Tumbati Funebri ta' Dilmun
It-Tumbati Funebri ta' Dilmun (bl-Għarbi: مدافن دلمون) huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO magħmul miż-żoni tan-nekropoli fuq il-gżira prinċipali ta' Bahrain u li jmorru lura għal żmien il-kulturi ta' Dilmun u ta' Umm al-Nar.[1]
Il-Bahrain ilu magħruf minn żmien il-qedem bħala gżira b'għadd kbir ħafna ta' siti funebri, u l-kilometri kwadri ta' tumbati funebri li oriġinarjament kienu magħrufa, kienu maħsuba bħala wieħed mill-ikbar nekropoli tad-dinja tal-qedem. In-nekropoli huma kkonċentrati fit-Tramuntana tal-gżira, fl-inħawi bil-blat iebes kemxejn 'il fuq mir-raba' agrikolu għammiel – in-Nofsinhar tal-gżira hija prinċipalment bir-ramel u qisha deżert. Studji reċenti wrew li l-madwar 350,000 tumbata funebri tal-qedem setgħu ġew magħmula biss mill-popolazzjoni lokali matul eluf ta' snin. It-tumbati mhumiex kollha tal-istess epoka, jew eżattament tal-istess stil, u jvarjaw b'mod konsiderevoli bħala daqs minn post għall-ieħor fl-inħawi tat-tumbati. Ir-riċerka, taħt il-patroċinju tal-Mużew Nazzjonali tal-Bahrain (flimkien mal-interess ġenwin tas-Soċjetà Arkeoloġika u Storika tal-Bahrain), għadha għaddejja sabiex tiġi stabbilita kronoloġija valida għall-varjazzjonijiet u għaż-żminijiet kollha tat-tumbati funebri, kif ukoll sabiex jitqiesu l-implikazzjonijiet għas-soċjetà jew għas-soċjetajiet li għamluhom.
Skavi
[immodifika | immodifika s-sors]Bejn l-10 u d-19 ta' Frar 1889, uħud mit-tumbati funebri ġew skavati mill-esploratur Brittaniku J. Theodore Bent u minn martu Mabel Bent. Skont id-djarju ta' Mabel Bent huma sabu "…bċejjeċ tal-avorju, tal-karbonju u tal-qxur tal-bajd tan-nagħma…".[2] Dawn is-sejbiet issa jinsabu fil-Mużew Brittaniku f'Londra.[3] Theodore Bent ippubblika r-riżultati tiegħu f'żewġ artikli,[4] iżda rendikont iktar dettaljat ingħata fil-ktieb tiegħu Southern Arabia (1900).[5]
Fis-snin 50 tas-seklu 20, grupp Daniż kien qed jiskava f'Qal'at al-Bahrain, il-belt kapitali ta' Żmien il-Bronż, u meta fetħu xi tumbati funebri skoprew oġġetti tal-istess kultura li jmorru lura għall-ħabta ta' 4,100-3,700 sena qabel il-preżent.[6][7] Bosta oħrajn bdew jiskavaw iktar tumbati funebri, u taw ħjiel dwar il-kostruzzjoni u l-kontenut ta' dawn l-oqbra.
Kompartimenti (fi ħdan it-tumbati funebri)
[immodifika | immodifika s-sors]Kull waħda mit-tumbati funebri hija magħmula minn kompartiment ċentrali tal-ġebel, imdawwar b'ħajt tond baxx, mirdum bil-ħamrija u biż-żrar. Id-daqs tat-tumbati jvarja, iżda l-maġġoranza tagħhom għandhom dijametru ta' 15-il pied bi 30 pied (4.5 metri b'9 metri) u huma għoljin 3-6 piedi (1-2 metri). It-tumbati iktar żgħar normalment fihom kompartiment wieħed biss. Il-kompartimenti normalment għandhom għamla rettangolari b'xi alkova jew tnejn fin-naħa tal-Grigal. Okkażjonalment fihom pari addizzjonali ta' alkovi tul in-naħa tan-nofs tal-kompartimenti l-kbar.
