Ġonna Botaniċi ta' Singapore
Il-Ġonna Botaniċi ta' Singapore huma ġnien tropikali antik 163 sena li jinsab fil-periferija tad-distrett tax-xiri ta' Orchard Road f'Singapore. Huma wieħed minn tliet ġonna, u l-unika ġnien tropikali, li ġew rikonoxxuti bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2] Il-Ġonna Botaniċi ta' Singapore ġew ikklassifikati bħala l-aqwa park fl-Asja mill-2013 mit-TripAdvisor Travellers' Choice Awards.[3] Ġew iddikjarati wkoll bħala l-Ġnien tas-Sena inawgurali fl-International Garden Tourism Awards fl-2012.
Il-Ġonna Botaniċi ġew stabbiliti fis-sit attwali fl-1859 mis-Soċjetà Agri-Ortikulturali. Kellhom rwol kruċjali fl-aqwa snin tal-kummerċ tal-lastiku fir-reġjun fil-bidu tas-seklu 20 meta l-ewwel direttur xjentifiku tagħhom, Henry Nicholas Ridley, mexxa r-riċerka fil-qasam tal-kultivazzjoni tal-pjanti. Permezz tal-ipperfezzjonar tat-teknika tal-estrazzjoni tal-lastiku, li għadha tintuża sa llum il-ġurnata, u permezz tal-promozzjoni tal-valur ekonomiku tal-lastiku lill-bdiewa fir-reġjun, l-output tal-lastiku kiber b'mod rapidu ħafna. Fl-aqwa tagħha fis-snin 20 tas-seklu 20, il-peniżola Malajana kellha f'idejha nofs il-produzzjoni globali tal-latex.
Il-Ġnien Nazzjonali tal-Orkidej, li jinsab fi ħdan il-ġonna prinċipali, huwa minn ta' quddiem nett fl-istudji dwar l-orkidej u huwa pijunier fil-kultivazzjoni ta' ibridi. B'hekk jikkomplementa l-istatus tan-nazzjon bħala esportatur ewlieni ta' orkidej maqtugħin. Bl-għajnuna tal-klima ekwatorjali, il-ġnien fih l-ikbar kollezzjoni ta' orkidej fid-dinja, b'1,200 speċi u 2,000 ibridu.
Fil-bidu tal-indipendenza tan-nazzjon, il-Ġonna Botaniċi ta' Singapore kienu ta' għajnuna biex b'għarfien espert l-gżira tiġi ttrasformata fuq livell dinji f'belt li fiha nnifisha tkun rikonoxxuta bħala ġnien tropikali. Fl-1981, l-orkidea xeblikija ibrida, Vanda Miss Joaquim, intgħażlet bħala l-fjura nazzjonali tal-pajjiż. Id-"diplomazija tal-orkidej" ta' Singapore tonora lill-kapijiet ta' stat, lid-dinjitarji u liċ-ċelebritajiet li jżuru l-pajjiż billi waħda mill-ifjen orkidej ibridi tissemma għalihom; dawn il-fjuri jintwerew fil-Ġonna popolari tal-Orkidej tal-Iżjed Nies Importanti.[4][5]
Il-Ġonna Botaniċi jiftħu kuljum mill-5 ta' filgħodu sa nofsillejl u d-dħul huwa mingħajr ħlas[6], għajr il-Ġnien Nazzjonali tal-Orkidej. Iżjed minn 10,000 speċi ta' fjuri u pjanti huma mifruxa f'erja ta' iktar minn 82 ettaru (200 akru). Din l-erja hija estiża vertikalment ukoll; l-itwal distanza bejn it-truf tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar hi ta' 2.5 km (1.6 mil). Il-Ġonna Botaniċi ta' Singapore jilqgħu madwar 4.5 miljun viżitatur kull sena.
