Aqbeż għall-kontentut

Um er-Rasas

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Um er-Rasas

Um er-Rasas (bl-Għarbi: أم الرّصاص‎; fil-qedem: Kastron Mefa'a) huwa sit arkeoloġiku li jinsab 30 kilometru fix-Xlokk ta' Madaba fil-Governorat ta' Amman fiċ-ċentru tal-Ġordan. Fl-imgħoddi kien aċċessibbli minn toroq sekondarji li joħorġu mill-Awtostrada tar-Re, u jinsab fir-reġjun semiaridu tal-isteppa tad-Deżert tal-Ġordan. Is-sit ġie assoċjat mal-insedjament Bibbliku ta' Mefagħat imsemmi fil-Ktieb ta' Ġeremija. Il-militar Ruman uża s-sit bħala gwarniġjon strateġiku, iżda iktar 'il quddiem is-sit ġie kkonvertit u abitat minn komunitajiet Kristjani u Iżlamiċi. Fl-2004, is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u huwa meqjus bħala ta' valur kbir mill-arkeologi fid-dawl tal-fdalijiet estensivi li nstabu ta' żmien ir-Rumani, il-Biżantini u l-Musulmani.[1] Is-soċjetà akkademika Franġiskana f'Ġerusalemm, Studium Biblicum Franciscanum (SBF), wettqet skavi fin-naħa tat-Tramuntana tas-sit fl-1986, iżda l-biċċa l-kbira taż-żona għadha midfuna taħt ir-radam.[2]

Storja bikrija[immodifika | immodifika s-sors]

Il-mużajk tal-Knisja ta' San Stiefnu bl-iskrizzjoni ta' Kastron Mefa'a

B'mod partikolari matul l-epoki ta' Żmien il-Bronż Bikri III-IV, Żmien il-Ħadid II, u Żmien ir-Rumani u l-Biżantini, popolazzjonijiet densi kienu jgħixu fir-reġjuni topografiċi lil hinn mix-xtut tal-Punent tal-Baħar Mejjet.[3] Fost dawn l-insedjamenti tal-qedem, is-sit ta' Mefagħat issemma fit-testi Bibbliċi bħala waħda mill-bliet fuq il-promontorju li ġiet ikkundannata b'qerda kbira (il-Ktieb ta' Ġeremija 48:21).[4] Diversi toroq sekondarji li joħorġu mill-Awtostrada tar-Re jwasslu għall-iktar bliet remoti, iżda r-rotta prinċipali kienet isservi bħala l-Via Traiana Nova li nbniet mill-Imperatur Ruman Trajanu (53-117 W.K.).[5] Din it-triq bil-ħafna toroq sekondarji li joħorġu minnha kienet tiffaċilita l-ivvjaġġar, u tul it-triq ġew stabbiliti gwarniġjoni militari Rumani bħala miżura difensiva kontra l-attakki mill-Barbari mill-fruntiera Rumana tad-deżert magħrufa bħala l-Limes Arabicus. Fl-Onomasticon (K.128:21), Ewsebju ta' Ċesarja identifika Mefagħat bħala s-sit fejn kienet ġiet stabbilita armata Rumana ħdejn id-deżert.[6] Barra minn hekk, l-iskavi ta' knisja Biżantina ħarġu fid-dieher iskrizzjoni li ssemmi ż-żona bħala "Castron Mephaa", u din kompliet issostni t-teorija li Um er-Rasas u Mefagħat tal-Bibbja huma l-istess sit.[7]

Mużajk[immodifika | immodifika s-sors]