Għalkemm inġenerali l-kompartimenti kienu jkunu għal difna waħda, uħud fihom diversi katavri u l-kompartimenti sekondarji spiss ma fihom l-ebda difna. Id-deċeduti ġeneralment kienu jitpoġġew mimdudin b'rashom fin-naħa tal-alkova tal-kompartiment u kienu jitpoġġew mimdudin fuq ġenbhom fuq il-lemin. Mal-katavri kien ikun hemm ftit oġġetti. Kien ikun hemm ftit bċejjeċ tal-fuħħar u okkażjonalment xi siġilli tal-qxur tal-baħar jew tal-ġebel, qfief issiġillati bl-asfalt, oġġetti tal-avorju, buqari u ġarer tal-ġebel, kif ukoll armi tar-ram. L-iskeletri huma rappreżentattivi taż-żewġ ġeneri b'aspettattiva tal-ħajja ta' madwar 40 sena. It-trabi ġeneralment kienu jindifnu man-naħa ta' barra tal-ħajt tond madwar il-kompartimenti. L-għadd medju ta' tfal għal kull familja kien ta' 1.6 persuna.[8][9]
Kontroversji rigward il-konservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]It-tentattivi ta' protezzjoni tat-tumbati funebri ntlaqgħu b'oppożizzjoni mill-fundamentalisti reliġjużi li jqishom mhux Iżlamiċi u li appellaw biex jintefa' l-konkos fuqhom biex minflok jinbnew l-abitazzjonijiet. Matul dibattitu parlamentari fis-17 ta' Lulju 2005, il-mexxej tal-partit Salafist al Asalah, ix-Xejikk Adel Mouwda, qal "Abitazzjonijiet għall-ħajjin huma aħjar mill-oqbra għall-mejtin. Irridu nkunu kburin bl-għeruq Iżlamiċi tagħna u mhux b'xi ċivilizzazzjoni tal-qedem minn post u żmien ieħor, li ħallietilna xi ġarra u xi għadam 'l hemm u 'l hawn".[10]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]It-Tumbati Funebri ta' Dilmun ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2019.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Dilmun Burial Mounds". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-25.
- ^ The Travel Chronicles of Mrs J. Theodore Bent, Vol 3, 2010, p. 22. Oxford: Archaeopress.
- ^ "ornament | British Museum". The British Museum (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-25.
- ^ The Mounds of Bahrein, Athenæum, 1889, Issue 3219 (Jul), 38; The Bahrein Islands, in the Persian Gulf, Proceedings of the Royal Geographical Society and Monthly Record of Geography, Vol. 12 (1) (Jan 1890), 1-19.
- ^ Southern Arabia, Theodore u Mabel Bent, Kapitlu 2, 1900. Londra: Smith, Elder and Co.
- ^ "Bahrain digs unveil one of oldest civilisations" (bl-Ingliż). 2013-05-20. Miġbur 2023-10-25.
- ^ Carrington, Daisy (2013-11-01). "In Bahrain, development chips away at world's largest, oldest burial site". CNN (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-25.
- ^ Højlund, Flemming (2007). The Burial Mounds of Bahrain: Social Complexity in Early Dilmun (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna) - ^ Crawford, Harriet; Killick, Robert; Moon, Jane (2016). Dilmun Temple At Saar (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt:
|iktar=
(għajnuna) - ^ "Bahraini Islamists : Mohammed Khalid, Ali Mattar, Adel Mouwda, Ali Salman, Jassim Al Saeedi, Majeed Karimi, Khalifa Al Dhahrani". 紀伊國屋書店ウェブストア|オンライン書店|本、雑誌の通販、電子書籍ストア (bil-Ġappuniż). Miġbur 2023-10-25.