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel "Ġnien Botaniku u Sperimentali" f'Singapore ġie stabbilit fl-1822 fuq l-Għolja tal-Gvern minn Sir Stamford Raffles, il-fundatur ta' Singapore moderna u naturalist akkanit. Il-kompitu prinċipali tal-Ġnien kien li jiġu evalwati l-għelejjel tal-kultivazzjoni li kienu ta' importanza ekonomika potenzjali, inkluż il-frott, il-ħxejjex, il-ħwawar u materja prima oħra. Dan l-ewwel Ġnien ingħalaq fl-1829.[7]
Kien xi 30 sena wara li l-Ġonna Botaniċi attwali ta' Singapore bdew jeżistu fl-1859, meta s-Soċjetà Agri-Ortikulturali ta' Singapore ngħatat 32 ettaru ta' art f'Tanglin mill-gvern kolonjali, li kien kisibha mill-merkant Hoo Ah Kay, magħruf iktar bħala Whampoa, bi tpartit għal art fil-Moll tad-Dgħajjes.
1859-1876
[immodifika | immodifika s-sors]Il-ġonna l-ġodda bdew jiffunzjonaw primarjament bħala "park tad-divertiment" għall-membri tas-soċjetà. Lawrence Niven tqabbad bħala sovraintendent u disinjatur pajsaġġistiku sabiex jikkonverti l-pjantaġġuni essenzjalment li kienu kibru żżejjed u roqgħa art b'foresta tropikali verġni f'park pubbliku. Hu u t-tim tiegħu ħadmu fuq l-iżvilupp tal-Ġonna Botaniċi sabiex jiġu riflessi l-istili tal-Moviment tal-Ġonna Pajsaġġistiċi Ingliżi. Dan kien jinkludi sensiela ta' "mogħdijiet u fetħiet interkonnessi, żona livellata tal-parati fejn il-baned militari setgħu jdoqqu l-mużika... u l-istabbiliment ta' tħawwil ta' pjanti ornamentali". Il-konfigurazzjoni tal-Ġonna Botaniċi kif inhuma llum il-ġurnata hija bbażata kważi għalkollox fuq id-disinn ta' Niven. Fl-1866 il-Ġonna Botaniċi kibru lejn in-naħa tal-Majjistral b'madwar 12-il ettaru. It-tħaffir tal-Lag taċ-Ċinji seħħ fl-1866. Fl-1868 tlestiet is-Sala ta' Burkill. Is-Soċjetà Agri-Ortikulturali ta' Singapore spiċċawlha l-fondi, u dan wassal biex il-gvern kolonjali jieħu f'idejh il-ġestjoni tal-ġonna fl-1874. Fl-1875, il-Kumitat tal-Librerija ta' Raffles għażel ortikultur, Henry James Murton, bħala l-ewwel Sovraintendent tal-Ġonna, u tqabbad espert fiż-żooloġija, William Krohn, biex jibni kollezzjoni ta' annimali fi ħdan il-ġonna, u jistabbilixxi l-ewwel żu f'Singapore. Sal-1877, il-partijiet żviluppati tal-ġonna kollha kellhom gaġeġ b'kollezzjoni ta' madwar 150 annimal b'kollox.[8]
1877-1942
[immodifika | immodifika s-sors]L-ewwel nebbieta tal-pjanta tal-gomma waslet fil-Ġonna Botaniċi mill-Ġonna Botaniċi Rjali ta' Kew fl-1877. Naturalist, Henry Nicholas Ridley, magħruf ukoll bħala "Mad Ridley", sar id-direttur tal-ġonna fl-1888 u ħa ħsieb il-kultivazzjoni tal-gomma għall-produzzjoni tal-lastiku. Kellu suċċess fl-esperimenti li wettaq fit-tħawwil tal-pjanti tal-gomma u kkonvinċa lill-ħawwiela fil-peniżola Malajana kollha biex jadottaw il-metodi tiegħu. Ir-riżultati kienu tal-għaġeb; il-peniżola Malajana saret il-produttur u l-esportatur numru wieħed fid-dinja tal-lastiku naturali.[2]
