Aqbeż għall-kontentut

Bauhaus u s-Siti tal-Moviment f'Weimar, f'Dessau u f'Bernau

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-binja tal-Bauhaus f'Dessau.

Il-Bauhaus u s-Siti tal-Moviment f'Weimar, f'Dessau u f'Bernau huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Ġermanja magħmul minn sitt komponenti differenti li huma assoċjati mal-moviment tad-disinn, tal-arkitettura u tal-arti tal-Bauhaus. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996 b'erba' komponenti inizjali, u mbagħad fl-2017 żdiedu żewġ komponenti oħra.[1]

Il-moviment tal-Bauhaus kien operattiv biss mill-1919 sal-1933 u ħarreġ lil mhux iktar minn 1,250 student, li minnhom 155 student biss effettivament iggradwaw b'lawrja tal-Bauhaus.[2] Minkejja dan, il-moviment irrivoluzzjona l-ħsieb u l-prattika arkitettoniċi u estetiċi tas-seklu 20.

"Il-binjiet iddisinjati mill-esponenti ewlenin tal-Bauhaus huma rappreżentanti fundamentali tal-Moderniżmu Klassiku... Għal din ir-raġuni, il-binjiet huma monumenti importanti mhux biss għall-arti u għall-kultura, iżda anke għall-ideat storiċi tas-seklu 20" – l-Applikazzjoni għall-estensjoni tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tad-delegazzjoni Ġermaniża tal-UNESCO ta' Diċembru 2015.[1]

Il-kampus tal-Bauhaus f'Weimar

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-moviment tal-Bauhaus ġie stabbilit f'Weimar fl-1919 minn Walter Gropius, li baqa' hemmhekk sal-1925, meta mbagħad mar f'Dessau minħabba pressjoni politika.[3] Il-moviment ġie ospitat f'żewġ binjiet biswit xulxin li qabel kienu żewġ skejjel tal-arti differenti, it-tnejn li huma ddisinjati bl-istil tal-Art Nouveau minn Henry van de Velde. Dawn huma:

  • il-binja "Van de Velde", mibnija fl-1905-1906 biex tospita l-Iskola tal-Arti u tal-Artiġjanat tal-Gran Dukat tas-Sassonja, li kienet skola tal-arti vokazzjonali;[4]
  • il-"Binja Prinċipali", mibnija fl-1904-1911 biex tospita l-Großherzoglich Sächsische Hochschule für Bildende Kunst (l-Iskola tal-Belle Arti tal-Gran Dukat tas-Sassonja.[5]
Studjo li qabel kien il-binja prinċipali tal-Bauhaus f'Weimar, mibni fl-1904-1911.

Il-binja "Van de Velde" fiha affreski rikostruwiti ta' Oskar Schlemmer, li oriġinarjament inħolqu għall-wirja tal-Bauhaus tal-1923, u hija magħrufa għat-tidwil mhux konvenzjonali tal-garigor taraġ ċentrali tagħha.

Il-"Binja Prinċipali" ġiet irrestawrata mill-arkitett Ġermaniż Thomas van den Valentyn fl-1999. Fiha garigor taraġ prinċipali ellittiku bi stil tal-Art Nouveau. L-eks uffiċċju ta' Walter Gropius reġa' ġie mgħammar b'għamara, b'oġġetti u bi twapet rikostruwiti.

Wara li l-moviment tal-Bauhaus ma baqax iktar f'Weimar, il-binjiet intużaw minn għadd ta' istituzzjonijiet edukattivi relatati mal-arti. Illum il-ġurnata, wara diversi fużjonijiet, ristrutturar u tismijiet mill-ġdid, il-Bauhaus-Universität Weimar, stabbilita fl-1996, topra fl-eks sit tal-Bauhaus, fejn jiġu mgħallma korsijiet tal-arti, tad-disinn u tat-teknoloġija.

Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996. Il-binjiet joperaw bħala faċilità tat-tagħlim, iżda żjarat tas-sit minn barra u minn ġewwa jiġu offruti mill-Università tal-Bauhaus ta' Weimar.[6]

Haus am Horn, Weimar, mibnija fl-1923.

