Phylum

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Il-livelli varji tas-sistema ta' klassifikazzjoni xjentifika. Speċi Ġeneru Familja Ordni Klassi Fajlum Renju Dominju Ħajja

Kabbar
Il-ġerarkija tal-ikbar tmien gradi tassonomiċi tal-klassifikazzjoni xjentifika.

Phylum (pronunzjata "Filum", Phyla fil-plural, pronunzjata "Fila") huwa Takson użat fil-Klassifikazjoni Xjentifika tal-organiżmi ħajjin. Il-Phyla jirrapreżentaw l-akbar gruppi ta' annimali u organiżmi oħra ħajja b'ċertu attributi evoluzzjonarji li huma ġeneralment aċċettati, għalkemm dawn xi kultant jiġu miġbura f'gruppi akbar l-hekk imsejħa Superphyla (eż. Ecdysozoa bi 8 Phyla). Informalment, Phylum jista' jkun maħsub bħala grupp ta' annimali bbażat fuq mudell ta' ġisem inġenerali.

Il-Phylum bħala Takson fil-ġerarkija obbligatorja qiegħed eżatt taħt il-Renju u livell aktar 'l fuq mil-Klassi.Il-Phylum bħala Takson fil-ġerarkija f'tassonomija kumplessa huwa Takson bejn is-Superphylum u s-Sottophylum.

Il-Klassifikazjonijiet tal-organiżmi f'sistema ġerarkika bdew jintużaw fis-sekli 17 u 18. Normalment l-organiżmi kienu jiġu miġbura fi gruppi skond is-similaritajiet morfoloġiċi bl-idejat tal-esperti ta' dawk iż-żminijiet u dawn il-gruppi fi gruppi akbar dejjem skond is-similaritajiet u kienu jibqgħu sejrin hekk sakemm tifforma ġerarkija sħiħa (eż. annimali bl-għadam u annimali b'exoskeletru "skeletru minbarra"). Madankollu bid-differenzi kollha fid-dehra esterjuri ta' dawn l-organiżmi, il-klassifikazjoni tal-Phyla hija bbażata fuq l-organizzazjoni interna.

Għalkemm il-Kodiċi Internazjonali tan-Nomenklatura Botanika jaċċetta l-użu tat-terminu "Phylum" b'referenza għal pjanti, fil-botanika kważi dejjem jiġi użat it-terminu "Diviżjoni".

L-aktar Phyla magħrufa huma Mollusca, Porifera, Cnidaria, Platyhelminthes, Nematoda, Annelida, Arthropoda, Echinodermata u Chordata. Dan ta' l-aħħar huwa il-Phylum li huwa klassifikat fih il-bniedem. Għalkemm bejn wieħed u ieħor hemm 35 Phylum, id-9 imsemmija hawn fuq jinkludu fihom il-biċċa l-kbira ta' l-ispeċi. Ħafna minn dawn il-Phyla huma esklużivament tal-baħar (jew marini) u Phylum 1 biss huwa totalment nieqes mill-ambjent tal-baħar, il- Onychophora jew ħniex tal-bellus.

L-aħħar Phylum skopert mix-xjenza kien Cycliophora fl-1993. Meta jinstab annimal ġdid ħafna drabi, jkun kemm ikun stramb, normalment dejjem ikun jikklassifika fost il-Phyla magħrufa. Għalkemm hemm miljuni ta' speċi eżistenti, dawn kollha jikklassifikaw taħt wieħed minn bejn wieħed u ieħor 35 Phylum. Madankollu S.pandora tant hija speċi mhux tas-soltu li ma kienx possibli tkun klassifikata taħt wieħed mill-Phyla eżistenti u b'hekk inħoloq Phylum ġdid il-Cycliophora għal din l-ispeċi biss u dan kien 1 mit-3 Phyla li ġew skoperti fl-aħħar seklu.