Fl-1879 ġie stabbilit il-Wied tal-Palm fejn qabel kien hemm il-Ġnien Ekonomiku. Nathaniel Cantley, li ssostitwixxa lil Murton bħala t-tieni Sovraintendent tal-Ġonna Botaniċi fl-1880, issorvelja l-kostruzzjoni tas-Sala ta' Ridley fl-1882. Kostruzzjonijiet oħra kienu jinkludu d-Dar tal-Pjanti, arboretum fejn qabel kien hemm il-Ġnien Ekonomiku, u mixtliet tal-pjanti. Minħabba l-ispejjeż għoljin għaż-żamma taż-żu fil-ġonna, fl-1903, il-gvern kolonjali ddeċieda li jbigħ l-annimali u l-għasafar kollha u jagħlaq iż-żu. Kostruzzjonijiet oħra fil-Ġonna Botaniċi kienu jinkludu d-Dar ta' E. J. H. fl-1910 u s-Sala ta' Holttum fl-1921. Dan kien il-perjodu wkoll meta ġiet stabbilita l-fjura nazzjonali ta' Singapore, l-orkidea ibrida Vanda Miss Joaquim, li kienet parti mill-kisba tax-xogħol pijunier fl-ibridizzazzjoni tal-orkidej mill-Professur Eric Holttum, id-direttur tal-Ġonna Botaniċi mill-1925 sal-1949. It-tekniki tiegħu wasslu biex Singapore tkun wieħed miċ-ċentri ewlenin fid-dinja tat-tkabbir kummerċjali tal-orkidej. Attwalment, il-Ġonna Botaniċi għandhom l-ikbar kollezzjoni ta' eżemplari ta' pjanti tropikali.
1942-1945
[immodifika | immodifika s-sors]Matul l-okkupazzjoni Ġappuniża ta' Singapore mill-1942 sal-1945, Hidezo Tanakadate (田中館秀三), professur tal-ġeoloġija mill-Università Imperjali ta' Tohoku, sar jaf bil-possibbiltà li l-Ġonna u l-Mużew jinsterqu matul l-okkupazzjoni, u nnegozja direttament mal-Ġeneral Tomoyuki Yamashita biex jikseb il-kontroll tal-Ġonna Botaniċi ta' Singapore u l-Mużew ta' Raffles. Fil-bidu tal-okkupazzjoni, huwa żgura li ma jsir l-ebda serq fil-Ġonna u fil-Mużew. Iż-żewġ istituzzjonijiet baqgħu jiffunzjonaw bħala istituzzjonijiet xjentifiċi. Holttum u Edred John Henry Corner wettqu apprendistat fil-Ġonna u komplew bix-xogħol ortikulturali hemmhekk. Madankollu, il-gvern u l-armata Ġappuniżi ma kinux lesti jiffinanzjaw l-istituzzjonijiet, u Tanakadate kellu jħallas għall-manutenzjoni u għas-salarji tal-persunal minn butu. Il-Ġonna Botaniċi ġew imsemmija bħala l-Ġonna Botaniċi ta' Shōnan (昭南植物園). Tanaka rritorna lejn il-Ġappun f'Lulju 1943, u Dr. Kwan Koriba, professur irtirat tal-botanika mill-Università Imperjali ta' Kjoto u segretarju ġenerali tad-dipartiment tal-affarijiet ġenerali u tal-amministrazzjoni militari Malajani tal-Armata Imperjali Ġappuniża, inħatar bħala d-direttur tal-Ġonna u tal-Mużew, u baqa' jwettaq dawn il-karigi sa tmiem il-gwerra.[9]
1945-1986
[immodifika | immodifika s-sors]Wara li l-gwerra ntemmet, il-Ġonna reġgħu spiċċaw taħt il-kontroll tal-Brittaniċi f'Settembru 1945, u Koriba nżamm bħala priġunier tal-gwerra. Corner innegozja għall-ħelsien ta' Koriba mal-kmand Brittaniku, billi kkwota l-kontributi tiegħu għall-protezzjoni tal-Ġonna Botaniċi, iżda għażel li jibqa' taħt kustodja flimkien maċ-ċittadini l-oħra miżmuma bħalu sal-ħelsien tiegħu f'Jannar 1946.[10]
Murray Ross Henderson, il-kuratur tal-Herbarium qabel il-gwerra, ħa post Holttum bħala direttur mill-1949 sal-1954. Eventwalment il-Ġonna Botaniċi kellhom rwol importanti matul il-kampanja tat-"tħaddir ta' Singapore" u l-kampanja tal-Belt tal-Ġonna matul l-ewwel snin tal-indipendenza.
