Aqbeż għall-kontentut

Qal'at al-Bahrain

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Qal'at al-Bahrain.

Qal'at al-Bahrain (bl-Għarbi: قلعة البحرين; bil-Portugiż: Forte de Barém), magħruf ukoll bħala l-Forti tal-Bahrain jew il-Forti Portugiż, huwa sit arkeoloġiku li jinsab fil-Bahrain. Mill-iskavi arkeoloġiċi li saru mill-1954 ġew żvelati antikitajiet minn tumbata artifiċjali għolja madwar 12-il metru (39 pied) li kien fiha seba' saffi stratifikati, li nħolqot minn diversi okkupanti mill-2300 Q.K. sas-seklu 18, inkluż il-Kassiti, il-Griegi, il-Portugiżi u l-Persjani. Fl-imgħoddi is-sit kien il-belt kapitali taċ-ċivilizzazzjoni ta' Dilmun u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[1][2]

Storja u esplorazzjonijiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sejbiet arkeoloġiċi skavati fil-forti joħorġu fid-dieher ħafna aspetti dwar l-istorja tal-pajjiż. Huwa maħsub li l-inħawi ġew okkupati għal madwar 5,000 sena u l-fdalijiet jagħtu ħjiel siewi dwar Żmien ir-Ram u Żmien il-Bronż fil-Bahrain. L-ewwel Forti tal-Bahrain inbena madwar 3,000 sena ilu, fuq l-għolja tal-Grigal tal-gżira tal-Bahrain.[3] Il-forti attwali jmur lura għas-seklu 6 W.K.[4] Is-sit kien il-belt kapitali taċ-ċivilizzazzjoni ta' Dilmun, li skont il-Ġrajja Epika ta' Gilgamesh, kienet "l-art tal-immortalità", il-post anċestrali tas-Sumeri u punt ta' lqugħ tal-allat.

Is-sit għandu erja ta' 17.5-il ettaru u ġie deskritt bħala "l-iżjed sit tal-qedem importanti fil-Bahrain". L-ewwel skavi fis-sit saru minn spedizzjoni arkeoloġika Daniża mmexxija minn Geoffrey Bibby bejn l-1954 u l-1972 fis-isem il-Mużew Preistoriku ta' Moesgaard. Instabu ftit tavli kunejformi mhux datati iżda x'aktarx ta' żmien il-Kassiti.[5] Mill-bidu tas-snin 70 tas-seklu 20, bdiet taħdem fis-sit spedizzjoni Franċiża miċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka Xjentifika u nstabu madwar 50 tavla. Tlieta minnhom ġew datati li jmorru lura għar-renju ta' re Kassit imsejjaħ Agum, x'aktarx Agum III.[6] Mill-1987 arkeologi Daniżi u tal-Bahrain wettqu skavi oħra fis-sit.[7][8][9] L-ispedizzjoni Daniża żvelat li s-sit kien ukoll sit Ellenistiku notevoli.[10][11][12][13]

Il-forti għall-ħabta tal-1870.

Qal'at al-Bahrain huwa forti mibni fuq għolja fuq il-gżira tal-Bahrain, mal-kosta tat-Tramuntana. F'jum bnazzi wieħed jista' jarah saħansitra minn Saar. Donnu joqgħod "għassa" qrib Manama, il-belt kapitali attwali tal-Bahrain; preċiżament 6 kilometri (4 mili) 'il bogħod minn Manama mal-kosta għammiela tat-Tramuntana.[14][15] Il-forti huwa l-ikbar wieħed fir-reġjun tal-Golf Persjan u nbena qrib il-port permezz tar-reklamazzjoni tal-art mill-baħar.

L-ispedizzjoni arkeoloġika Daniża mmexxija minn Geoffrey Bibby fis-sit skavat tal-Forti tal-Bahrain fis-snin 50 tas-seklu 20.

Qal'at al-Bahrain jinsab fuq għolja tipika – tumbata artifiċjali maħluqa minn bosta saffi suċċessivi ta' okkupazzjoni umana. L-istrati huma mifruxa fuq erja ta' 180,000 pied kwadru (16,723 m2). Dawn huma xhieda tal-preżenza umana kontinwa mill-ħabta tal-2300 Q.K. sas-seklu 16 W.K. Madwar 25 % tas-sit ġie skavat u ġew żvelati tipi ta' strutturi differenti: residenzjali, pubbliċi, kummerċjali, reliġjużi u militari. Dawn jixhdu l-importanza tas-sit bħala port kummerċjali matul is-sekli. Fil-quċċata tat-tumbata għolja 12-il metru (39 pied), hemm il-Forti Portugiż (Qal'at al-Burtughal). Peress li s-sit kien il-belt kapitali taċ-ċivilizzazzjoni ta' Dilmun, fih l-iżjed fdalijiet rikki ta' din iċ-ċivilizzazzjoni, li qabel is-sejba tagħhom kienu magħrufa biss minn referenzi Sumeri bil-miktub.