Mużajk tas-sajd bis-sajjied imħassar

L-iktar skoperta importanti fis-sit kienet l-art bil-mużajk tal-Knisja ta' San Stiefnu li tħejjiet fis-785 (ġiet skoperta wara l-1986). Il-mużajk ippreservat għalkollox huwa l-ikbar wieħed fil-Ġordan. Fil-parti ċentrali hemm xeni tal-kaċċa u tas-sajd, filwaqt li f'parti oħra hemm l-iktar bliet importanti tar-reġjun, fosthom Philadelphia (Amman), Madaba, Esbounta (Heshbon), Belemounta (Ma'an), Areopolis (Ar-Rabba), Charac Moaba (Karak), Ġerusalemm, Nablus, Ċesarja, u Gaza. Il-gwarniċ tal-mużajk huwa tassew dekorattiv. Ix-xogħol tal-mużajk sar minn sitt artisti: Staurachios minn Esbus, Euremios, Elija, Kostantinu, Germanus, u Abdela. Fit-Tramuntana tal-Knisja ta' San Stiefnu hemm art oħra bil-mużajk, danneġġata, li tinsab fil-Knisja tal-Isqof Sergius tal-587. Fil-qrib ġew skavati erba' knejjes oħra, uħud bi traċċi ta' dekorazzjoni bil-mużajk.

Perjodu Biżantin[immodifika | immodifika s-sors]

It-Torri Stilita

Sas-seklu 4 W.K., il-ħolqien tal-pellegrinaġġi wassal biex il-Palestina ssir in-nukleu tad-dinja Kristjana, u għexieren ta' rġiel u nisa devoti kienu jaqsmu d-deżert sabiex ifittxu s-siti ta' importanza Bibblika kif ukoll sabiex jitwaħħdu mal-ħallieq tagħhom.[8] L-għadd ta' pellegrini żdied sew sas-seklu 5 W.K., u bosta Kristjani għażlu li jistabbilixxu insedjament fid-deżert b'komunitajiet monastiċi. Um er-Rasas ġie kkonvertit f'ċentru ekkleżjastiku b'diversi knejjes Biżantini.[9] Fost is-sejbiet notevoli li nstabu f'Um er-Rasas hemm il-Knisja ta' San Stiefnu, b'mużajk elaborat u sofistikat. L-iskoperta ta' iskrizzjonijiet bil-Grieg fi ħdan il-mużajk ikkonfermat li l-knisja tmur lura għas-756-785 W.K.[10] Dawn id-dati jinzertaw jaħbtu mal-perjodu tal-Kaliffat Abbasid bi tmexxija Musulmana, u juri l-okkupazzjoni Kristjana iktar tard fiż-żoni tal-madwar. Il-mużajk juri vinjetti muniċipali b'test ta' spjegazzjoni li jkopru sensiela ta' bliet fil-Palestina, fil-Ġordan u tul id-Delta tan-Nil.[11] Fil-mużajk ta' Um er-Rasas ma hemmx rappreżentazzjonijiet ta' postijiet sagri prinċipali meqjuma mill-pellegrini, bħal Betlehem, Hebron jew Nażaret, għad-differenza tal-Mappa ta' Madaba li nstabet fil-qrib.

Torri Stilita[immodifika | immodifika s-sors]

Karatteristika ewlenija ta' Um er-Rasas tinsab xi mil (1.6 km) fit-Tramuntana tal-fdalijiet tal-ħitan.[12] Din l-istruttura ġiet interpretata bħala torri Stilita, jiġifieri struttura għolja li kienet tintuża bħala pjattaforma għall-axxetiċi Kristjani biex jgħixu iżolati fuq nett kif ukoll bħala artal għas-sejħa għat-talb.[13] It-torri huwa mżejjen b'simboli Kristjani mnaqqxa fuq l-erba' naħat tiegħu. Il-pilastru kwadru għadu qawwi u sħiħ fid-distanza bħala evidenza tal-komunità li fi Żmien il-Biżantini kienet qed tiffjorixxi bħala ċentru spiritwali.