1986–preżent
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Ġonna Botaniċi ta' Singapore tpoġġiet taħt ir-responsabbiltà tal-Bord tal-Parks Nazzjonali. Il-Ġonna Botaniċi ġew rivitalizzati b'faċilitajiet pubbliċi ġodda u mtejba, faċilitajiet tar-riċerka u faċilitajiet tat-taħriġ (1990-2005). L-enfasi kienet fuq il-Viżjoni tal-Belt tal-Ġonna, l-Ortikultura, ir-Riċerka dwar it-Tassonomija u l-Bijodiversità, ir-Rikreazzjoni u l-Edukazzjoni.
L-"Estensjoni ta' Tyersall" fil-Ġonna Botaniċi ġiet imħabbra fl-2009. Total ta' 18-il ettaru ta' art ġew miżjuda għat-tkabbir tal-Ġonna Botaniċi bi kważi erba' darbiet id-daqs oriġinali fl-1859. Magħrufa bħala l-Foresta tal-Apprendiment tal-Ġonna Botaniċi meta tlestiet kompletament fl-2018, l-estensjonijiet kienu jinkludu Ċentru ta' Interpretazzjoni tal-Konservazzjoni tal-Foresti u Gallerija tal-Arti tal-Istorja Naturali, ospitati f'binjiet kolonjali ta' iktar minn mitt sena. Il-Foresta tal-Apprendiment fiha l-aqwa siġar tropikali li jikbru f'kundizzjonijiet lokali u jsaħħu l-pożizzjoni tal-Ġonna Botaniċi bħala istitut ewlieni għar-riċerka, għall-konservazzjoni u għall-edukazzjoni. Il-viżitaturi jistgħu japprezzaw din il-kollezzjoni unika ta' siġar u ta' pjanti permezz ta' diversi mixjiet tematiċi fi ħdan il-Foresta tal-Apprendiment, magħmula minn siġar ġgantestki, siġar b'diversi għamliet u friegħi interessanti, kollezzjoni tal-konservazzjoni ta' speċijiet ta' frott u ta' lewż rari, u ġnien tal-bambù.[11] Hemm ukoll skema ta' protezzjoni mill-għargħar għad-distrett prinċipali tax-xiri f'Orchard Road u l-madwar, kif ukoll vaska għaż-żamma tal-ilma tax-xita b'kapaċità ta' madwar 15-il pixxina ta' daqs Olimpiku.[12]
Attrazzjonijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Ġonna Botaniċi huma kkonfinati b'Holland Road u Napier Road fin-Nofsinhar, Cluny Road fil-Lvant, Tyersall Avenue u Cluny Park Road fil-Punent u Bukit Timah Road fit-Tramuntana. Id-distanza lineari bejn it-truf tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar hija ta' madwar 2.5 km (1.6 mil). Hemm għadd ta' daħliet f'żoni differenti tal-Ġonna Botaniċi, għalkemm id-Daħla ta' Tanglin faċċata ta' Holland Road fin-Nofsinhar hi d-daħla grandjuża ewlenija.
Ġnien Nazzjonali tal-Orkidej
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Ġnien Nazzjonali tal-Orkidej huwa l-attrazzjoni prinċipali fi ħdan il-Ġonna Botaniċi. Dan jinsab lejn il-Punent tal-Ġonna Botaniċi, b'kollezzjoni ta' iktar minn tliet ettari ta' għoljiet b'iżjed minn 1,000 speċi u 2,000 ibridu ta' orkidej.
