Xochicalco

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Piramida l-Kbira ta' Xochicalco.

Xochicalco (pronunzja bil-lingwa Nahuatl: [ʃot͡ʃiˈkaɬko]) huwa sit arkeoloġiku pre-Kolumbjan fil-Muniċipalità ta' Miacatlán fil-parti tal-Punent tal-istat Messikan ta' Morelos. L-isem Xochicalco jista' jiġi tradott min-Nahuatl bħala "fid-dar tal-fjuri". Is-sit jinsab 38 kilometru fil-Lbiċ ta' Cuernavaca, madwar 76 mil bil-karozza mill-Belt tal-Messiku. Is-sit huwa miftuħ għall-viżitaturi l-ġimgħa kollha, mill-10:00 ta' filgħodu sal-05:00 ta' waranofsinhar, għalkemm l-aċċess għall-osservatorju jitħalla biss wara nofsinhar. L-apoġew ta' Xochicalco wasal wara l-waqgħa ta' Teotihuacan u jingħad ukoll li Xochicalco x'aktarx li kellha rwol fil-waqgħa tal-Imperu ta' Teotihuacan.

L-arkitettura u l-ikonografija ta' Xochicalco fihom ċertu xebħ ma' Teotihuacan, ir-reġjun tal-Maja, u l-kultura Matlatzinca tal-Wied ta' Toluca. Illum il-ġurnata, ir-residenti tal-villaġġ fil-qrib ta' Cuentepec jitkellmu bil-lingwa Nahuatl.

Iċ-ċentru ċerimonjali prinċipali jinsab fil-quċċata ta' għolja mwittija b'mod artifiċjali, bi fdalijiet ta' strutturi residenzjali, il-biċċa l-kbira mhux skavati, fuq terrazzi twal li jgħattu x-xaqlibiet. Is-sit ġie okkupat għall-ewwel darba għall-ħabta tal-200 Q.K., iżda ma żviluppax f'ċentru urban qabel il-perjodu Epiklassiku (700-900 W.K.). Kważi l-arkitettura kollha fis-sit inbniet f'dan iż-żmien. Fl-aqwa żmien tagħha, il-belt jaf kellha popolazzjoni ta' 20,000 ruħ.

Xochicalco huwa Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u destinazzjoni turistika. Is-sit għandu wkoll mużew b'bosta oġġetti għall-wiri.

Monumenti[immodifika | immodifika s-sors]

Spazju miftuħ f'Xochicalco fejn kienu jilagħbu l-logħba tal-ballun tal-Maja.

Ta' interess speċjali huma r-riljievi skolpiti fuq il-ġnub ta' xi binjiet. It-Tempju tas-Serp bir-Rix għandu xbihat stilizzati ta' divinità bi stil li jinkludi influwenzi ċari ta' Teotihuacan u tal-arti tal-Maja. Is-saffi għoljin tal-piramida fihom riljievi mnaqqxa li juru l-irħula li kienu jagħtu ġieħ lil Xochicalco, kif ukoll diversi figuri bilqiegħda li jidhru tal-Maja.[1] Ingħad li Xochicalco jaf kellha komunità ta' artisti minn partijiet oħra tal-Mesoamerka.

Fost monumenti oħra fis-sit hemm diversi tempji oħra b'għamla ta' piramida mtarrġa, palazzi, tliet postijiet fejn kienu jilagħbu l-logħba tal-ballun tal-Maja, sawni, ringiela mhux tas-soltu ta' artali ċirkolari, u għar bit-taraġ imnaqqax ġo fih. Is-sit fih ukoll xi steli skolpiti weqfin; oħrajn tneħħew mill-pożizzjoni oriġinali tagħhom u issa jinsabu għall-wiri fil-mużw tal-INAH fil-Belt tal-Messiku u fil-mużew tas-sit.

Storja u esplorazzjoni[immodifika | immodifika s-sors]

Katusi tad-drenaġġ tal-ilma tax-xita ta' Xochicalco.

Il-belt antika ta' Xochicalco ġiet stabbilita għall-ħabta tas-650 W.K. mill-Olmeca-Xicalanca, li kienu grupp ta' kummerċjanti tal-Maja minn Campeche, f'sit f'pożizzjoni eċċellenti tul diversi mir-rotot kummerċjali Mesoamerikani ewlenin. Il-belt-stat kellha popolazzjoni ta' bejn 10,000 u 15,000 ruħ, u bosta minnhom kienu involuti fil-produzzjoni tal-artiġjanat u fil-kummerċ fuq distanza twila.[2] Kienet ċentru kummerċjali u reliġjuż iffortifikat importanti wara d-deklin tal-bliet-stati kbar Mesoamerikani. Il-kundizzjonijiet batuti tal-biedja fl-inħawi juru li x'aktarx inbniet għal skopijiet kummerċjali u ta' difiża. Il-fdalijiet ġew deskritti għall-ewwel darba mill-esploratur Antonio Alzate fl-1777. Fl-1810, Alexander von Humboldt ippubblika deskrizzjoni u illustrazzjoni ta' Xochicalco, abbażi ta' deskrizzjoni ta' Alzate u inċiżjoni ppubblikata fil-Belt tal-Messiku fl-1791.[3] L-Imperatur Massimiljanu tal-Messiku żar il-fdalijiet. It-Tempju tas-Serp bir-Rix ġie rrestawrat mill-arkeologu Messikan Leopoldo Batres fl-1910. Saru skavi arkeoloġiċi maġġuri u iktar restawr f'proġett mis-snin 40 sas-snin 60 tas-seklu 20 minn Eduardo Noguera u César Saenz. Jaime Litvak King ħadem ukoll fis-sit. Fl-1976 l-arkeologu Kenneth Hirth mill-Università Statali ta' Pennsylvania beda proġett multistaġonali fil-post fejn immappja s-sit kollu u wettaq skavi tad-djar u tal-istudjos tal-ossidjana. Fl-1988 inbeda programm fuq skala kbira ta' skavi tal-arkitettura monumentali minn Norberto González Crespo u Silvia Garza mill-INAH. Barra minn hekk, inbena mużew ġdid biex jospita s-sejbiet spettakolari ta' dan il-proġett.