Il-Haus am Horn hija dar domestika magħmula bil-konkos u bl-azzar li nbniet għall-ewwel wirja tax-xogħlijiet tal-Bauhaus fl-1923. Il-binja kienet ibbażata fuq id-disinni ta' Georg Muche, pittur u għalliem fl-iskola. Kienet l-ewwel binja bbażata għalkollox fuq il-prinċipji tad-disinn tal-Bauhaus u kienet tippreżenta prototip rivoluzzjonarju għall-għajxien modern.[7]

Skont il-filosofija tal-Bauhaus tal-apprendiment permezz tal-esperjenza prattika, għadd ta' persunal u ta' studenti kienu involuti fil-proġett, fosthom Marcel Breuer, li dak iż-żmien kien student, Alma Siedhoff-Buscher u László Moholy-Nagy. Kull biċċa għamara, inkluż it-tidwil, ġiet prodotta fl-istudjos tal-Bauhaus.[8]

Din il-binja ġiet inkluża bħala komponent tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996. Minn Awwissu 2017, is-sjieda tal-binja hija tal-Klassik Stiftung Weimar. Fl-2018-2019, id-dar ingħalqet għall-pubbliku għal restawr maġġuri u reġgħet infetħet mill-ġdid fit-18 ta' Mejju 2019.[9][10]

Il-binja tal-Bauhaus f'Dessau

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-binja tal-Bauhaus f'Dessau hija wa]da mill-binjiet ikoniċi tas-seklu 20. Ġiet iddisinjata minn Walter Gropius u nfetħet uffiċjalment fl-4 ta' Diċembru 1926, wara li damet sena biss biex inbniet. Hija "titqies bħala "manifest mibni" tal-ideat tal-Bauhaus, li fiha jinġabru l-funzjonalità u l-estetika tad-disinn biex jiffurmaw entità waħdanija".[11]

Il-binja ġiet ikkummissjonata mill-belt ta' Dessau, li ffinanzjat il-proġett u pprovdiet l-art għall-binja. Il-pjanta tal-binja tfasslet mid-ditta arkitettonika ta' Gropius peress li l-moviment tal-Bauhaus ma kellux id-dipartiment tal-arkitettura tiegħu stess qabel l-1927, iżda l-arredamenti fuq ġewwa saru fl-istudjos tal-Bauhaus.[12]

Gropius kellu jinkorpora żewġ skejjel fil-binja; l-iskola tad-disinn tal-Bauhaus u skola vokazzjonali muniċipali. Il-binja tikkonsisti minn diversi sezzjonijiet interkonnessi li huma ppożizzjonati b'mod asimetriku. Dawn huma: sezzjoni ta' tliet sulari bl-istudjos tax-xogħol; skola vokazzjonali ta' tliet sulari; sezzjoni ta' żewġ sulari għall-amministrazzjoni; awditorju, palk u kafetterija, u sezzjoni ta' ħames sulari bi studjos oħra. Il-faċċata hija kkaratterizzata bl-użu ta' ħitan sħaħ tal-ħġieġ mingħajr riffieda għat-tagħbija, żvilupp ulterjuri fuq dak li ntuża fil-Fabbrika ta' Fagus, li nbniet fl-1911-1913, fuq id-disinn ta' Gropius u ta' Adolf Meyer. Fuq ġewwa tal-binja wieħed jista' jara karatteristiċi tal-kostruzzjoni, bħal pereżempju kolonni u travi bħala riffieda.

Is-sezzjoni tal-akkomodazzjoni tal-istudenti tal-Bauhaus f'Dessau.