Hemm għadd ta' attrazzjonijiet fi ħdan il-Ġnien tal-Orkidej, inkluż dawn li ġejjin:
Is-Sala ta' Burkill: is-Sala ta' Burkill hija binja kolonjali bil-pjantaġġuni li nbniet fl-1886. Fl-imgħoddi kienet id-dar tad-direttur u ngħatat isem l-uniku par ta' missier u iben li kellhom il-kariga ta' Direttur tal-Ġonna Botaniċi ta' Singapore, Isaac u Humphrey Burkill. Il-pjan terran jintuża bħala żona għall-wiri, b'informazzjoni dwar ibridi differenti mogħtija isem jew kunjom Nies Importanti Ħafna (VIPs) li żaru l-ġnien.
Il-Ġnien tal-Orkidej tal-VIPs: jinsab fuq in-naħa ta' wara tas-Sala ta' Burkill u fih ibridi tal-iżjed orkidej popolari tal-VIPs. Ibridi notevoli jinkludu d-Dendrobium Memoria Prinċipessa Diana, Dendrobium Margaret Thatcher, × Renantanda Akihito, Dendrobium Masako Kotaishi Hidenka, Dendrobium Elizabeth u Vanda Gloria Macapagal Arroyo. Iktar minn 100 persuna famuża, dinjitarju, u kapijiet ta' stat li żaru l-ġonna ġew onorati bil-programm tad-diplomazija tal-orkidej ta' Singapore.
L-Orkidarju: ġenna tal-art għal dawk li jħobbu l-orkidej. Jospita speċijiet naturali f'ambjent tropikali.
Id-Dar taċ-Ċpar ta' Tan Hoon Siang: Tan Hoon Siang kien dixxendent ta' Tan Tock Seng, li kien filantropu u fundatur tal-Isptar ta' Tan Tock Seng. Id-dar taċ-ċpar fiha kollezzjoni mill-isbaħ ta' ibridi b'kuluri differenti. Fiha wkoll kollezzjoni żgħira ta' orkidej ifuħu bħal Vanda Mimi Palmer.
Id-Dar tal-Bromelidi ta' Yuen-Peng McNeice: li ngħatat isem l-isponsor tagħha, tospita l-pjanti mill-familja Bromeliaceae, li tinkludi l-ananas. Il-kollezzjoni unika ta' bromelidi esposta hawnhekk inxtrat mill-Mixtla ta' Shelldance fl-Istati Uniti fl-1994.
Id-Dar Bierda: din il-faċilità tipprova toħloq l-ambjent ta' foresta tropikali fuq art għolja u tospita l-orkidej li normalment jinstabu biss f'dawn iż-żoni.
Foresta Tropikali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Ġonna Botaniċi ta' Singapore fihom foresta tropikali żgħira ta' madwar sitt ettari li hija eqdem mill-ġonna stess. Il-foresta tropikali u r-Riżerva Naturali ta' Bukit Timah jinsabu fi ħdan il-limiti tal-belt ta' Singapore. Il-belt ta' Singapore hija waħda minn żewġ bliet maġġuri b'foresta tropikali fi ħdanha, flimkien ma' Rio de Janeiro bil-Foresta ta' Tijuca.
Ġnien tal-Ġinger
[immodifika | immodifika s-sors]Dan il-ġnien ta' ettaru jinsab qrib il-Ġnien Nazzjonali tal-Orkidej, u jiġbor flimkien membri tal-familja Zingiberaceae. Il-ġnien fih ristorant imsejjaħ Halia Restaurant. Fil-ġnien hemm ukoll kaskata tul Tyersall Avenue. Il-ġnien infetaħ uffiċjalment fl-2003 u ħa post il-Faċilità tal-Orkidej preċedenti.
Ċentru tal-Botanika u Daħla ta' Tanglin
[immodifika | immodifika s-sors]Iż-żewġ blokok il-ġodda ta' uffiċċji u ta' klassijiet fiż-żona mmodernizzata ta' Tanglin issa huma magħrufa bħala ċ-Ċentru tal-Botanika. Dawn jospitaw:
- il-Librerija tal-Botanika u tal-Ortikultura (inkluż iċ-Ċentru Pubbliku ta' Referenza);
- il-Herbarium ta' Singapore (bl-akronimu internazzjonali: Herb. SING), li jospita 750,000 eżemplar;
- il-Qasam tat-Tnissil u tal-Mikropropagazzjoni tal-Orkidej; u
- klassijiet tal-edukazzjoni u workshops.