Is-sit fih bosta żoni u ħitan, inkluż in-nekropoli ta' Saar, in-nekropoli ta' Al-Hajjar, il-Palazz tal-Kassiti, in-nekropoli ta' Madimat Hermand, in-nekropoli ta' Madimat Isa, in-nekropoli ta' Al-Maqsha, il-Palazz ta' Uperi, in-nekropoli ta' Shakhura, u s-swar tat-Tramuntana.[16] Il-fdalijiet ta' Żmien ir-Ram jikkonsistu minn żewġ sezzjonijiet tal-fortifikazzjonijiet madwar it-toroq u d-djar, u binja kolossali fit-tarf tal-ħandaq tal-Forti Portugiż fiċ-ċentru. Il-bċejjeċ tal-fuħħar Berberi ġew żvelati minn madwar il-ħitan tal-binja ċentrali, u jmorru lura għall-istess żmien tat-tempji Berberi, għalkemm uħud mill-bċejjeċ l-oħra tal-fuħħar u firxa ta' artefatti oħra li għadhom ma ġewx żvelati jindikaw li jmorru lura għal qabel it-tempji, x'aktarx għat-3000 Q.K. jew wara. Fdalijiet tar-ram u tal-avorju jagħtu ħjiel dwar ir-rabtiet kummerċjali tal-qedem. Fis-sit instabu ħafna reċipjegnti, u mill-iskavi Daniżi tal-inħawi tal-Palazz ta' Uperi ġew żvelati "skutelli tas-sriep", sarkofagi, siġilli u mera, fost affarijiet oħra.

Konfigurazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

L-iskavi fl-għolja tal-forti żvelaw insedjament żgħir, l-unika wieħed ta' dak il-perjodu fil-Lvant tal-Arabja, fuq in-naħa tat-Tramuntana tagħha. Huwa maħsub li l-villaġġ kien ġie insedjat mill-poplu li żviluppa l-agrikoltura qrib l-oażi, ħawwel is-siġar tal-palm, rabba l-bhejjem, in-nagħaġ u l-mogħoż, u saħansitra beda jistad fil-Baħar tal-Arabja. Id-djar żgħar li bena kienu magħmula mill-ġebel mhux maħdum, flimkien mat-tafal jew it-tkaħħil. L-artijiet bil-ġibs fid-djar jingħad li kienu spazjużi. L-iskavi wasslu għall-konklużjoni wkoll li l-villaġġ kellu toroq li kienu jisseparaw l-abitazzjonijiet.[17]

Il-fortifikazzjonijiet fis-sit skavat instabu madwar ir-raħal u nbnew fid-direzzjonijiet kardinali kollha. Il-ħitan tal-forti issa huma viżibbli biss fix-xaqlibiet tat-Tramuntana, tal-Punent u tan-Nofsinhar tal-għolja, u n-naħa tal-Lvant għadha trid tiġi skavata. Il-fortifikazzjonijiet kienu jkopru erja ta' 15-il ettaru (37 akru), u l-ħitan inbnew b'ħxuna li tvarja, u kellhom daħliet għat-trasport u għall-aċċess, pereżempju tal-karovani tal-ħmir. Il-fortifikazzjonijiet spiss ġew mgħollija, kif wieħed jista' josserva mid-daħliet f'erba' livelli; l-iżjed daħla reċenti kellha żewġ ġebliet illostrati (ta' materjal fin) li kienu jirfdu daħla doppja ppuntata. Il-ħajt tal-Punent baqa' ppreservat sew għal tul ta' disa' metri (30 pied). It-toroq kienu orjentati mit-Tramuntana għan-Nofsinhar u kienu wesgħin 12-il metru (39 pied).

Kien hemm palazz fiċ-ċentru tal-għolja f'pożizzjoni strateġika li kien jikkonsisti minn diversi mħażen li ġew meqjusa bħala indikattivi tal-attività ekonomika matul il-perjodu ta' Dilmun. Tul it-toroq mill-palazz lejn it-Tramuntana, wieħed jasal f'daħla kbira li x'aktarx kienet id-daħla għat-territorju tal-palazz. Id-djar mudestri nbnew bl-istess daqs u tip ta' kostruzzjoni tul network ta' toroq.

Is-sit gawda prosperità sal-1800 Q.K. u mbagħad ġie abbandunat. Eventwalment, is-sit tgħatta bir-ramel mill-baħar.

