Aqbeż għall-kontentut

Amedeo Preziosi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Amedeo Preziosi
Ħajja
Isem propju Aloysius-Rosarius-Amadeus-Raymundus-Andreas
Twelid Malta, 2 Diċembru 1816
Nazzjonalità Malta
Mewt Yeşilköy (en) Translate, 27 Settembru 1882
Familja
Aħwa
uri
Edukazzjoni
Alma mater Beaux-Arts de Paris
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni pittur
Moviment neoclassicism (en) Translate
romantiċiżmu
Psewdonomu Amedeo
Moviment artistiku arti pajsaġġistika
ritratt
pittura tal-ġeneru

Amedeo Preziosi (2 ta’ Diċembru 1816 – 27 ta’ Settembru 1882) kien pittur u vjaġġatur Malti magħruf għall-akwarelli u l-istampi tiegħu tal- Balkani, l-Imperu Ottoman, u r-Rumanija.

Amedeo Preziosi twieled fl-1816 minn familja nobbli f’Malta. Missieru, Giovanni Francesco Preziosi, kellu funzjonijiet ta’ livell għoli fl-amministrazzjoni lokali u rrappreżenta lill-poplu Malti fin-negozjati tat -Trattat ta’ Amiens fl-1802, filwaqt li ommu, Margareta née Reynaud, kienet ta’ oriġini Franċiża.[1] Amedeo, l-ewwel wild tal-familja Preziosi, tgħammed fil-Knisja ta' Porto Salvo fil-Belt Valletta u ngħata l-isem Aloysius-Rosarius-Amadeus-Raymundus-Andreas.[2] Ħuh iż-żgħir Leandro Preziosi sar wieħed mill-pijunieri tal-fotografija bikrija f’Malta.[3]

Amedeo kien miġbud lejn l-arti minn età żgħira u kien mgħallem minn Giuseppe Hyzler, pittur magħruf ħafna f'Malta f'dak iż-żmien.[4] Filwaqt li missieru ried li Amedeo jistudja l-liġi, u bagħtu jistudja fl-Iskola tal-Liġi f'Sorbonne, Amedeo kien aktar interessat fl-arti u biex ikompli l-istudji tiegħu tal-pittura fl-École des Beaux-Arts.[4] Wara li mar lura d-dar, Amedeo ma sabx f’Malta ambjent addattat għal artist, speċjalment peress li missieru ma kienx approva l-karriera li għażel għalih innifsu. Amedeo għalhekk għażel li jħalli l-gżira u jmur lejn il- Lvant Qarib, żona imfittxija sew mill-artisti sħabi ta' Pariġi. Is-sena meta telaq minn Malta lejn Istanbul mhix magħrufa, iżda huwa maħsuba li kienet bejn l-1840 u l-1842.[4]

L-ewwel tpinġijiet tiegħu ta' Istanbul huma datati Novembru 1842. Sentejn wara, fl-1844, Preziosi ġie kkummissjonat minn Robert Curzon, is-segretarju privat tal-Ambaxxatur Brittaniku għal Istanbul, Lord Stratford Canning, l-1 Viscount Stratford de Redcliffe biex joħloq album imsejjaħ Kostumi ta' Kostantinopli, li issa jinsab fil-kollezzjonijiet tal- British Museum.[5]

Fi żmien meta l-kartolini u l-arti fotografika kienu għadhom fil-bidu tagħhom, Preziosi offra lit-turisti u l-viżitaturi Ewropej ta' Istanbul tpinġijiet tal-belt u l-madwar. Fl-1858, iddeċieda li jippubblika l-aktar xogħlijiet popolari bħala litografi fil-ħanut tax-xogħol ta' Lemercier f’Pariġi. L-album tal-kromolitografija, bl-isem Stamboul, Recollections of Eastern Life u editjat mill-ġdid fl-1861 bħala Stamboul, Souvenir d'Orient kien imfassal fuq il-ġebla litografika minn Preziosi nnifsu. Huwa ppubblika t-tieni album, Souvenir du Caïre, li jinkludi tpinġijiet li għamel waqt vjaġġ lejn l-Eġittu [5]

Amedeo Preziosi, ritratt fotografiku ta' Nadar (bejn l-1860 u l-1870)