Il-kurituri u l-mogħdijiet tal-mixi taċ-Ċentru tal-Botanika huma miksija b'marki tal-weraq. Hemm ukoll għadd ta' tinqix tal-injam mifruxa madwar il-Ġonna Botaniċi u ħitan vertikali miksija bil-felċi.
Il-Paviljun l-Aħdar huwa l-ewwel "saqaf ekoloġiku" f'Singapore. Pjanti u ħaxix jiksu għalkollox is-saqaf. Din il-faċilità tospita l-uffiċċju tas-servizzi għall-viżitaturi kif ukoll kafetterija msejħa Food For Thought fis-sular ta' taħt l-art.
L-uffiċċji tal-eks diretturi, is-Sala ta' Holttum (għal Eric Holttum, id-Direttur tal-Ġonna mill-1925 sal-1949) u s-Sala ta' Ridley (għal Henry Nicholas Ridley, l-ewwel direttur tal-Ġonna mill-1888 sal-1911) ġew ippreservati u issa huma magħrufa bħala l-Mużew tal-Wirt tal-Ġonna Botaniċi ta' Singapore u s-Sala ta' Ridley (spazju għall-avvenimenti).
Ġnien tat-Tfal ta' Jacob Ballas
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Ġnien tat-Tfal ingħata isem id-donatur prinċipali tiegħu Jacob Ballas, filantropu Lhudi minn Singapore li miet fl-2004.
Dan il-ġnien inbena bi spiża ta' S$7 miljun (li minnhom $99 miljun ingħataw b'donazzjoni mill-Jacob Ballas Trust u mill-isponsors), u jinsab fit-tarf iktar kwiet tat-Tramuntana tal-Ġonna Botaniċi. Għandu ċ-ċentru tiegħu stess għall-viżitaturi b'kafetterija. Infetaħ f'Jum it-Tfal, l-1 ta' Ottubru 2007. Il-Bord tal-Parks Nazzjonali jisħaq li huwa l-ewwel ġnien tat-tfal fl-Asja. Fih żoni għal-logħob bħaż-żona tal-Logħob bl-Ilma, żona żgħira bil-bandli, djar fis-siġar biż-żrieżaq, u labirint. Hemm ukoll wirjiet interattivi li jgħallmu kif isseħħ il-fotosinteżi, u ġnien żgħir li juri kif il-pjanti jistgħu jintużaw għall-produzzjoni tal-kuluri, tax-xorb jew tal-ħxejjex aromatiċi.
Fiċ-Ċentru għall-Viżitaturi tal-Ġnien tat-Tfal hemm skultura tal-artist Iżraeljan Zodok Ben-David. Bl-isem ta' Mystree, ġiet ikkummissjonata mill-Mużew ta' Yad Vashem fl-2010. Mill-bogħod, l-iskultura tidher qisha siġra iżda mill-qrib wieħed jinduna li hemm 500 figura umana.
Għalkemm jitqies bħala parti mill-Ġonna Botaniċi, il-Ġnien tat-Tfal għandu daħla tiegħu stess tul Bukit Timah Road.
Attrazzjonijiet oħra
[immodifika | immodifika s-sors]Max-xatt tan-Nixxiegħa ta' Saraca hemm bosta pjanti tropikali li jibqgħu neżlin taħt għolja żgħira. Is-siġar notevoli prinċipali tan-nixxiegħa huma s-siġar tas-Saraca Sofor (Saraca cauliflora) u s-siġar tas-Saraca Ħomor (Saraca declinata). Attrazzjonijiet oħra jinkludu l-Wied tal-Palm, iż-żona tal-Banda, il-Ġnien tax-Xemx u l-Ġnien tal-Arloġġ tax-Xemx.
