Anthony Aquilina
Anthony Aquilina | |
---|---|
Ħajja | |
Twelid | Ħaż-Żebbuġ, 25 Lulju 1906 |
Nazzjonalità |
Kolonja ta' Malta Stat ta' Malta Malta |
L-ewwel lingwa |
Malti Ingliż |
Mewt | 21 Settembru 1985 |
Post tad-dfin | Ċimiterju tal-Addolorata |
Kawża tal-mewt | kawżi naturali (infart tal-mijokardju) |
Edukazzjoni | |
Lingwi |
Malti Ingliż |
Okkupazzjoni | |
Okkupazzjoni |
kompożitur klarinettist maġġur direttur mużikali surmast tal-banda maestro |
Impjegaturi |
Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own Każin tal-Banda King's Own (1956 - 1983) Soċjetà Mużikali Sant’Antnin (1983 - 1985) |
Sħubija |
Artillerija Rjali ta' Malta Għaqda Każin Banda San Filep (en) Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own Każin tal-Banda King's Own Soċjetà Mużikali Sant’Antnin |
Il-Maġġur Anthony Aquilina (25 ta’ Lulju 1906 - 21 ta’ Settembru 1985) magħruf bħala ‘ir-Re tal-Marċi’ huwa surmast rinomat Malti magħruf għall-kontribut tiegħu fid-dinja tal-mużika f’Malta, speċjalment fil-qasam tal-baned tal-festi tradizzjonali Maltin. Matul il-karriera tiegħu, huwa mexxa diversi baned b’suċċess u ħalla impatt sinifikanti fuq il-kultura mużikali tal-gżejjer Maltin.[1]
Ħajja Bikrija u Edukazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Anthony Aquilina twieled Ħaż-Żebbuġ fil-25 ta’ Lulju 1906. Huwa kien iben Indri Aquilina u Filippa imwielda Bugeja. Missieru kien igorr il-qlugħ tad-dgħajjes minn Ħaż-Żebbuġ sal-Marsa bil-karrettun tiegħu[2]. Tgħammed l-għada fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Filep u ingħata l-ismijiet ta’ Paul, Philip, Joseph iżda kulħadd kien jafu bħala Anthony jew Ninu. Huwa kellu żewġ ħutu bniet Filippa u Marija.[2] [1]
Beda jistudja l-mużika taħt l-assistent surmast Wiġi Said, partikolarment il-klarinett, minn eta’ ta’ tmien snin mal-Każin Banda San Filep u ta’ għaxar snin ħareġ jdoqq għal-l-ewwel darba ma’ din l-istess banda.[1] Huwa kompla jistudja il-mużika taħt is-surmast Awstrijak Aurelio Doncich li dak iż-żmien kien is-Surmast tas-Soċjetà Filarmonika ‘King’s Own’ tal-Belt Valletta.[3]
Kien peremezz tal-Mro Doncich li daħal bħala Band Boy mal-armata Ingliża, meta irrekomandah lil-Kurunell tal-Royal Malta Artillery [4] . Meta daħal fl-armata Ingliża, it-talent tiegħu ġibet l-attenzjoni tas-surmast tal-banda tal-armata u dak irrkomanda biex Aquilina jkompli l-istudji tiegħu ġewwa l-Ingilterra. Huwa temm l-istudji tiegħu bl-unuri u saħansitra rebaħ borża tal-istudji Royal Military School of Music fi Kneller Hall Twickenham Surrey, fl-Ingilterra.[1] Kien hawn fejn tgħallem l-istrumentazzjoni, id-direzzjoni, u l-kompozizzjoni, kemm għall-orkestra, kif ukoll għall-banda.