Is-sezzjoni ta' ħames sulari bi studjos oħra, magħrufa bħala l-"Prellerhaus", fiha 28 studjo jew appartament ta' 20 metru kwadru kull wieħed, u kienet tipprovdi l-akkomodazzjoni għall-istudenti u għall-istudjużi żgħażagħ. Il-faċilitajiet tal-kamra tal-banju u tal-kċina kienu komunali u kien hemm terrazza kondiviża fuq il-bejt. Sittax-il studjo kellhom gallariji żgħar, b'simetrija regolari li tikkaratterizza din is-sezzjoni tal-binja. In-nisa kienu jgħixu fl-ewwel sular, magħruf bħala s-"sular tan-nisa", u fost ir-residenti kien hemm Gertrud Arndt, Marianne Brandt, Gunta Stölzl u Anni Albers.[13] B'kollox kien hemm 140 student, għaldaqstant il-maġġoranza tal-istudenti kellhom ifittxu akkomodazzjoni fil-qalba tal-belt ta' Dessau. Fl-1930, Ludwig Mies van der Rohe, id-direttur tal-Bauhaus ta' dak iż-żmien, ikkonverta wħud mill-istudjos fi klassijiet. Il-binja ġiet rinnovata fl-2006 biex jerġa' jkollha l-konfigurazzjoni oriġinali tagħha. Illum il-ġurnata l-istudjos jinkrew bħala akkomodazzjoni għat-turisti.[14]

Minħabba pressjoni politika, il-binja tal-Bauhaus f'Dessau ngħalqet fl-1932 u Mies van der Rohe stabbilixxa binja tal-Bauhaus f'Berlin iffinanzjata privatament, għalkemm din ingħalqet ukoll ftit inqas minn sena wara. Il-binja tal-Bauhaus f'Dessau ntużat bħala skola biex in-nisa jitgħallmu jsajru u jħitu, u ftit qabel il-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija fl-1939, saret skola tat-taħriġ għall-uffiċjali tal-Partit Nażista. Fl-1941 kienet tospita d-dipartiment tal-istampa tal-manifattur tal-inġenji tal-ajru Junkers. Fl-1945 l-iskola ġarrbet xi ħsarat minħabba bumbardament mill-ajru. Wara l-gwerra l-binja ġiet parzjalment imsewwija biex setgħet tintuża bħala istituzzjoni edukattiva, iżda mingħajr ma ġiet rispettata l-integrità tal-binja. Kien biss fl-1972 li l-gvern tal-Ġermanja tal-Lvant elenka l-binja bħala monument storiku. Ġiet irrestawrata taħt Konrad Püschel, arkitett li kien tħarreġ fil-Bauhaus.[15] Il-ħitan sħaħ tal-ħġieġ, l-awditorju, il-palk u l-kafetterija ġew irrestawrati. Fit-2 ta' Diċembru 1976, 50 sena wara ma nfetħet għall-ewwel darba, il-binjiet reġgħet infetħet b'mod uffiċjali biex tintuża bħala ċentru tax-xjenza u tal-kultura, li kien jinkludi kollezzjoni ta' oġġetti tal-Bauhaus. Tmintax-il eks student tal-Bauhaus attendew iċ-ċerimonja tal-ftuħ mill-ġdid.[16]

Il-Fondazzjoni tal-Bauhaus f'Dessau ġiet stabbilita fl-1994 għar-riċerka u għall-preservazzjoni tal-wirt tal-Bauhaus. Il-binja tniżżlet bħala komponent tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996, u mbagħad twettqu rinnovazzjonijiet estensivi li tlestew fl-2006.

Illum il-ġurnata s-sezzjoni tat-Tramuntana tal-kumpless, fejn qabel kien hemm l-iskola vokazzjonali, tintuża mill-Università ta' Anhalt għax-Xjenzi Applikati, u l-kampus tagħha ta' Dessau jinsab maġenb is-sit tal-Bauhaus.[17][18] Il-Fondazzjoni tal-Bauhaus f'Dessau tuża l-kumplament tal-binja għall-amministrazzjoni; u tospita mużew, ħanut u l-kafetterija rrestawrata; filwaqt li l-eks appartamenti tal-istudenti jinkrew bħala akkomodazzjoni għat-turisti; u s-sezzjonijiet l-oħra tal-binja, fosthom l-awditorju, jinkrew ukoll għas-seminars u għall-konvenji.[19]

Meisterhäuser

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta mit-triq tad-djar ta' Kandinsky/Klee.

