Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu, Valletta

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Il-Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu hija bażilika minuri Karmelitana Kattolika Rumana ddedikata lill-Madonna tal-Karmnu, li tinsab fil-Belt Valletta, Malta. Hija waħda mill-knejjes ewlenin tal-Belt Valletta, u tifforma parti minn Sit ta’ Wirt Dinji tal-UNESCO li jinkludi l-belt kollha. Il-knisja preżenti nbniet bejn l-1958 u l-1981 fuq l-istess post ta' knisja li nqerdet matul it-Tieni Gwerra Dinjija, li kienet ilha hemm mill-aħħar tas-seklu 16.

Il-Papa Ljun XIII ta digriet Pontifikali ta’ inkurunazzjoni kanonika għax-xbieha Marjana meqjuma tagħha tal-Madonna tal-Karmnu fid-19 ta’ Ġunju 1880 permezz tal-Kapitlu tal-Vatikan. L-inkurunazzjoni saret fil-15 ta’ Lulju 1881.

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

L-ewwel knisja[immodifika | immodifika s-sors]

L-Ordni Karmelitan stabbiliet preżenza f'Malta mill-inqas sa mill-1418,[1] u waqqaf knisja u kunvent ġewwa l-Belt Valletta ftit wara li bdiet tinbena l-belt fl-1566. Il-Gran Mastru Pierre de Monte trasferixxa biċċa art fil-belt lill-Karmelitani fis-27 ta’ Lulju 1570; l-att tat-trasferiment inżamm fl-atti tan-nutar Placido Habel. Il-proprjetà ġiet trasferita għal 66 skudi, iżda f'April 1571 del Monte ħareġ żewġ digrieti li ħassru din is-somma, b'tali mod li l-Karmelitani ngħataw l-art b'xejn.[2]

Il-vigarju Karmelitan Ġwann Vella inkariga lill-perit Girolamo Cassar biex jiddisinja l-knisja u l-prijorat. Waqt li kienu qed jinbnew, saret quddiesa f’kappella żgħira temporanja ddedikata lil Marija Annunzjata. L-Inkwiżitur Pietro Dusina żarha fi Frar 1575 u għamel inventarju tal-kontenut tagħha. Il-kappella serviet bħala l-ewwel knisja parrokkjali tal-Belt Valletta,[1] sakemm aktar tard ġiet assorbita fil-parroċċa tan-Nawfraġju ta' San Pawl.[3] Il-knisja ta’ Cassar tlestiet fl-1591[4] jew fl-1608.[1]

Bejn is-sekli 16 u 18, bosta kavallieri tal-Ordni ta' San Ġwann taw donazzjoni ta’ flus, proprjetà jew xogħlijiet tal-arti lill-patrijiet Karmelitani, u wieħed minn dawn il-kavallier, Girolamo de Fosses, ħallas għall-bini ta’ kappella ddedikata lill-Madonna tal-Pilar ġewwa l-knisja. Il-bini kien favorit b'mod speċjali minn kavallieri mil-lingwa Ġermaniża li kienu bbażati fil-Berġa tal-Ġermanja fil-qrib, aktarx għax ma kellhomx knisja ddedikata tagħhom.[2]

Fl-1852, inbniet faċċata ġdida fuq disinni tal-perit Giuseppe Bonavia,[5] u saru wkoll xi alterazzjonijiet interni f'dan il-punt. L-artal tal-knisja ġie nkurunat mill-Isqof Carmelo Scicluna fil-15 ta’ Lulju 1881,[4] u fis-6 ta’ April 1886, il-knisja ġiet ikkonsagrata mill-Amministratur Appostoliku Antonio Maria Buhagiar. Il-Papa Ljun XIII taha l-istatus ta' bażilika minuri fit-13 ta’ Mejju 1895.[1]

Fl-4 ta’ Marzu 1942, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, il-knisja ġiet ibbumbardjata u ġarrbet ħsarat serji. Sussegwentement il-patrijiet Karmelitani ddeċidew li jwaqqgħu l-fdalijiet tagħha u jibnu knisja ġdida.[1] Diversi oġġetti artistiċi u storiċi ntilfu fil-proċess,[6] għalkemm ħafna mill-kontenut tal-knisja l-qadima ġew salvati u inkorporati fil-bini l-ġdid.[7]

Knisja preżenti[immodifika | immodifika s-sors]

Il-koppla tal-Bażilika (lemin) u l-kampnar tal-Pro-Katidral ta’ San Pawl (xellug) huma l-elementi prinċipali fil-panorama l-aktar magħrufa tal-belt tal-belt Valletta

Il-knisja preżenti nbniet fuq disinni tal-perit Ġużè Damato. Il-kostruzzjoni bdiet fit-30 ta’ April 1958, meta l-ewwel ġebla tbierket mill-Pirjol Ġenerali. Il-bini tlesta fil-15 ta’ Ġunju 1981, sussegwentement ġie mbierek mill-Pirjol Provinċjal Manwel Gatt.[1] Il-koppla tal-knisja hija kemxejn ogħla mill-kampnar tal-Pro-Katidral Anglikan ta' San Pawl fil-qrib,[8] u kien rappurtat li kienet iddisinjata apposta sabiex tikkompeti magħha.[7]

L-intern tal-knisja ġie skolpit minn Ġużè Damato fuq medda ta’ 19-il sena.[8]

Il-knisja taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-parroċċa ta’ San Duminku,[9] u l-bini huwa mniżżel fl-Inventarju Nazzjonali tal-Proprjetà Kulturali tal-Gżejjer Maltin.[10]

Arkitettura[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Bażilika fuq ġewwa

Il-knisja tas-seklu 16 kellha tul ta’ 150 feet (46 m) u wisa' ta' 50 feet (15 m), u kienet tikkonsisti f’navata wiesgħa u kappelli laterali b’total ta’ għaxar altari. Kellha koppla baxxa u kampnar, u l-intern kien imżejjen b’affreski miżbugħin.[1]

Il-knisja tas-seklu 20 ġiet deskritta bħala eżempju ta' arkitettura neoklassika.[10] Għandha koppla kbira ovali għolja 42 metres (138 ft) li tokkupa pożizzjoni prominenti fl-panorama tal-Belt Valletta kif tidher min-naħa ta' Marsamxett.[8] Internament, il-knisja għandha kolonni ta' rħam aħmar.