Konċessjoni tal-2009 mogħtija lill-kumpanija tal-estrazzjoni Kanadiża Esperanza Silver hija ta' theddida għas-sit, skont l-arkeologu Silvia Garza Tarazona taċ-Centro del Instituto Nacional de Antropología e Historia (INAH) ta' Morelos.[4]

Qerda tal-belt[immodifika | immodifika s-sors]

L-osservatorju astronomiku ta' Xochicalco.

Għall-ħabta tad-900 W.K., il-belt ta' Xochicalco ngħatat in-nar u nqerdet. Bosta mid-djar u mit-tempji skavati għandhom saffi ta' ħruq u ta' qerda li jkopru d-depożiti mill-okkupazzjoni Epiklassika prinċipali. Taħt is-saffi tal-qerda, tħallew diversi oġġetti f'posthom fid-djar, xi ħaġa li tindika li s-sit nqered jew ġie abbandunat ħesrem. Popolazzjoni żgħira x'aktarx li baqgħet tgħix hemmhekk, madankollu, fuq ix-xaqlibiet iktar baxxi tal-għolja. Iktar 'il quddiem, għall-ħabta tal-1200, is-sit ġie kkolonizzat mill-ġdid mill-popli Tlahuica li jitkellmu l-lingwa Nahuatl, l-antenati tal-popolazzjonijiet li jitkellmu l-lingwa Nahuatl tal-istat modern ta' Morelos.

Osservatorju astronomiku[immodifika | immodifika s-sors]

L-osservatorju huwa għar immodifikat biex jippermetti l-istudju taċ-ċaqliq tax-xemx. L-għar ġie miksi bl-istukko u nżebagħ bl-iswed, bl-isfar u bl-aħmar b'ċumnija twila 8.7 metri mill-bażi sa fuq nett, u li hija eżagonali lejn it-tarf ta' fuq. Iċ-ċumnija għandha kemxejn ta' xaqliba li tippermetti r-raġġi tax-xemx jiġu pprojettati fuq l-art tal-għar.

Fil-105 jiem mit-30 ta' April sal-15 ta' Awwissu, ir-raġġi tax-xemx jaslu fl-għar. Fiċ-ċaqliq tax-xemx lejn it-Tropiku tal-Kanċer u lura, rispettivament nhar l-14/15 ta' Mejju u t-28/29 ta' Lulju, meta x-xemx tkun fl-eqqel punt tagħha u jkun hemm in-nofsinhar astronomiku, ir-raġġi tax-xemx jgħaddu direttament miċ-ċumnija u x-xbiha tax-xemx tiddi mal-art tal-għar. Ċertament, fl-imgħoddi ħadu vantaġġ minn dan il-fenomenu tax-xemx, u s-sit intuża wkoll għal ċerimonji reliġjużi.[5]

Tempju tas-Serp bir-Rix[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-riljievi tat-Tempju tas-Serp bir-Rix.

It-Tempju tas-Serp bir-Rix għandu riljievi stilizzati skolpiti b'mod fin ta' dik id-divinità, bi stil li jinkludi influwenzi ċari ta' Teotihuacan u tal-arti tal-Maja.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Stele fuq pjattaforma ċentrali quddiem il-piramidi ta' Xochicalco.

Iż-Żona tal-Monumenti Arkeoloġiċi ta' Xochicalco ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[6]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[6]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Snow, Dean R. "Archaeology of Native North America." Prentice Hall, New York: 2010. p. 157.
  2. ^ Snow, Dean (2010). Archaeology of Native North America. Upper Saddle River: Prentice Hall. p. 157.
  3. ^ Humboldt, Alexander von (2012). Views of the Cordilleras and monuments of the indigenous peoples of the Americas : a critical edition. Chicago: University of Chicago Press. p. 60. ISBN 9780226865065.
  4. ^ Cuernavaca, Susana Paredes | El Sol de. "Peligra Xochicalco por minera: INAH". El Sol de Cuernavaca | Noticias Locales, Policiacas, sobre México, Morelos y el Mundo (bl-Ispanjol). Miġbur 2022-08-17.
  5. ^ "INAH National Institute of Anthropology and History of Mexico". web.archive.org. 2008-05-25. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-05-25. Miġbur 2022-08-17.
  6. ^ a b Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Monuments Zone of Xochicalco". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-08-17.