Ħakma Musulmana[immodifika | immodifika s-sors]

L-unika mużajk f'Um er-Rasas fejn għad fadal immaġni waħda tal-Isqof Sergius

L-armati Musulmani ppenetraw il-Palestina matul is-sajf tas-634 W.K., u inizjalment attakkaw ir-reġjuni tul il-kosta Mediterranja inkluż l-Istrixxa ta' Gaza.[14] Mhux kuntenti bil-kontroll Biżantin, il-membri tat-tribujiet lokali li kienu jitkellmu bl-Għarbi u li kienu jgħixu fid-deżert, għenu lill-invażuri Musulmani u b'hekk iffaċilitaw il-ħakma tagħhom. Il-kampanja militari effikaċi kienet ikkaratterizzata minn qerda limitata, u bosta bliet tal-Art Imqaddsa ċedew għat-termini tat-tmexxija Musulmana. Il-knejjes Biżantini qajla ġew ittrasformati f'moskej, iżda speċjalment matul il-perjodu Abbasid, il-gvern Musulman inforza b'mod attiv liġijiet restrittivi kontra l-immaġnijiet Kristjani.[15] Il-mużajk ġie mħassar minħabba t-tneħħija u l-assemblaġġ mill-ġdid tat-tesseri kkuluriti bħalma wieħed jista' josserva fil-Knisja ta' San Stiefnu f'Um er-Rasas. Wara l-ħakma Musulmana, il-Kristjani baqgħu jagħmlu l-pellegrinaġġi lejn il-postijiet sagri għalihom, madankollu, l-għadd naqas minħabba t-theddida tal-ħabs mill-uffiċjali Musulmani.[16] Ħafna mill-monasteri u l-knejjes li nbnew mill-Kristjani Biżantini fl-aħħar mill-aħħar ġew abbandunati.

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Um er-Rasas ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji fl-2004.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Um er-Rasas (Kastrom Mefa'a)". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2021-11-04.
  2. ^ "Studium Biblicum Franciscanum - Information". web.archive.org. 2007-12-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-12-05. Miġbur 2021-11-04.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ Dearman, J. Andrew (1997). "Roads and settlements in Moab". The Biblical Archaeologist. 60 (4): 205–213. p. 205.
  4. ^ May, Herbert Gordon; Metzger, Bruce Manning (1977). The new Oxford annotated Bible with the Apocrypha : Revised standard version, containing the second edition of the New Testament and an expanded edition of the Apocrypha. New York : Oxford University Press.
  5. ^ Dearman, J. Andrew (1997). "Roads and settlements in Moab". The Biblical Archaeologist. 60 (4): 205–213. p. 206.
  6. ^ Timm, Stefan (2010). Eusebius und die Heilige Schrift: Die Schriftvorlagen des Onomastikons der Biblischen Ortsnamen. p. 477.
  7. ^ Dearman, J. Andrew (1997). "Roads and settlements in Moab". The Biblical Archaeologist. 60 (4): 205–213. p. 210.
  8. ^ Wilken, Robert L. (1988). "Byzantine Palestine: a Christian holy land". The Biblical Archaeologist. 51 (4): 214–217, 233–237. p. 216.
  9. ^ Britt, Karen C. (2015). "Through a glass brightly: Christian communities in Palestine and Arabia during the early Islamic period". In Mohammad Gharipour (ed.). Sacred Precincts: The Religious Architecture of non-Muslim Communities across the Islamic World. Leiden: Brill. p. 260.
  10. ^ Wilken, Robert L. (1988). "Byzantine Palestine: a Christian holy land". The Biblical Archaeologist. 51 (4): 214–217, 233–237. p. 236.
  11. ^ Bowersock, G. W. (2006). Mosaics as History. Cambridge, MA: Harvard University Press. p. 11-13.
  12. ^ Wilken, Robert L. (1988). "Byzantine Palestine: a Christian holy land". The Biblical Archaeologist. 51 (4): 214–217, 233–237. p. 216.
  13. ^ Ball, Warwick (2000). Rome in the East: The Transformation of an Empire. New York, NY: Routledge. p. 290.
  14. ^ Wilken, Robert L. (1988). "Byzantine Palestine: a Christian holy land". The Biblical Archaeologist. 51 (4): 214–217, 233–237. p. 234.
  15. ^ Schick, Robert (1988). "Christian life in Palestine during the early Islamic period". The Biblical Archaeologist. 51 (4): 218–221, 239–240. p. 220.
  16. ^ Schick, Robert (1988). "Christian life in Palestine during the early Islamic period". The Biblical Archaeologist. 51 (4): 218–221, 239–240. p. 239.