L-artefatti tal-metall li nstabu fis-sit kienu limitati għal xi bċejjeċ tar-ram, għodod tas-sajd u ponta ta' lanza; ġie identifikat workshop ta' 525 metru (1,722 pied), fejn instabu żewġ forom fonduti tar-ram u xi forom tax-xama'. Ġew irkuprati wkoll għodod żgħar u kbar għad-dewbien tal-metall, b'kwantitajiet sostanzjali, li huma indikazzjoni tal-manifattura fuq skala kbira minn artiġjani professjonali. L-oġġetti tar-ram imbagħad kienu jiġu kkummerċjalizzati fil-pajjiżi tal-madwar bħall-Oman u l-Mesopotamja. Mill-iskavi ġew irkuprati wkoll siġilli tal-kultura ta' Dilmun.

Barra minn hekk, ġew irkuprati diversi borom u reċipjenti. Il-borom kienu jintużaw għat-tisjir, filwaqt li r-reċipjenti l-kbar kienu jintużaw għall-importazzjoni tal-ikel mill-Oman u mill-Mesopotamja. Fost l-affarijiet instabu ematit u kitba kunejformi b'rabta mal-Mesopotamja; skutelli tal-istetit b'rabta mal-Oman; u żibeġ karneljani, piż tal-ġebel u ftit bċejjeċ tal-fuħħar b'rabta maċ-ċivilizzazzjoni tal-Indus.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta panoramika tal-forti.

Qal'at al-Bahrain ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

  1. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Qalat al-Bahrain Ancient Harbour and Capital of Dilmun". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-10-25.
  2. "Rapport Nru 1192 tal-UNESCO" (PDF).
  3. Whelan, John (April 1983). Bahrain: a MEED practical guide. Middle East Economic Digest. pp. 17 et seqq. ISBN 978-0-9505211-7-6.
  4. World and Its Peoples. Marshall Cavendish. September 2006. p. 42. ISBN 978-0-7614-7571-2.
  5. Geoffrey Bibby, Looking for Dilmun, Knopf, New York, 1969, ISBN 9780394434001.
  6. Potts, D. T. “Elamites and Kassites in the Persian Gulf.” Journal of Near Eastern Studies, vol. 65, no. 2, 2006, pp. 111-119.
  7. Lombard, Pierre. "The French Archaeological Mission at Qal'at al-Bahrain, 1989-1994: Some results on Late Dilmun and later periods." Dilmun 16 (1996): 26-42.
  8. André-Salvini, B., and P. Lombard. “La Découverte Épigraphique de 1995 à Qal’at al-Bahrein: Un Jalon Pour La Chronologie de La Phase Dilmoun Moyen Dans Le Golfe Arabe.” Proceedings of the Seminar for Arabian Studies, vol. 27, 1997, pp. 165–70.
  9. Boucharlat, Rémy (1984). Arabie orientale, Mésopotamie et Iran méridional: de l'âge du fer au début de la période islamique. Éditions Recherche sur les civilisations. ISBN 9782865380770.
  10. Højlund, Flemming. Qala'at al-Bahrain/2 The central monumental buildings. Aarhus Univ. Press, 1997.
  11. Højlund, Flemming. "Qala'at al-Bahrain/volume 3 The Western and Southern city walls and other excavations." Qala'at al-Bahrain (2019).
  12. Højlund, Flemming, and H. Hellmuth Andersen. "Qala'at Al-Bahrain./ 1 The Northern city wall and the Islamic fortress" Aarhus Aarhus Univ. Press 1994.
  13. Khalifa, Haya Ali; Rice, Michael (1986). Bahrain through the ages: the archaeology. KPI. ISBN 978-0-7103-0112-3.
  14. Dr Mike Hill. Wildlife of Bahrain. Miracle Graphics. pp. 92 et seqq. ISBN 978-99901-37-04-0.
  15. The Report: Emerging Bahrain 2007. Oxford Business Group. 2007. pp. 158 et seqq. ISBN 978-1-902339-73-3.
  16. Crawford, Harriet; Rice, Michael (1 December 2005). Traces of Paradise: The Archaeology of Bahrain, 2500 BC to 300 AD. I.B.Tauris. p. 222. ISBN 978-1-86064-742-0.
  17. Harriet E. W. Crawford (12 July 2000). Traces of paradise: the archaeology of Bahrain 2500 BC-300 AD : an exhibition at the Brunei Gallery, Thornhaugh Street, London WC1, 12 July-15 September 2000. I.B. Tauris. pp. 59–62. ISBN 978-0-9538666-0-1.