Cumalıkızık

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Cumalıkızık
 Turkija
Amministrazzjoni
Stat sovranTurkija
Province of TurkeyProvinċja ta' Bursa
District of TurkeyYıldırım
Ġeografija
Koordinati 40°10′30″N 29°10′23″E / 40.175°N 29.173°E / 40.175; 29.173Koordinati: 40°10′30″N 29°10′23″E / 40.175°N 29.173°E / 40.175; 29.173
Cumalıkızık is located in Turkey
Cumalıkızık
Cumalıkızık
Cumalıkızık (Turkey)
Superfiċjenti 8.646 hectare, 191.917 hectare
Demografija
Informazzjoni oħra
Żona tal-Ħin UTC+3

Cumalıkızık huwa villaġġ fid-distrett ta' Yıldırım tal-Provinċja ta' Bursa, li jinsab 10 kilometri fil-Lvant tal-belt ta' Bursa, fl-għoljiet ta' qabel il-muntanja Uludağ. L-istorja tiegħu tmur lura għall-perjodu meta ġie stabbilit l-Imperu Ottoman.[1] Il-villaġġ issa huwa inkluż fi ħdan il-konfini tad-distrett ta' Yıldırım bħala kwartier residenzjali ċkejken. Cumalıkızık ġie stabbilit bħala villaġġ vakıf. In-nisġa storika tal-villaġġ ġiet protetta sew u l-istrutturi arkitettoniċi ċivili tal-kampanja tal-perjodu Ottoman bikri għadhom intatti. B'hekk il-villaġġ ta' Cumalıkızık sar popolari bħala ċentru mhux mittiefes mat-turisti.[2]

Deskrizzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Filmat dwar l-arkitettura u l-kultura ta' Cumalıkızık

Grupp ta' villaġġi simili li jinsabu qrib xulxin fl-għoljiet ta' qabel il-muntanja Uludağ u l-widien issejħu Kızık bit-Tork. L-isem jirrappreżenta wieħed mill-erba' u għoxrin klan tat-Torok Oghuz u n-nies mill-villaġġi wkoll jissejħu Kızık. Fost dawn il-villaġġi simili, iżda inqas ippreservati, hemm Değirmenlikızık, Derekızık u Hamamlıkızık. Hamamlıkızık kien il-villaġġ tal-banjijiet lokali (hamam), filwaqt li Cumalıkızık issejjaħ hekk minħabba li n-nies kienu jinġabru fil-villaġġ nhar ta' Ġimgħa (Cuma, bit-Tork) għall-qima lil Allah.

Il-Mużew tal-Etnografija ta' Cumalıkızık fil-pjazza ewlenija tal-villaġġ fih diversi oġġetti storiċi għall-wiri mill-villaġġ. Kull sena f'Ġunju jsir il-festival tal-lampun. Id-djar famużi ta' Cumalıkızık huma magħmula bl-injam, bit-tajn, bit-tiben, u bil-ġebel. Il-biċċa l-kbira minnhom huma djar bi tlett ikmamar prinċipali. Fis-sular ta' fuq tagħhom, it-twieqi ġeneralment ikunu mżejna bil-bizzilla u bi pjanti f'ħoġor it-twieqi. Il-poġġamani u l-ħabbata tal-bibien prinċipali huma magħmula mill-ferrobattut. Il-biċċa l-kbira tat-toroq huma pavimentati biċ-ċagħaq u huma dojoq ħafna u mingħajr bankini, iżda għandhom gandott Medjevali tipiku fin-nofs għax-xita u għall-ilma mormi.

Minn żmien l-Imperu Ottoman għad hemm moskea oriġinali, il-funtana ta' Zekiye Hatun maġenbha, u l-banjijiet b'koppla waħda. Hemm ukoll il-fdalijiet ta' knisja li nbniet mill-Biżantini.

Cumalıkızık fih 270 dar storika. Uħud minn dawn id-djar ġew irrestawrati u msewwija, oħrajn għadhom jeħtieġu r-restawr u t-tiswija, filwaqt li 180 minnhom għadhom jintużaw bħala abitazzjonijiet.

Eżempju tal-arkitettura ta' żmien l-Imperu Ottoman

Fl-1969, il-fdalijiet ta' knisja Biżantina ġew skavati fix-Xlokk tal-villaġġ fl-għoljiet ta' qabel il-muntanja Uludağ. Xi xogħlijiet arkitettoniċi jinsabu għall-wiri fil-Mużew Arkeoloġiku ta' Bursa. F'Cumalıkızık spiss inġibdu diversi films u programmi televiżivi b'ambjenti storiċi.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Bursa u Cumalıkızık ġew iddeżinjati flimkien bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014 bit-titlu Bursa u Cumalıkızık: it-Twelid tal-Imperu Ottoman.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Bursa and Cumalıkızık: the Birth of the Ottoman Empire". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-29.
  2. ^ "Cumalıkızık ve Bergama Dünya Miras Listesinde". www.aa.com.tr. Miġbur 2022-03-29.