Aquilina iltaqa’ ma’ tfajla Kanadiża bl-isem ta’ Catherine Ross meta kien qed jgħix l-Ingilterra. Huma iżżewġu nhar it-2 ta’ April fil-Knisja tal-Vitorja ġewwa l-Belt Valletta. Kellhom tifel wieħed, Geoffrey Aquilina Ross.[5]
Apparti li jdur il-festi u l-każini, Aquilina kien dilettant kbir tal-futbol fejn kien jsegwi s-Sliema Wanderers u t-tim Ingliż tal-Arsenal. Kien iħobb l-għawm[6] kif ukoll passiġġati fil-kampanja mal-klieb tiegħu.[4]
Karriera u Kisbiet
[immodifika | immodifika s-sors]Matul iż-żmien tiegħu jitgħallem fl-Ingilterra irnexxilu jikseb tlett medalji. Fl-1927 ingħata l-’Cousins’ Memorial’ talli kiseb l-ewwel premju fid-daqq tal-klarinett. Fl-1930 naraw li rebaħ żewġ unuri oħra; tal-’Conducting’ kif ukoll dak ta’ l-għola punteġġ fl-arrangemnti mużikali għall-orkestra u għal baned militari.[1]
Niżel Malta bħala Warrant Officer Class 1[1] u ħa f’idejh it-tmexxija tal-Banda tar-Royal Malta Artillery. Huwa dam surmast ta’ din il-banda għal seba’ snin, fejn wara ingħatalu t-titlu ta’ president onorarju.[1] Taħtu din il-banda saret aktar professjonali u bdiet tikseb ħafna tifħir.[3]
Fil-bidu tat-Tieni Gwerra Dinjija kien laħaq r-rank ta’ Commissioned Officer, fizzjal b’żewġ stilel. Baqa javvanza fl-armata fejn laħaq il-grad ta’ Maġġur. Huwa rtira mir-Royal Malta Artillery fl-eta’ ta 57 sena.[1]
L-ewwel inkarigu ma banda mhux militari kienet ma dik tal-Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara.[3] Fl-1 t'Ottubru tal-1945 l-Kaptan, aktar tard Maggur, Anthony Aquilina nħatar Surrnast Direttur tal-istess banda Banda Duke of Connaught’s Own u dam fil-kariga sas-sena 1956.[7] Fost l-aktar marċi popolari nsibu dak ta’ ‘Come on the Stripes’ li ikkompona meta t-tim tal-futbol Birkirkara F.C. akkwista promozzjoni għall aktar diviżjoni għolja tal-futbol Malti.[3]
Fl-1956 wara Mro. Joseph Casapinta, laħaq Anthony Aquilina bħala is-surmast tal-Banda King’s Own tal-Belt Valletta. Aquilina dam surmast sal-1972 u matul dan iż-żmien ikkompona diversi marċi brijjużi, li grazzi għalihom ingħatalu t-titlu tar-Re tal-Marċi.[3]
Il-Maġġur Aquilina kiteb diversi marċi brijjużi. L-istil tiegħu jingħaraf għaliex huwa dak stil militari iżda b’elementi Mediterranji u b’xi laqtiet Spanjoli. Marċi funebri qatt ma kiteb.[1]
Wara li rtira bħala Surmast tal-King’s Own, ħadem fuq proġett fejn fl-1979 irnexxilu joħroġ Long Play bil-mużika tiegħu bit-titlu Festive Memories No. 2.[1] Din kienet suċċess kbir, tant li fl-1982 ħareġ it-tieni waħda tiegħu.[3] It-tielet waħda tiegħu ħarġet wara mewtu bit-titlu ta’ Happy Memories.[1]
Fl-1983, huwa inħatar bħala l-ewwel surmast tas-Soċjetà Mużikali Sant’Antnin li kienet għada kif tingħaqad f’Birkirkara.[3] L-uniku innu-marċ li kiteb u kkompona għal din il-banda kien dak bl-isem ta’ Preghiera a Sant’ Antonio.[1]
Aquilina kien jservi bħala konsulent tal-mużika mal-kumpanija ‘Redifussion’ u kien ukoll jippreżenta programm tal-mużika klassika u semi-klassika.[3]
L-aħħar marċ li kiteb kien il-’Marie Louise’ u ndaqq mill-Banda Leone fl-1987.[8]
Xogħolijiet Magħżula
[immodifika | immodifika s-sors]Marci[9]
[immodifika | immodifika s-sors]- Is-Sur Mizzi (1946)
- Wenzinos (1947)
- Ta' Gerrew (1947)
- Ġanni Sfafar (1947)
- In-Nakku (1947)
- Is-Sur Ġiġ (1948)
- Il-Wiżna (1948)
- L-Imgħallem (1948)
- Elena Elena (1948)
- Vivax-Xemx (1948)
- Fiorentina (1949)
- Los Guitarreros (1950)
- Ċieqa u Ċelest (1950)
- The Seven Sons (1950)
- Lilly Pom Pom (1951)
- Dawk Tagħna )1951)
- Il-Bronżajju (1953)
- The Two Sisters (1953)
- Come On The Stripes (1953)
- Lilly Pom Pom The 2nd (1957)
Mewt u Legat