Il-Meisterhäuser (djar tal-persunal superjuri jew litteralment "l-imgħallmin") huma grupp ta' sebat idjar Modernisti b'għamla ta' kubu u b'bejt ċatt, li jinsabu madwar 600 metru mill-binja tal-Bauhaus f'Dessau. Dawn ġew iddisinjati minn Walter Gropius għall-persunal superjuri tal-Bauhaus. Inbnew fl-1925-1926 permezz ta' kummissjoni mill-belt ta' Dessau. Kienu jikkonsistu minn tliet pari ta' djar li jmissu ma' xulxin minn naħa waħda, u dar għaliha waħedha fl-aħħar tar-ringiela għal Gropius, id-direttur tal-iskola. Id-djar inbnew fi ħdan bosk żgħir tas-siġar taż-żnuber, bl-għan li jiġi rrispettat il-karattru tal-pajsaġġ.[20] Id-djar kienu spazjużi; id-dar għaliha waħedha tad-direttur kellha erja ta' 350 m2, u l-oħrajn kellhom erja ta' iktar minn 250 m2. Kellhom terrazzini u studjos, peress li kien mistenni li l-artisti u l-għalliema jaħdmu mid-dar kif ukoll fi ħdan l-iskola stess. F'kull par djar li jmissu ma' xulxin minn naħa waħda, id-djar għandhom l-istess konfigurazzjoni, iżda huma mdawra b'angolu ta' 90 grad minn xulxin, sabiex b'hekk ma jidhrux simetriċi mit-triq.[21]

Flimkien mal-familji tagħhom, ir-residenti oriġinali kienu: Lyonel Feininger u László Moholy-Nagy li kienu l-ġirien ta' Gropius (għalkemm Feininger qatt ma għallem fil-binja tal-Bauhaus f'Dessau); Oskar Schlemmer u Georg Muche kienu jgħixu fil-par djar ta' wara; u Wassily Kandinsky u Paul Klee kien jgħixu fl-aħħar par djar. Gropius u Maholy-Nagy għammru d-djar tagħhom għalkollox b'għamara ddisinjata minn Marcel Breuer. Fost ir-residenti li ġew wara kien hemm Hannes Meyer, Ludwig Mies van der Rohe, Josef u Anni Albers, Hinnerk Scheper kif ukoll Alfred u Gertrud Arndt.

Mill-1932, meta l-binja tal-Bauhaus f'Dessau ngħalqet, id-djar inkrew lil inkwilini oħra. Fl-1945, lejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija, id-dar tad-direttur u sezzjoni waħda tal-eqreb dar, fejn kien jgħix Maholy-Nagy, inqerdu f'attakk mill-ajru.[22] Fl-1948 dar suburbana standard inbniet fis-sit tad-dar tad-direttur. Id-djar l-oħra baqgħu jgħixu n-nies fihom, iżda ġew immodifikati u ntelqu b'mod konsiderevoli.

Struttura mibnija fl-2014 abbażi tad-dar tad-direttur li kienet inqerdet (id- "Dar ta' Gropius").


Il-Meisterhäuser ġew irrestawrati fl-1992 u żdiedu bħala komponent tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1996. Id-dar li kienet inbniet fis-sit tad-dar tad-direttur twaqqgħet fl-2011. Fl-2014, sabiex jiġi rrestawrat ir-ritmu u l-forom oriġinali tal-kumpless kollu tal-Meisterhäuser, inbnew strutturi li jirrappreżentaw il-forma tad-dar tad-direttur u tad-dar ta' Maholy-Nagy fis-siti tal-binjiet li nqerdu. Dawn ġew iddisinjati mid-ditta arkitettonika ta' Bruno Fioretti Marquez, u l-konfigurazzjoni fuq ġewwa ġiet iddisinjata mill-artist Olaf Nicolai. L-ispazji fuq ġewwa ta' dawn l-istrutturi jintużaw bħala spazji għall-wirjiet, b'informazzjoni dwar l-istorja tas-sit. Dawn id-djar flimkien mad-djar l-oħra, li huma miftuħa għall-pubbliku, jiġu ġestiti mill-Fondazzjoni tal-Bauhaus f'Dessau. Id-dar ta' Feininger hija s-sede taċ-Ċentru ta' Kurt Weill, li jippromwovi x-xogħol tal-kompożitur Kurt Weill, li twieled f'Dessau.