Niċċa bl-istatwa tal-Madonna tal-Karmnu tinsab fuq barra tal-knisja,[10] fil-kantuniera tat-Teatru l-Qadim u Triq iż-Zekka. L-istatwa ġiet skolpita minn Salvatore Dimech fl-1855.[11]

Xogħlijiet tal-arti[immodifika | immodifika s-sors]

L-altar tal-knisja

Wara l-artal tal-knisja hemm pittura tal-Verġni Marija qed iżżomm lil Ġesù Bambin, flimkien mal-qaddisin Xmun Stock u Agata ta’ Sqallija.[a] L-artist u l-oriġini tal-pittura mhumiex magħrufa, iżda huwa maħsub li jmur lura għall-inqas għall-aħħar tas-seklu 16 jew il-bidu tas-17 u xi wħud jattribwixxuha lil Filippo Paladini.[bżonn referenza] Xi sorsi jgħidu li x-xogħol kien akkwistat mill-Karmelitani minn Sqallija fi żmien il-bini tal-ewwel knisja.[bżonn referenza] Il-pittura ġiet restawrata minn Paul Cuschieri fl-1856, minn Samwel Bugeja fl-1978, u minn Godwin Cutajar fis-seklu 21.[4]

Statwa tal-injam tal-Madonna tal-Karmnu li ġiet skolpita f’Napli fl-1781 tinsab ġewwa niċċa fil-knisja. Hija wieqaf fuq pedestall tal-fidda ddisinjat minn Abram Gatt, u ġie restawrat minn Publiju Magro fis-seklu 21.[1]

Il-knisja tinkludi wkoll ix-xogħol tal-1670 Beato Franco ta' Maria de Dominici.[7]

Dfin[immodifika | immodifika s-sors]

Ġew midfuna bosta nies fil-knisja, fosthom diversi kavallieri tal-Ordni ta' San Ġwann,[2] Caterina Scappi u Caterina Vitale.[7] Il-lapidi tal-irħam Barokk ta’ Scappi u Vitale kienu salvati wara l-attakk tat-Tieni Gwerra Dinjija u twaħħlu mal-ħitan ta' ġewwa tal-knisja l-ġdida.[6]

Noti[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Sorsi mis-sekli 18 u 19 isostnu li tidher ukoll Sant Luċija; din m'għadix tidher fil-kwadru attwali u dan aktarx għax tneħħiet fl-1856 meta l-pittura kienet ġiet restawrata[4]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ d e f ġ g Duncan, Hermann (19 September 2016). "The Church of Our Lady of Mount Carmel in Valletta". The Malta Independent. Arkivjat minn l-oriġinal fl-16 July 2022.
  2. ^ a b ċ Galea, Michael (15 July 2022). "The Knights of St John and the Carmelite church in Valletta". Times of Malta. Arkivjat minn l-oriġinal fl-15 July 2022.
  3. ^ "Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu (Patrijiet Karmelitani)". Archdiocese of Malta . Arkivjat minn l-oriġinal fl-16 July 2022.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
  4. ^ a b ċ d Duncan, Hermann (21 August 2016). "The painting of Our Lady of Mount Carmel in Valletta". Times of Malta. Arkivjat minn l-oriġinal fl-16 July 2022.
  5. ^ Thake, Conrad (2016). "Giuseppe Bonavia (1821–1885): a Maltese architect with the Royal Engineers". At Home in Art: Essays in Honour of Mario Buhagiar (PDF). pp. 432–443, 487–490. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-21 May 2022.
  6. ^ a b Bonello, Giovanni (23 August 2015). "Caterina Scappi and her revolutionary hospital for women who were incurable". Times of Malta. Arkivjat minn l-oriġinal fl-12 July 2022.
  7. ^ a b ċ d Hoe, Susanna (2015). "17 – Valletta". Malta: Women, History, Books and Places (PDF). Oxford: HOLO Books. p. 365. ISBN 9780957215351. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-10 April 2022.
  8. ^ a b ċ "Building one of Malta's most iconic landmarks". Malta Audio Visual Memories. Arkivjat minn l-oriġinal fl-16 July 2022.
  9. ^ "Parroċċa tal-Belt Valletta – San Duminku". Archdiocese of Malta . Arkivjat minn l-oriġinal fl-9 March 2022.Manutenzjoni CS1: lingwa mhix magħrufa (link)
  10. ^ a b ċ "Basilica of the Madonna of Mount Carmel" (PDF). National Inventory of the Cultural Property of the Maltese Islands. 27 August 2012. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-5 January 2022.
  11. ^ "Niche of the Madonna of Mount Carmel" (PDF). National Inventory of the Cultural Property of the Maltese Islands. 27 August 2012. Arkivjat minn l-oriġinal (PDF) fl-16 July 2022.