Aqbeż għall-kontentut

Djémila

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
It-Teatru Ruman.

Djémila (bl-Għarbi: جميلة, b'ittri Rumani: Ǧamīlah, litteralment "is-Sabiħa"), li qabel kienet tissejjaħ Cuicul, huwa villaġġ żgħir fil-muntanji fl-Alġerija, qrib il-kosta tat-Tramuntana fil-Lvant tal-Alġier, fejn instabu wħud fost l-aqwa fdalijiet Rumani ppreservati fit-Tramuntana tal-Afrika. Jinsab fir-reġjun fil-fruntiera ma' Constantinois u Petite Kabylie (Basse Kabylie).

Fl-1982, Djémila tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, minħabba l-adattament uniku tiegħu tal-arkitettura Rumana għal ambjent muntanjuż.[1] Fost il-binjiet sinifikanti f'Cuicul tal-qedem hemm teatru, żewġ fora, tempji, bażiliki, arkati, toroq u djar. Il-fdalijiet ippreservati b'mod eċċellenti huma mdawra mal-forum tal-Harsh, li huwa pjazza kbira pavimentata b'daħla mmarkata b'arkata maestuża.

Cuicul Rumana

[immodifika | immodifika s-sors]
Cuicul fuq il-mappa ta' Numidja, eżatt fin-Nofsinhar ta' Milevium u Cirta. Atlas Antiquus, H. Kiepert, 1869.

Bl-isem ta' Cuicul, il-belt inbniet 900 metru (3,000 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar matul is-seklu 1 W.K. bħala gwarniġjon militari Ruman fuq promontorju triangolari dejjaq fil-provinċja ta' Numidja. L-art hija kemxejn imħarbta, peress li l-villaġġ jinsab fil-konfluwenza ta' żewġ xmajjar.

Il-bennejja ta' Cuicul segwew pjanta standard b'forum fiċ-ċentru u żewġ toroq prinċipali, Cardo Maximus u Decumanus Maximus, bħala l-assi ewlenin.[2] Inizjalment il-belt kienet popolata minn kolonja ta' suldati Rumani mill-Italja, u eventwalment kibret u saret suq kummerċjali kbir. Ir-riżorsi li kkontribwew għall-prosperità tal-belt essenzjalment kienu agrikoli (ċereali, siġar taż-żebbuġ u bhejjem tat-trobbija).

Matul ir-renju ta' Caracalla fis-seklu 3, l-amministraturi ta' Cuicul ġarrfu parti mill-ħitan antiki u bnew forum ġdid. Madwaru bnew binjiet ikbar u iktar impressjonanti minn dawk li kien hemm mal-forum ta' qabel. L-art imħarbta xekklet il-kostruzzjoni, għaldaqstant huma bnew it-teatru 'l barra mill-ħitan tal-belt, xi ħaġa pjuttost eċċezzjonali.

Is-Suq Storiku.

Il-Kristjaneżmu sar popolari ħafna fis-seklu 4 (wara xi persegwitazzjonijiet fil-bidu tas-seklu 3) u żdiedu bażilika u battisterju.[3] Dawn jinsabu fin-Nofsinhar ta' Cuicul f'kwartier imsejjaħ "Kristjan", u huma attrazzjonijiet popolari.

Mill-isqfijiet ta' Cuicul, Pudentianus ħa sehem fil-Kunsill ta' Kartaġni tal-255 rigward il-validità tal-magħmudija tal-eretiċi, u Elpidophorus ħa sehem fil-Kunsill ta' Kartaġni tat-348. Cresconius kien isqof Kattoliku li rrappreżenta lil Cuicul fil-Kunsill ta' Kartaġni tal-411 bejn l-isqfijiet Kattoliċi u Donatisti; l-isqof Donatist tal-belt miet qabel ma bdiet il-konferenza. Crescens kien wieħed mill-isqfijiet Kattoliċi msejħa mir-Re Arjan tal-Vandali, Huneric, biex imur f'Kartaġni fl-484. Victor kien preżenti fit-Tieni Kunsill ta' Kostantinopli fil-553.[4][5][6][7] Cuical ma baqatx veskovat residenzjali u llum il-ġurnata hija sede titulari tal-Knisja Kattolika.[8]

Bil-mod il-mod il-belt ġiet abbandunata wara l-waqgħa tal-Imperu Ruman għall-ħabta tas-sekli 5 u 6. Taħt l-Imperatur Ġustinjanu I sar xi titjib u ġew imsaħħa l-ħitan.

Iktar 'il quddiem il-Musulmani ddominaw ir-reġjun, iżda ma reġgħux okkupaw is-sit ta' Cuicul, li semmewh Djémila.

Dokumentazzjoni tridimensjonali

[immodifika | immodifika s-sors]

Id-dokumentazzjoni spazjali ta' Djémila tħejjiet matul żewġ proġetti fil-post tal-Proġett Zamani fl-2009,[9] li twettqu b'kooperazzjoni bejn il-Professur Hamza Zeghlache u t-tim tiegħu mill-Università ta' Setif, l-Alġerija, u l-Fondazzjoni tar-Riċerka Nazzjonali tal-Afrika t'Isfel (NRF). Ġew dokumentati diversi strutturi, fosthom il-Battisterju, id-Daħla ta' Caracalla, is-Suq, it-Tempju ta' Septimius-servus u t-Teatru.[10]

Residenti notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]

Diversi Afrikani Rumanizzati sinifikanti twieldu f'Cuicul:[11]

  • Lucius Alfenus Senecio: gvernatur tal-Brittanja (mill-205 sal-207);
  • Gaius Valerius Pudens: gvernatur tal-Britanja;
  • Tiberius Claudius Subatianus Aquila: gvernatur tal-Mesopotamja u tal-Eġittu;
  • Tiberius Claudius Subatianus Proculus: gvernatur tan-Numidja.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Djémila ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1982.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

  1. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Djémila". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-19.
  2. Djemila, Morocco, Algeria, & Tunisia, Geoff Crowther and Hugh Finlay, Lonely Planet, 2nd Edition, April 1992, pp. 298 - 299.
  3. Monceaux, Paul (1920). "Martyrs de Djemila". Comptes rendus des séances de l'Académie des Inscriptions et Belles-Lettres. 64 (4): 290–297.
  4. A. Berthier, v. Cuicul, in Dictionnaire d'Histoire et de Géographie ecclésiastiques, vol. XIII, Paris 1956, coll. 1095–1097.
  5. A. Berthier, v. Cuicul, in Dictionnaire d'Histoire et de Géographie ecclésiastiques, vol. XIII, Paris 1956, coll. 1095–1097.
  6. J. Mesnage L'Afrique chrétienne, Paris 1912, pp. 283-284.
  7. Stefano Antonio Morcelli, Africa christiana, Volume I, Brescia 1816, p. 147.
  8. Annuario Pontificio 2013 (Libreria Editrice Vaticana 2013 ISBN 978-88-209-9070-1), p. 877.
  9. "Site - Djemila". zamaniproject.org. Miġbur 2023-10-19.
  10. "3D Heritage Models, with a Twist". www.geoweeknews.com (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-19.
  11. Anthony R. Birley, Septimius Severus, the African Emperor, Éd. Routledge, ISBN 0-415-16591-1.