Fl-1932 inbena l-kjosk tat-Trinkhalle, kjosk fejn jinbigħ l-ikel u x-xorb, u ġie ddisinjat minn Mies van der Rohe. Dan il-kjosk inbena fil-kantuniera tas-sit tad-dar tad-direttur u ġie integrat f'ħajt ta' żewġ metri madwar il-proprjetà. Irreżista l-gwerra iżda twaqqa' fl-1962. Fl-2014 il-ħajt u l-kjosk inbnew mill-ġdid u mill-2016 il-kjosk kompla bil-funzjoni li kellu qabel, jiġifieri l-bejgħ tal-ikel u tax-xorb lill-pubbliku.

Mill-2016 sal-2019 id-djar ta' Kandinsky/Klee ngħalqu għal restawr maġġuri li twettaq mill-Fondazzjoni Wüstenrot, fejn ġew irrestawrati għalkollox l-ispazji fuq ġewwa tad-djar, b'enfasi partikolari fuq il-ħolqien mill-ġdid tal-iskemi tal-kuluri oriġinali. Reġgħu nfetħu fis-17 ta' April 2019. Ir-restawr sewa 1.5 miljun ewro u kien jinvolvi analiżi xjentifika dettaljata tat-traċċi taż-żebgħat oriġinali. B'kollox ġew rikostruwiti iktar minn 100 kulur.[23]

Laubenganghäuser

[immodifika | immodifika s-sors]
Waħda mill-blokok ta' appartamenti tad-"Djar bil-Gallarija".

Il-Laubenganghäuser ("Djar bil-Gallarija") huma ħames blokok ta' appartamenti, li b'kollox jipprovdu total ta' 90 appartament fin-Nofsinhar ta' Dessau, u nbnew fl-1930. Ġew iddisinjati minn Hannes Meyer, li dak iż-żmien kien id-direttur tal-Bauhaus.[24][25]

Kienu nbnew bħala abitazzjonijiet soċjali u kull appartament ta' 47 m2 (510 piedi kwadri) kien mistenni li jospita familja magħmula sa massimu ta' erbgħa minn nies, abbażi tal-motto ta' Meyer Volksbedarf statt Luxusbedarf ("Ħtiġijiet tan-nies iktar milli konsum tal-lussu").

Parti ewlenija mid-disinn kienet l-użu minimu tal-materjali biex jiġu ffrankati l-kostijiet u l-użu tal-ispazji fuq ġewwa jiġu b'tali mod li l-ftit spazju jintużaw bl-iżjed mod effettiv possibbli. Saħansitra l-pumijiet tal-bibien ġew iddisinjati biex jintuża l-inqas ammont ta' metall. Il-gallariji kienu maħsuba mhux biss biex jipprovdu aċċess ekonomiku għall-appartamenti u jiġi ffrankat l-ispazju, iżda anke biex tiġi ffaċilitata l-interazzjoni soċjali bejn ir-residenti. L-appartamenti kollha kellhom tisħin ċentrali u kmamar tal-banju b'artijiet bit-terrazzo u b'banjijiet tal-enamel, xi ħaġa mhux tas-soltu fost l-abitazzjonijiet soċjali ta' dak iż-żmien.[26]

L-appartamenti nbnew għad-Dessauer Spar- und Baugenossenschaft, kumpanija korporattiva tal-qasam tad-djar. Ix-xogħol tal-kostruzzjoni kien beda fil-bidu tal-1930 u l-ħames binjiet kollha kien diġà tlestew sa Awwissu ta' dak is-sena. L-appartamenti swew RM 8,000 kull wieħed biex inbnew. Għalkemm il-kumpanija korporattiva riedet li l-appartamenti ma jkunux jiswew wisq flus, fl-istess ħin riedet ukoll li jkunu mgħammra sew u pjuttost komdi. Il-kiri kellu jiġi kkontrollat sabiex ma jaqbiżx kwart l-introjtu tal-inkwilini.