[immodifika | immodifika s-sors]Waqt telefonata lil ħabib tiegħu Charles Calleja, Aquilina stqarr li ma tantx jiflaħ dakinhar. Meta dan mar jżuru induna li ma kienx qed sew u dlok ċempel lit-tabib Anthony Galea Debono. Wara l-eżaminazzjoni tiegħu għarrfu li kien tah attakk tal-qalb qawwi. Tah il-parir li jmur l-isptar u jsejjah ambulanza. Aquilina xtaq li jwasslu sieħbu Calleja. Iżda fil-ħin li mar jġib il-karozza, Aquilina t6laħaq miet.[1] [9] Il-Maġġur miet fil-21 ta’ Settembru 1985 fid-dar tiegħu f’Tas-Sliema. [10]
Il-funeral sar nhar l-24 ta’ Settembru 1985 fil-Knisja ta’ Sant’Antnin ta’ Birkirara, fejn il-korteo telaq mill-isptar San Luqa sal-każin tal-Banda Duke of Connaught’s Own fejn kien hemm numru kbir ta’ nies jistennewh biex jagħtu l-aħħar tislima. Fost il-folla kien hemm il-Prim Ministru ta’ Malta Dr. Karmenu Mifsud Bonnici u diversi membri parlamentari kif ukoll rappreżentati tal-armata. Ma kienux jonqsu diversi rapreżentanti ta’ baned Maltin u Għawdxin bl-istandardi tagħhom. Tul il-korteo daqqet il-Banda Sant’ Antnin u t-tebut tiegħu kien l-ħin kollu kien merfugħ mill-membri tal-kumitat tal-Banda Sant'Antnin.[11] Fuq xewqa tal-Maġġur indaqq l-marċ Balfrendozan kif ukoll l-innu-marċ Preghiera a San Antonio. Għadd ta’ Każini tellgħu il-bandiera mezz’asta bħala torija ta’ rispett.[1]
Huwa jinsab midfun fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata fil-qabar tas-Soċjeta’ King’s Own li jinsab fid-Diviżjoni Punent CA-U-2.[3] [10]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d e f ġ g għ h ħ i ie j Galea, Victor (2010). "25 anniversarju mill-mewt tal-akbar kompożitur, il-Maggur Anthony Aquilina". Festa [San Ġużepp, Għaxaq] 2010 (bil-Malti). Għaxaq: Għaqda Mużikali San Ġużepp: 40, 42, 43.
- ^ a b Mangion, Marlene (2010). "Infakkru lill-Maġġur Anthony Aquilina, surmast tal-marċi". Festa Madonna taċ-Ċintura, Gudja, 2010 (bil-Malti). Gudja: Għaqda Mużikali Marija Assunta: 63, 65.
- ^ a b ċ d e f ġ g għ Moon, Stephen (2005). "20 sena mill-mewt tar-Re tal-Marci Maltin il-Maggur Anthony Aquilina (1906 - 1985)". L-Isbaħ Ġawrha, [festa Marija Bambina, Xagħra, 2005] (bil-Malti). Xagħra: Soċjetà Filarmonika ‘Victory’: 79–80.
- ^ a b Maggi, Manwel (1993). "Il-maġġur Anthony Aquilina...ir-re tal-briju u l-marċi". Programm tal-festa [San Gejtanu, Ħamrun] (bil-Malti). Ħamrun: Għaqda tal-Mużika San Gejtanu: 331, 333, 335, 337.
- ^ Galea, Victor (2010). "Il-Maggur Anthony Aquilina : 25 sena mill-mewt tal-akbar kompożitur tal-marċi Brijużi". Mill-Każin : festa 2010 (bil-Malti). Valletta: Soċjetà Filarmonika ‘King’s Own’: 27–31.
- ^ Fenech, Edmond (2015). "Surmastrijiet u kompozituri Maltin (2) Mjr Anthony Aquilina (1906-1985)". Festa [Madonna tal-Karmnu, Balluta], 2015 (bil-Malti). St. Julians: Soċjetà Mużikali tal-Karmnu Balluta: 85–89.
- ^ Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own (Birkirkara, Malta) (2015). "150 sena ta' storja glorjuża - siltiet mill-aktar avvenimenti importanti tal-Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught's Own". Festa [Santa Liena, Birkirkara] 2015 (bil-Malti). Birkirkara: Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own: 121–125.
- ^ Xuereb, Omar (2006). "Il-maġġur Anthony Aquilina - 100 sena mit-twelid". Festa Madonna taċ-Ċintura, Gudja, 2006 (bil-Malti). Gudja: Għaqda Mużikali Marija Assunta: 57.
- ^ a b Galea, Victor (2015). "Il-Maġġur Anthony Aquilina, is-surmast tal-marċi Maltin (1985-2005)". Festa [Santa Liena, Birkirkara] 2015 (bil-Malti). Birkirkara: Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own: 97–99.
- ^ a b Bonnici, Eman (2016). "Żebbuġin magħrufa midfuna fiċ-ċimiterju ta' Santa Marija Addolorata". Għaqda Każin Banda San Filep, A.D. 1851, Ħaż-Żebbuġ : festa, 2016 (bil-Malti). Ħaż-Żebbuġ: Każin Banda San Filep: 243–250.
- ^ Soċjetà Mużikali Sant’Antnin (Birkirkara, Malta) (2008). "L-ewwel surmast direttur tal-Banda Sant'Antnin B'Kara: Maġġur Anthony Aquilina (1983-1985)". Festa [Sant’Antnin, Birkirkara] 2008 (bil-Malti). Birkirkara: Soċjetà Mużikali Sant’Antnin: 61, 63.