Joseph Calleia

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Aqbeż lejn: navigazzjoni, fittex
Joseph Calleia fil-film After the Thin Man (1936)

Joseph Calleia (Rabat, 4 ta' Awwissu 1897 - Tas-Sliema, 31 ta' Ottubru 1975), kien kantant, kompożitur, u attur Malti, li ħadem kemm fi Broadway kif ukoll films Amerikani. Calleia ħadem ma' uħud mill-artisti kbar ta' Hollywood, fosthom John Wayne, William Holden, Errol Flynn, Rita Hayworth, Mae West, Bette Davis, Jane Russell, Mario Lanza, Charlton Heston, Dean Martin u Jerry Lewis, Orson Welles, Tyrone Power, Alan Ladd u Anthony Quinn.

Il-bidu[editja]

Bin Pasquale u Elena mwielda Calleja, Joseph Calleia twieled is-Saqqajja, ir-Rabat, Malta, u ħa l-edukazzjoni tiegħu San Ġiljan u l-Kulleġġ ta' San Alwiġi. Organizza harmonica band li minnha għamel biżżejjed flus biex fl-1914 ħalla Malta meta kien għad kellu 17-il sena, u beda jdur mal-Ewropa ikanta f'kafejiet u fi swali tal-mużika ta' ħafna bliet kapitali li kienu mifnija bil-gwerra. Iktar tard mar ikanta fi New York u wara ta għat-teatru.

Broadway[editja]

Għalkemm Calleia ħadem f'iktar minn 50 film, huwa dejjem qal li jippreferi l-palk miċ-ċinema. Kien meqjus bħala "a bright light" fi Broadway bejn l-1926 u l-1945, u deher f'ħafna drammi ta' suċċess, fosthom:

  • Broadway f'Broadhurst Theatre, minn Settembru 1926 sa Frar 1928, bħala "Joe, wejter"[1]
  • The Front Page f'Times Square Theatre, minn Awwissu 1928 sa April 1929, bħala "Kruger (Journal of Commerce)"[2]
  • The Last Mile f'Sam H. Harris Theatre, minn Frar sa Ottubru 1930 bħala "Tom D'Amoro"[3]
  • Grand Hotel fin-National Theatre, minn Novembru 1930 sa Diċembru 1931, bħala "ix-xufier",and general stage manager[4]
  • Honeymoon f'Helen Hayes Theatre, minn Diċembru 1932 sa Frar 1933, bħala "Nicola"[5]
  • Ten Minute Alibi f'Ethel Barrymore Theatre, minn Ottubru 1933 sa Jannar 1934, bħala "il-kaċċatur"[6]
  • Small Miracle f'John Golden Theatre, minn Settembru 1934 sa Jannar 1935, bħala "Tony Mako"[7]

Hollywood[editja]

Mill-1931, Calleia iffirma kuntratt mal-MGM f'Hollywood, fejn beda karriera b'suċċess fl-industrija tal-films, li fiha deher f'57 film mill-1931 sal-1955, ħafna drabi fil-parti ta' pulizija jew raġel kriminali f'films tal-gangsters u films western.

Għamel id-debutt tiegħu fil-films fl-1935 meta deher f'żewġ B-films: His Woman (1931) u The Girl in the Cab (1933). Mill-ewwel ħalla impressjoni tajba fil-parti ta' raġel kriminali fil-film Public Hero No. 1, u waraRiff Raff (1935) li fih ħadimha ta' womanizer, flimkien ma' Jean Harlow, Spencer Tracy u Mickey Rooney. Fl-1936, Calleia kiteb ix-xeneġġjatura għal The Robin Hood of El Dorado. Fl-1943, ħadimha ta' El Sordo f'''For Whom The Bell Tolls''.

Uħud mill-Films li ħa sehem fihom[editja]

Tlieta mill-films li fihom ħa sehem Calleia ma kinux tħallew jidħlu Malta fosthom Full Confession li fih l-attur kellu l-parti ta’ qassis.

Fl-1936, waqt li kien qed jaħdem il-film Tough Guy, Calleia ħareġ bl-idea li jkanta l-kanzunetta folkoristika Maltija Ah lilek tal-Gallarija, l-ewwel diska bil-Malti li qatt instemgħet fuq film ta’ Hollywood. Il-kumpanija għal bidu beżgħet tuża d-diska minħabba d-drittijiet tal-awtur imma Calleia kkonvinċihom li ma kien l-ebda drittijiet fuqha u użawha. Din il-kanzunetta kien ikantaha ma’ sħabu r-Rabtin meta kien għadu tifel fil-Buskett.

Premjijiet[editja]

Calleia irċieva l-Premju tal-Kritika fl-1938 għall-film dirett minn John Cromwell Algiers.

Irtirar[editja]

Calleia irtira fl-1963 u miet Tas-Sliema fl-età ta' 78 sena. Tliet snin qabel ma miet kienu offrewlu l-parti ta’ Don Corleone fil-film kbir The Godfather minflok Marlon Brando imma ma aċċettax. Minkejja l-fama tiegħu fl-Amerka u l-Italja, mewtu ma kinitx aħbar kbira f’Malta. Billi fil-films kien ħadem bosta karattri Sqallin, ir-RAI kienet tat l-aħbar li mietet stilla taċ-ċinema Taljana.

Il-Gvern ta' Malta unuratu b'sett ta' żewġ bolol fl-1997, fiċ-ċentinarju minn twelidu. F'Ottubru 2005, fuq inizjattiva taż-żagħżugħ Eman Bonnici, inkixef bust ta' Calleia quddiem id-dar fejn twieled fis-Saqqajja, xogħol l-iskultur Anton Agius. F'Mejju 2009, TVM xandar dokumentarju fuq ħajtu fis-sensiela Bijografiji.

Referenzi[editja]

Ħoloq esterni[editja]