Il-ħames blokok tal-appartamenti kollha għadhom jeżistu u għadhom jintużaw bħala abitazzjonijiet soċjali. Ġew irrestawrati f'nofs is-snin 90 tas-seklu 20 skont kriterji ta' protezzjoni tal-binjiet storiċi. Illum il-ġurnata s-sjieda u l-ġestjoni tagħhom huma f'idejn il-kumpanija korporattiva tal-qasam tad-djar Wohnungsgenossenschaft Dessau eG. Appartament wieħed ġie rrestawrat għad-disinn oriġinali tiegħu u huwa miftuħ għall-pubbliku.

Il-Laubenganghäuser żdiedu bħala komponent tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2017.[1]

Il-kamra tal-ikel irrestawrata tal-Binja ta' Meyer-Wittwer, fl-Iskola tat-Trade Union tal-ADGB.

L-Iskola tat-Trade Union tal-ADGB f'Bernau bei Berlin hija kampus ta' ċentru tat-taħriġ li nbena fl-1928-1930. Ġiet iddisinjata minn Hannes Meyer u Hans Wittwer b'kollaborazzjoni mal-istudenti tal-Bauhaus. Inbniet għall-eks Federazzjoni tat-Trade Unions Ġermaniżi u kienet tinkludi kmamar fejn kienu jsiru s-seminars, sala tal-ikel, akkomodazzjoni għall-istudenti u għall-għalliema, faċilitajiet sportivi u librerija.[27]

Hija eżempju akkademiku tal-arkitettura funzjonalista tal-Bauhaus, kemm bħala prodott lest kif ukol fl-approċċ analitiku u kollaborattiv li ntuża fl-iżvilupp tad-disinn u fit-tlestija tal-proġett. Tinsab maġenb il-binja tal-Bauhaus f'Dessau u hija t-tieni l-ikbar proġett li qatt twettaq mill-moviment tal-Bauhaus.[28][29]

Ġiet iddisinjata biex tkun f'armonija mal-għolja msaġġra fejn tinsab. L-istoriku arkitettoniku Winfried Nerdinger iddeskriviha bħala "kapulavur tal-funzjonaliżmu poetiku".

L-iskola nfetħet fl-4 ta' Mejju 1930 u setgħet tilqa' 120 student.

Il-kumpless kellu diversi użi. Fost l-oħrajn intuża bħala l-Iskola tat-Tmexxija tar-Reich, fejn membri tal-elit tal-Gestapo u l-SS tħarrġu mill-1933 sal-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija. Il-kumpless ġie rrestawrat bejn l-2005 u l-2007, u minn dak iż-żmien 'l hawn intuża bħala ċentru edukattiv mill-Handwerkskammer Berlin (il-Kamra tal-Artiġjanat ta' Berlin). Fl-2008 l-arkitetti Brenne Gesellschaft von Architekten rebħu l-premju tal-Fond Dinji tal-Monumenti u tal-Moderniżmu ta' Knoll għar-restawr li kien sar.

L-Iskola tat-Trade Union tal-ADGB tniżżlet bħala komponent tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2017. Il-kumpless mhuwiex miftuħ għall-pubbliku ġenerali, iżda l-iStiftung Baudenkmal Bundeschule Bernau torganizza żjarat iggwidati tal-iskola bil-Ġermaniż.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Bauhaus u s-Siti tal-Moviment f'Weimar, f'Dessau u f'Bernau huwa t-titlu uffiċjali tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO ddeżinjat fl-1996. Iż-żona ta' lqugħ u l-għadd ta' komponenti tas-sit ġew immodifikati l-aħħar fl-2017.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

