kien estiż mill-Golf ta' Cádiz sa Alicante bejn dawk li issa huma l-Oċean Atlantiku u l-Baħar Mediterran. Dawn il-baċiri tal-baħar ġew olzati sa elevazzjoni ta' iktar minn 1,300 metru matul l-era Terzjarja, u dan irriżulta f'katina muntanjuża mudesta tal-ġebla tal-ġir ċatta, li hija fenomenu rari fl-Andalusija. Iktar 'il quddiem, serje ta' fratturi, xquq u qasmiet b'angoli ta' 90 grad (ġeneralment b'orjentazzjoni mill-Majjistral għax-Xlokk u mill-Grigal għal-Lbiċ) ġew maħkuma mill-erożjoni u pproduċew il-mogħdijiet viżibbli llum bejn blokok kbar tal-ġebla tal-ġir. Il-blokok stess kienu soġġetti kemm għad-dissoluzzjoni mill-ilma (karstifikazzjoni) kif ukoll għall-azzjoni tal-qsim mill-alternanza bejn iffriżar u dewbien tas-silġ li, b'effett fuq il-baċiri orizzontali tal-ġebla tal-ġir, irriżultaw fid-diversi għamliet li huma viżibbli llum. Ħafna minn dawn l-għamliet jixbħu u ssemmew għal oġġetti bħas-Sfinġi, Buqar, Ġemel, il-Vit, eċċ. Superfiċi ċatti oħra ġew ikkarstifikati f'artijiet bil-blat jaqta' fejn diffiċli li wieħed jimxi fuqhom.[3]
Bħal bosta pajsaġġi kbar tal-ġebla tal-ġir, El Torcal jinkludi għerien u għamliet oħra taħt l-art. Uħud minnhom għandhom importanza storika bħall-Għar tal-Barri (bl-Ispanjol: Cueva del Toro) fejn instabu artefatti Neolitiċi. L-oriġini tagħhom huma marbuta wkoll mad-dissoluzzjoni tal-ġebla tal-ġir ta' taħt l-art mill-ilma tax-xita.
Flora u fawna
[immodifika | immodifika s-sors]El Torcal tospita firxa impressjonanti ta' fjuri selvaġġi fosthom fjuri li jikbru fuq il-blat bħal Linaria anticaria, Saxifraga biternata, Linaria oblongifolia, Viola demetria, Saxifraga reuterana, Polypodium australe, u pjanti oħra bħal ġilji, peonji ħomor, ward selvaġġ u tletin varjetà ta' orkidej.[4] Fost il-bosta speċijiet ta' rettili hemm is-serp ta' Montpellier u l-gremxula tat-tikek. Fawna oħra tinkludi l-avultun prim (Gyps fulvus), il-bies (Falco peregrinus), l-ajkla ta' Bonelli (Aquila fasciata), il-mogħża tal-barr ta' Spanja (magħrufa wkoll bħala l-mogħża tal-muntanji tal-Andalusija), u mammiferi ta' billejl bħal baġers, ballottri u rodituri. Ħafna mill-annimali selvaġġi diffiċli tarahom għaliex jitgerrxu mill-attivitajiet tal-bniedem fosthom it-tixbit.[5]
Faċilitajiet għall-viżitaturi
[immodifika | immodifika s-sors]El Torcal hija aċċessibbli permezz ta' triq pavimentata mill-villaġġ ta' Villanueva de la Concepción. Fil-punt ta' tluq ta' diversi mogħdijiet hemm ħanut żgħir fejn wieħed jista' jixtri xi tifkira, ċentru interpretattiv u żona ta' parkeġġ. Il-punt ta' tluq ta' diversi mogħdijiet ta' tul u ta' diffikultà differenti jibda wara mixja qasira lejn punt panoramiku tal-katina muntanjuża. Il-mogħdijiet prinċipali għall-mixi jinqasmu fi tliet kuluri differenti u huma twal 1.5 km, 2.5 km u 4.5 km rispettivament b'diversi punti panoramiċi differenti fejn wieħed jista' jieqaf u jitpaxxa bil-veduti xeniċi.
Minħabba t-temperatura estremi fis-sajf u fix-xitwa, il-biċċa l-kbira taż-żjarat isiru fir-rebbiegħa u fil-ħarifa.
Ara wkoll
[immodifika | immodifika s-sors]- Sit tad-Dolmens ta' Antequera
- Dolmen ta' Menga
- Dolmen ta' Viera
- Tholos ta' El Romeral
- Peña de los Enamorados
Ħoloq esterni
[immodifika | immodifika s-sors]Wikimedia Commons għandha fajls multimedjali li għandhom x'jaqsmu ma': El Torcal (El Torcal) |
- Informazzjoni għall-viżitaturi mill-Junta de Andalucía
- Veduta satellitari ta' El Torcal minn Google Maps
- Paraje Natural Torcal of Antequera (bl-Ispanjol)
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Gonzalez, David. Map and Guide of El Torcal. 3rd Edition. ISBN 978-84-613-9584-2.
- ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Antequera Dolmens Site". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-26.
- ^ Scheffel, Richard L.; Wernet, Susan J., eds. (1980). Natural Wonders of the World. United States of America: Reader's Digest Association, Inc. p. 387. ISBN 0-89577-087-3.
- ^ "Fauna y vegetación" (bl-Ispanjol). Miġbur 2021-09-26.
- ^ Arnold and Ovenden (2002), Field Guide to Reptiles & Amphibians, Britain & Europe.