Il-Ġonna Botaniċi fihom tliet lagi: il-Lag tas-Sinfonija, il-Lag Ekoloġiku u l-Lag taċ-Ċinji. Fuq il-Palk tas-Sinfonija tal-Fondazzjoni Shaw fil-Lag tas-Sinfonija okkażjonalment isiru kunċerti mingħajr ħlas fi tmiem il-ġimgħa. Fost l-orkestri notevoli li daqqew hemmhekk kien hemm l-Orkestra Sinfonika ta' Singapore u l-Orkestra Ċiniża ta' Singapore. Fl-10 ta' Ottubru 2008[13], statwa tal-kompożitur Frédéric Chopin ġiet żvelata fin-Nofsinhar tal-Lag tas-Sinfonija.
Il-kwartieri ġenerali tal-Bord tal-Parks Nazzjonali jinsabu fi ħdan il-Ġonna Botaniċi ta' Singapore.[14] Fost ir-ristoranti fi ħdan il-Ġonna Botaniċi hemm ukoll ristorant lussuż bi stilel Michelin imsejjaħ Corner House f'binja kolonjali; Casa Verde, kafetterija fiċ-Ċentru għall-Viżitaturi; u l-Halia Restaurant, ristorant fil-Ġnien tal-Ġinġer. Hemm ukoll ħwienet fejn il-viżitaturi jistgħu jixtru xi tifkira tal-ġonna. L-aġenzija nazzjonali ta' Singapore għal kwistjonijiet marbuta mal-bijodiversità, iċ-Ċentru Nazzjonali għall-Bijodiversità, jinsab ukoll fi ħdan il-Ġonna Botaniċi.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Applikazzjoni uffiċjali biex il-Ġonna Botaniċi ta' Singapore jitniżżlu bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO tressqet lill-UNESCO f'Jannar 2014. L-applikazzjoni tenfasizza t-tifsira storika u kulturali tal-ġonna u l-kisbiet tagħhom fil-konservazzjoni u fir-riċerka. Ġie kkompilat dokument tan-nominazzjoni ta' 700 paġna li tfassal fi żmien sena u nofs mid-diviżjoni tal-preservazzjoni tas-siti u l-monumenti tal-Bord tal-Wirt Nazzjonali u mid-direttur tal-Ġonna Botaniċi, Dr Nigel Taylor, li kien involut fit-tħejjija tad-dokument tan-nominazzjoni tal-Ġonna Rjali ta' Kew fir-Renju Unit mis-sena 2000 sal-2003.
Bħala parti mill-proċess, id-dokument ipprova jikseb il-valutazzjoni pożittiva tal-Kunsill Internazzjonali tal-Monumenti u s-Siti (ICOMOS), assoċjazzjoni professjonali separata. Fis-16 ta' Mejju 2015, il-bord tal-esperti tal-ICOMOS appoġġa d-deżinjazzjoni tal-Ġonna Botaniċi ta' Singapore bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mingħajr riżervi – u taw l-aqwa rakkomandazzjoni possibbli, u ddikjara li:[15]
il-Ġonna Botaniċi juru l-evoluzzjoni tal-ġnien kolonjali Brittaniku fi ġnien botantiku modern u ta' klassi dinjija, u huma istituzzjoni xjentifika u post ta' konservazzjoni u ta' edukazzjoni.
Fl-4 ta' Lulju ta' dik is-sena, f'Bonn, id-39 sessjoni tal-Kumitat tal-Wirt Dinji ddelibera dwar in-nominazzjoni ta' Singapore, u l-21 membru kollha approvawha.[16][17] Dr Taylor fakkar il-vot unanimu:[18]
Kienet xi ħaġa straordinarja, l-itwal ċapċipa li qatt smajt ... u kull membru tal-kumitat kellu xi ħaġa importanti xi jgħid favur id-deżinjazzjoni tal-Ġonna Botaniċi bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.
Il-Ġonna Botaniċi ta' Singapore huma l-ewwel ġonna tropikali u t-tielet ġonna botaniċi li ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO[2], għall-ħabta tal-50 sena indipendenza tal-pajjiż.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[2]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]-
Is-siġra tat-Tembusu (Faraea fragrans) li tidher fuq in-naħa ta' wara tal-karta tal-flus tal-ħames dollari ta' Singapore.