Preziosi żżewweġ mara Griega f'Istanbul, li magħha kellu erbat itfal: Mathilde, Giulia, Catherine u Roberto. Huma kienu jgħixu f'Hamalbaşi Sokagi f'Pera u aktar tard fir-raħal kwiet ta' San Stefano (illum Yeşilköy ), 'il bogħod mill-aġitazzjoni tal-belt.[6]

Preziosi kien profiċjenti fil-lingwi tar-reġjun (il-Grieg u t-Tork), kif ukoll fil-lingwi Ewropej ewlenin (l-Ingliż, il-Franċiż, u t-Taljan) u ħadem bħala deputat tad-dragoman tal-Ambaxxata Ingliża kif ukoll bħala l-Ewwel Dragoman tal-legazzjoni Griega.[6]

Il-ħanut tax-xogħol tiegħu kien regolarment jilqa' fih turisti li xtaqu jmorru lura d-dar b’tifkira ta’ Istanbul, u fost il-mistednin tiegħu kien hemm, f’April 1869, Edward VII tar-Renju Unit, dak iż-żmien il-Prinċep ta’ Wales, li xtara mingħandu diversi akwarelli. Fl-1866, hekk kif il-Prinċep il-ġdid tar-Rumanija, Carol I żar Istanbul, iltaqa’ ma’ Preziosi u stiednu r-Rumanija biex jagħmel akkwarelli tal-pajsaġġi u n-nies tal-pajjiż.[7]

Il-qabar ta' Preziosi fil-knisja Kattolika Rumana l-antika f'Yeşilköy (qabel San Stefano), Istanbul, it-Turkija

Preziosi mar ir-Rumanija f’Ġunju 1868 u beda jpinġi xeni minn Bukarest kif ukoll diversi oħrajn madwar il-pajjiż, inklużi ftit li juru lill-Prinċep Carol I. L-abbozzi li pinġa aktar tard jinbidlu f’akwarelli fil-ħanut tax-xogħol f’Istanbul, biex jibigħu lill-Prinċep tar-Rumanija għal prezzijiet li jvarjaw minn 300 sa 1200 Frank.[8] Is-sena ta’ wara, bejn it-30 ta’ Mejju u l-15 ta’ Lulju, Preziosi reġa’ qatta’ żmien fir-Rumanija. It-tpinġijiet tiegħu, bil-lapes, bil-linka u bl-akwarelli jinstabu fi sketchbook La Valachie par Preziosi, li issa jinsab fil-Mużew Muniċipali f’Bukarest.[9]

Wara r-ritorn tiegħu mill-aħħar vjaġġ tiegħu fir-Rumanija, ftit hu magħruf dwar Preziosi. Huwa kompla jaħdem fuq l-arti tiegħu f'Istanbul, iżda hekk kif il-fotografija nfirxet aktar, l-akwarelli tiegħu ma baqgħux daqshekk profittabbli, peress li l-kopji kienu ħafna irħas u bla limitu minn ritratt wieħed.[10]

Preziosi nqatel bi sparatura aċċidentlai ta' arma tan-nar waqt il-kaċċa. Huwa kien midfun fiċ-ċimiterju Kattoliku ta' Yeşilköy, f'Istanbul.

Wara mewtu, ix-xogħlijiet tiegħu ġew minsija għal għexieren ta' snin. F'Bukarest, ix-xogħlijiet tiegħu reġgħu ġew ippreżentati lill-pubbliku fl-1934. Fl-1985, xi xogħlijiet tiegħu ġew esebiti f'wirja ddedikata lilu fil-Victoria and Albert Museum ta' Londra. Fl-2003, wirja tax-xogħlijiet tiegħu ġiet organizzata fil-Mużew ta' Bukarest.[11]

  1. ^ Ionescu, p. 14
  2. ^ Ionescu, p. 14-15
  3. ^ Times of Malta, Leandro Preziosi
  4. ^ a b ċ Ionescu, p. 15
  5. ^ a b Ionescu, p. 16
  6. ^ a b Ionescu, p. 19
  7. ^ Ionescu, p. 19-20
  8. ^ Ionescu, p. 20; 25;27
  9. ^ Ionescu, p. 28-29
  10. ^ Ionescu, p. 40
  11. ^ "Amedeo Preziosi: Painter of an Exotic, Vanished World", SE Times, July 14, 2003