  • Markgraf, Monika (ed.) (2017) Bauhaus World Heritage Site (English edition). Leipzig: Spector Books. ISBN 978-3959051545.
  • Kern, Ingolf, et al. (2017) Bauhaus Travel Book: Weimar Dessau Berlin. Munich: Prestel. ISBN 978-3791382531.
  1. ^ a b ċ d e Centre, UNESCO World Heritage. "Bauhaus and its Sites in Weimar, Dessau and Bernau". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-27.
  2. ^ Knorr, Susan; Kern, Ingolf; Welzbacher, Christian (2012) Bauhaus Reisebuch, Bonn: Dumont.
  3. ^ "Bauhaus-Universität Weimar: The History of the Bauhaus-Universität Weimar". www.uni-weimar.de. Miġbur 2023-02-27.
  4. ^ "Bauhaus-Universität Weimar: Van de Velde Building". www.uni-weimar.de. Miġbur 2023-02-27.
  5. ^ "Bauhaus-Universität Weimar: Main Building". www.uni-weimar.de. Miġbur 2023-02-27.
  6. ^ "Bauhaus-Universität Weimar: Bauhaus Walk". www.uni-weimar.de. Miġbur 2023-02-27.
  7. ^ "Haus Am Horn". web.archive.org. 2018-11-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-11-24. Miġbur 2023-02-27.
  8. ^ "Alma Siedhoff-Buscher". web.archive.org. 2020-05-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2020-05-03. Miġbur 2023-02-27.
  9. ^ "Bauhaus-Universität Weimar: Haus Am Horn". www.uni-weimar.de. Miġbur 2023-02-27.
  10. ^ "Haus Am Horn ab 18. Mai 2019 wiedereröffnet - Klassik Stiftung Weimar". www.klassik-stiftung.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2023-02-27.
  11. ^ Markgraf, Monika (ed.) (2017) Bauhaus World Heritage Site. Leipzig: Spector Books.
  12. ^ "Bauhaus Building by Walter Gropius (1925–26) : Bauhaus Building : Stiftung Bauhaus Dessau / Bauhaus Dessau Foundation". web.archive.org. 2018-12-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2018-12-28. Miġbur 2023-02-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  13. ^ "Bauhaus Prellerhaus". Architectuul. Miġbur 2023-02-27.
  14. ^ "Das Bauhaus in Dessau". www.bauhaus-dessau.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2023-02-27.
  15. ^ Püschel, Konrad (1997) Wege eines Bauhäuslers. Dessau: Anhaltische Verlagsgesellschaft mbH.
  16. ^ Sack, M. (l-10 ta' Diċembru 1976) Feier ohne Fest: Die DDR erinnert sich an ein Stück deutscher Vergangenheit f'Die Zeit.
  17. ^ "✅ Bauhaus building in Dessau - Data, Photos & Plans" (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-27.
  18. ^ "Campus Dessau". www.hs-anhalt.de (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-27.
  19. ^ "Das Bauhaus in Dessau". www.bauhaus-dessau.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2023-02-27.
  20. ^ "Masters' Houses by Walter Gropius (1925–26)". www.bauhaus-dessau.de (bl-Ingliż). Miġbur 2023-02-27.
  21. ^ Lorch, Catrin (2019) "Gemälde in drei Dimensionen" in Süddeutsche Zeitung (Feuillteton, p. 9).
  22. ^ "New Masters' Houses by Bruno Fioretti Marquez (2014)". www.bauhaus-dessau.de (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-05-27. Miġbur 2023-02-27.
  23. ^ "ZEIT ONLINE | Lesen Sie zeit.de mit Werbung oder im PUR-Abo. Sie haben die Wahl". www.zeit.de. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-02-27. Miġbur 2023-02-27.
  24. ^ "Bauhaus-Siedlung Dessau-Törten: Laubenganghäuser (1929–30)". www.bauhaus-dessau.de (bil-Ġermaniż). Miġbur 2023-02-27.
  25. ^ "Startseite Laubenganghäuser Dessau-Roßlau - Welterbe? Laubenganghäuser Dessau-Roßlau". www.laubenganghaeuser.de. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-02-04. Miġbur 2023-02-27.
  26. ^ "UNESCO World Heritage Bauhaus Houses with Balcony Access in Dessau". www.bauhaus-dessau.de (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-05-27. Miġbur 2023-02-27.
  27. ^ "Hans Wittwer". web.archive.org. 2018-11-24. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2018-11-24. Miġbur 2023-02-27.
  28. ^ "ADGB Trade Union School". Architectuul. Miġbur 2023-02-27.
  29. ^ "The "School in the Woods" as a Socio-pedagogical Ideal". web.archive.org. 2019-04-11. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-04-11. Miġbur 2023-02-27.