Dolmen ta' Viera

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Id-daħla tad-Dolmen ta' Viera

Id-Dolmen ta' Viera, magħruf ukoll bħala d-Dolmen de los Hermanos Viera huwa dolmen — tip ta' qabar megalitiku b'kompartiment wieħed — li jinsab fl-inħawi ta' Antequera, fil-provinċja ta' Málaga, l-Andalusija, Spanja. Jinsab 70 metru biss mid-Dolmen ta' Menga[1] u madwar erba' kilometri mit-Tholos ta' El Romeral. Ġie skopert bejn l-1903 u l-1905 mill-aħwa Antonio u José Viera minn Antequera, li skoprew ukoll it-Tholos ta' El Romeral.[2]

Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Bħad-Dolmen ta' Menga, id-Dolmen ta' Viera huwa mibni b'teknika ortostatika: ħaġriet kbar weqfin. Jikkonsisti minn kuritur twil iffurmat minn sebgħa u għoxrin ħaġra, li jagħti għal kompartiment rettangolari. Dan x'aktarx li kien kompartiment funebri, minkejja ġew skoperti biss għodod tal-għadam u tas-siliċe kif ukoll bċejjeċ taċ-ċeramika. Il-kompartiment funebri għandu dimensjonijiet differenti mill-kuritur: huwa għoli ħarira iktar minn 200 ċentimetru u wiesa' 180 ċentimetru, filwaqt li l-kuritur huwa għoli 185 ċentimetru u l-wisa' tvarja bejn 130 ċentimetru fid-daħla sa 160 ċentimetru fil-punt fejn jingħaqad mal-kompartiment. Il-kuritur huwa kemxejn itwal minn 21 metru. Il-ħxuna tal-ħaġriet tvarja bejn 20 ċentimetru sa 50 ċentimetru.[3][4]

Id-Dolmen ta' Viera minn ġewwa

Id-dolmen huwa mirdum b'tumbata funebri jew tumulus b'dijametru ta' 50 metru. Bħall-biċċa l-kbira tal-oqbra Iberiċi, huwa orjentat kemxejn lejn Nofsinhar ix-Xlokk (96°), eżatt b'tali mod li d-dawl tax-xemx tas-solstizji tas-sajf idawwal il-kompartiment funebri.[5]

In-naħat tax-xellug u tal-lemin tal-kuritur jidher li oriġinarjament kienu jikkonsistu minn 16-il ħaġra kull waħda; għad fadal erbatax fuq ix-xelluh u ħmistax fuq il-lemin. Ħames ħaġriet akbar għadhom intatti fis-saqaf, u hemm frammenti ta' żewġ ħaġriet oħra; milli jidher tliet ħaġriet jew erbgħa ntilfu għalkollox. Fl-aħħar tal-kuritur hemm ħaġra monolitika kbira b'toqba kwadra qrib in-nofs tagħha. Din u tliet ħaġriet monolitiċi oħra huma mdawrin mal-kompartiment. Hemm differenza notevoli bejn il-ħaġriet tan-naħat u dawk tas-saqaf: dawk tal-ewwel huma maħduma b'ħafna iktar reqqa u joqogħdu perfettament fl-ispazji maħluqa fil-ħaġriet tad-daħla u l-art.[6]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Id-Dolmen ta' Viera nbena fi Żmien ir-Ram, bejn wieħed u ieħor għall-ħabta tat-3510-3020 Q.K. Ilu li ngħata l-istatus ta' Monument Nazzjonali mill-1923.[2]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit jaqa' taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill għall-Kultura tal-Gvern Awtonomu tal-Andalusija, li jamministrah flimkien mal-Conjunto Arqueológico Dólmenes de Antequera (CADA). Id-dolmen ġie rrestawrat reċentement u huwa miftuħ għall-pubbliku.

Huwa wieħed mill-komponenti tas-Sit tad-Dolmens ta' Antequera li fl-2016 ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[7]

Ara wkoll[immodifika | immodifika s-sors]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "Dolmenes de Antequera". www.nuevaacropolismalaga.org. Miġbur 2021-09-25.
  2. ^ a b "Conjunto Arqueológico Dólmenes de Antequera". web.archive.org. 2011-06-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-06-15. Miġbur 2021-09-25.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Dolmen de Viera (Antequera)". web.archive.org. 2012-08-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-08-03. Miġbur 2021-09-25.
  4. ^ "Dolmen de Viera". www.spanisharts.com. Miġbur 2021-09-25.
  5. ^ Geoff Garvey, Mark Ellingham, Paul Sandham, Chris Stewart, The Rough Guide to Andalucia, Fourth Edition, Rough Guides, 2003, ISBN 1-84353-068-6, p. 108.
  6. ^ "Dolmen de Viera". www.spanisharts.com. Miġbur 2021-09-25.
  7. ^ Centre, UNESCO World Heritage. "Antequera Dolmens Site". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-09-25.