Aqbeż għall-kontentut

Dwejra

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tal-baħar intern tad-Dwejra

Id-Dwejra jew il-Qawra (dan l-isem jidher fil-lista indikattiva ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mhux ir-raħal fit-Tramuntana ta' Malta[1]) huwa l-isem li jirreferi għall-baħar intern viċin fejn kien hemm it-Tieqa tad-Dwejra, f'Għawdex, li huwa kkollegat mal-Baħar Mediterran permezz ta' daħla li ffurmat arkata naturali dejqa.

X'aktarx li l-baħar intern tad-Dwejra fforma fejn kien hemm qasma ġeoloġika fil-franka li kienet ħolqot għar kbir li mbagħad ċeda.

Id-daħla li tgħaqqad il-baħar intern tad-Dwejra mal-Baħar Mediterran

Fuq naħa hemm bajja żgħira biċ-ċagħaq u bil-blat b'diversi għorfiet tas-sajjieda. Il-qiegħ tal-baħar intern huwa wkoll mimli biċ-ċagħaq u bil-blat u huwa pjuttost baxx. Kif wieħed joqrob lejn id-daħla li tagħti għall-Baħar Mediterran, il-qiegħ jibda jsir iktar fond bil-mod il-mod sa ma jlaħħaq fond ta' saħansitra 35 metru fejn in-naħa ta' barra. Jacques Cousteau kien sostna li l-baħar intern tad-Dwejra kien wieħed mill-aqwa għaxar postijiet fejn hu għodos.[2]

Meta l-baħar ikun kalm, il-luzzijiet u d-dgħajjes iż-żgħar tas-sajjieda, jgħaddu min-naħa għall-oħra tad-daħla tad-Dwejra. Xi dgħajjes jintużaw għat-turisti biex jaraw il-formazzjonijiet fil-blat u l-irdumijiet kif ukoll il-Ġebla tal-Ġeneral.

Iż-żona naturali kollha tad-Dwejra jew tal-Qawra hija inkluża fil-lista indikattiva ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

F'Marzu 2016, Peter Gatt, konsulent li ħejja rapport ġeoloġiku u ġeotekniku f'isem id-ditta lokali Geoscience Consulting Ltd., wissa li l-użu illegali ta' splussivi fil-baħar intern tad-Dwejra seta' jkollu effett fuq it-Tieqa tad-Dwejra li dak iż-żmien diġà kienet dgħajfa kif inhi. Gatt ressaq il-kummenti tiegħu fid-dawl ta' investigazzjoni mill-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar ta' Malta li żvelat li "probabbilment kien qed jintuża' materjal splussiv biex jinqata' l-blat fid-daħla li tagħti għall-baħar intern tad-Dwejra. Kien hemm suspetti li dan il-qtugħ illegali kien qed isir bit-tir li d-daħla titwessa" sabiex ikunu jistgħu jidħlu dgħajjes ikbar.[3]

  1. ^ "Qawra/Dwejra" (bl-Ingliż). UNESCO World Heritage Centre.
  2. ^ Mattock, Jo. "In depth Malta" (bl-Ingliż). DIVE Magazine. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2017-09-06.
  3. ^ Micallef, Keith (2016-03-20). "Expert warns of explosives' impact on Azure Window" (bl-Ingliż). Times of Malta.