-
L-orkidea Dendrobium Margaret Thatcher.
-
Il-Kollezzjoni ta' Bromelidi ta' Yuen-Peng McNeice.
-
L-orkidea Dendrobium Bae Yong-joon, kultivar ta' orkidea msemmija għall-attur mill-Korea t'Isfel.
-
L-orkidea Vanda Miss Joaquim, il-fjura nazzjonali ta' Singapore.
-
Ċinju iswed (Cygnus atratus) fil-Lag Ekoloġiku.
-
Il-Ġnien tax-Xemx (li qabel kien magħruf bħala l-Ġnien tal-Blat u tax-Xemx).
-
L-iskultura Ċinji Jtiru li ġiet installata f'Mejju 2006 fil-Lag taċ-Ċinji.
-
Il-Blokok taċ-Ċentru tal-Botanika, b'veduta ta' Calophyllum inophyllum u waħda mill-iskulturi tal-injam tal-kumpless.
-
Orkidej differenti.
-
Ġinġer.
-
Tifla fuq Bandla (1984), statwa tal-bronż tal-iskultur Brittaniku Sydney Harpley.
-
Is-Sala ta' Burkill.
-
Il-Kollezzjoni tal-Franġipani.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ Auto, Hermes (2015-07-04). "Singapore Botanic Gardens clinches prestigious Unesco World Heritage site status | The Straits Times". www.straitstimes.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-12.
- ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "Singapore Botanic Gardens". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-12.
- ^ "Botanic Gardens top park in Asia on Tripadvisor". AsiaOne (bl-Ingliż). 2014-06-20. Miġbur 2022-12-12.
- ^ Hermes (2015-07-05). "Urban Haven | The Straits Times". www.straitstimes.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-12.
- ^ "Singapore". AsiaOne (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-12.
- ^ "Singapore Botanic Gardens | Homepage". www.nparks.gov.sg. Miġbur 2022-12-12.
- ^ "Newspaper Article - SINGAPORE FIRST BOTANICAL GARDENS". web.archive.org. 2016-04-20. Arkivjat mill-oriġinal fl-2016-04-20. Miġbur 2022-12-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "All Creatures Great and Small: Singapore's First Zoos". web.archive.org. 2022-10-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-10-17. Miġbur 2022-12-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "1". web.archive.org. 2022-10-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-10-17. Miġbur 2022-12-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "2". web.archive.org. 2021-06-02. Arkivjat mill-oriġinal fl-2021-06-02. Miġbur 2022-12-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "gov.sg | The Sunday Times - Botanic Gardens to keep on growing". web.archive.org. 2015-11-25. Arkivjat mill-oriġinal fl-2015-11-25. Miġbur 2022-12-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Tan, Ria. "Work to start on extension to Botanic Gardens". Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-10-17. Miġbur 2022-12-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Official Unveiling of the Chopin Monument in Singapore Botanic Gardens :: The Embassy of The Republic of Poland in Singapore". web.archive.org. 2010-06-26. Arkivjat mill-oriġinal fl-2010-06-26. Miġbur 2022-12-12.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Fern, Ong Sor (2016-07-21). "Singapore's Michelin-starred restaurants: All you need to know | The Straits Times". www.straitstimes.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-12.
- ^ "Unesco title plants Singapore firmly on world map". AsiaOne (bl-Ingliż). 2015-07-05. Miġbur 2022-12-12.
- ^ Auto, Hermes (2015-07-04). "Singapore Botanic Gardens clinches prestigious Unesco World Heritage site status | The Straits Times". www.straitstimes.com (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-12.
- ^ "CNA: Breaking News, Singapore News, World and Asia". CNA (bl-Ingliż). Miġbur 2022-12-12.
- ^ "UNESCO nomination dossier a labour of love since 2010 - Channel NewsAsia". web.archive.org. 2016-11-17. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-11-17. Miġbur 2022-12-12.